Proċedura : 2015/2760(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0683/2015

Testi mressqa :

B8-0683/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.6
CRE 09/07/2015 - 12.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0270

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 182kWORD 92k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0680/2015
6.7.2015
PE559.052v01-00
 
B8-0683/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2015/2760(RSP))


Victor Boştinaru, Enrique Guerrero Salom, Elena Valenciano, Richard Howitt, Afzal Khan, Josef Weidenholzer, Ana Gomes, Alessia Maria Mosca, Nicola Caputo, Marlene Mizzi, Norbert Neuser, Brando Benifei, Maria Grapini, Andi Cristea, Victor Negrescu, Marc Tarabella, Krystyna Łybacka, Michela Giuffrida, Viorica Dăncilă, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Vilija Blinkevičiūtė, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Simona Bonafè, Nikos Androulakis, Sergio Gutiérrez Prieto, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Liisa Jaakonsaari, Zigmantas Balčytis, Goffredo Maria Bettini, Eric Andrieu, Emilian Pavel, Cătălin Sorin Ivan, Damian Drăghici, Momchil Nekov, Miroslav Poche, Julie Ward, Hugues Bayet, Tibor Szanyi, Neena Gill, Arne Lietz, Liliana Rodrigues f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2015/2760(RSP))  
B8‑0683/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Jemen tas-20 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, b’mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2201 tal-15 ta’ Frar 2015 u 2216 tal-14 ta’ April 2015,

–       wara li kkunsidra l-kummenti dwar il-Jemen mis-Sotto-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji, Stephen O'Brien, fil-25 ta' Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-3 ta' Lulju 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-kriżi fil-Jemen,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-kriżi attwali fil-Jemen hija r-riżultat ta' nuqqas minn gvernijiet suċċessivi li jissodisfaw l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit għad-demokrazija, għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, għall-istabbiltà u s-sigurtà;   billi t-tranżizzjoni falluta wara r-riżenja tal-President, li kien ilu fil-kariga, Ali Abdullah Saleh favur il-Viċi President Abd-Rabbu Mansour Hadi, ħolqot il-kundizzjonijiet għat-tfaqqigħ ta' kunflitt vjolenti billi naqset milli tistabbilixxi gvern inklużiv u qsim ġust tal-poter, u sistematikament tinjora id-diversi tensjonijiet tribali, in-nuqqas ta’ sigurtà mifruxa u l-paraliżi ekonomika tal-pajjiż;

B.     billi dawn in-nuqqasijiet ħolqu l-kundizzjonijiet biex inħolqu u kibru fis-saħħa il-milizji Houthi, mit-Tramuntana tal-pajjiż, li sfruttaw il-vakwu fil-governanza u s-sigurtà u ħatfu l-belt kapitali, Sana’a, f’Settembru 2014, u li bl-għajnuna u l-kompliċità ta’ forzi leali lejn l-ex-President Saleh, għamlu kisbiet kbar madwar il-pajjiż minn dak iż-żmien, kisbiet li rriżultaw fil-priġunerija ta’ avversarji politiċi u attakki fuq ċentri tal-popolazzjoni kbar, bħal Aden u Taiz; billi l-President leġittimu tal-Jemen, Abd–Rabbu Mansour Hadi, ħarab lejn l-Arabja Sawdija u ilu f'Riyadh sa minn dak iż-żmien;

C.     billi, bħala reazzjoni għall-avvanzi tal-Houthi u bi tweġiba għal talba mill-President Hadi, fis- 26 ta’ Marzu 2015 koalizzjoni mmexxiji mill-Arabja Sawdija tat bidu għall-operazzjoni “Decisive Storm”, li wara ngħatat l-isem “Restoring Hope”, fil-Jemen biex treġġa’ lura l-kisbiet ta’ Ansar Allah (il-milizja dominanti tal-Houthi), tagħti l-poter lura lill-President Hadi u ġġib is-sigurtà u l-istabilità fil-pajjiż; billi dawn l-objettivi s'issa ma nkisbux, minkejja bumbardamenti intensivi fuq il-pożizzjonijiet tal-Houthi; billi, madankollu, dan l-intervent irnexxielu jaggrava sitwazzjoni umanitarja li diġà hija ħażina ħafna; billi minn mindu beda l-ġlied inqatlu madwar 3 000 persuna, u ndarbu aktar minn 10 000;

D.     billi, minbarra l-attakki mill-ajru, l-Arabja Sawdija imponiet imblokk navali fuq il-Jemen li kellu effetti drammatiċi fuq il-popolazzjoni ċivili: 22 miljun ruħ – kważi 80 % tal-popolazzjoni – jeħtieġu l-ikel, l-ilma u provvisti mediċi urġentement; billi t-trasport tal-għajnuna umanitarja u l-merkanzija fil-pajjiż qed jixxekkel serjament minħabba r-roadblocks, il-ġlied u n-nuqqas ta’ sigurtà b’mod ġenerali; billi n-NU ddikjarat l-ogħla livell ta’ emerġenza umanitarja fil-Jemen u wissiet li l-pajjiż issa jinsab pass ‘il bogħod minn karestija;

E.     billi 9.9 miljun tifel u tifla ntlaqtu ħażin ħafna mill-kunflitt, u minn Marzu 2015 'l hawn inqatlu 279 tifel u tifla u ndarbu 402 oħra; billi mill-inqas 1.8 miljun tifel u tifla tilfu l-aċċess għall-edukazzjoni peress li l-iskejjel kellhom jagħlqu minħabba l-kunflitt, u dan ipoġġihom f'riskju akbar li jiġu reklutati jew użati mill-gruppi armati u jagħmilhom suxxettibbli għal forom oħra ta' abbuż;

F.     billi l-UNICEF tikkalkula li aktar minn nofs miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin jinsabu f'riskju li jiżviluppaw malnutrizzjoni akuta serja, filwaqt li 1.2 miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin jinsabu f'riskju ta' malnutrizzjoni akuta moderata – żieda ta' kważi d-doppju mill-bidu tal-kriżi 'l hawn;

G.     billi s-sistema tas-saħħa tinsab f'xifer kollass, u l-interruzzjoni tas-servizzi tat-tilqim qed tpoġġi madwar 2.6 miljun tifel u tifla taħt il-15-il sena f'riskju li taqbadhom il-ħosba u 2.5 miljun tifel u tifla f'riskju li taqbadhom id-dijarea – marda potenzjalment fatali li tinfirex malajr fi żminijiet ta' kunflitt u ta' spostament tal-popolazzjonijiet; billi l-għadd ta’ każijiet tad-deni tad-dengue qed jiżdied, m'hemmx trattamenti biżżejjed għall-mard kroniku, u l-provvisti u l-persunal mediċi qed jinżammu milli jaslu għand il-persuni li għandhom bżonnhom;

H.     billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, talab għal investigazzjoni wara li attakki mill-ajru mmexxija mill-Arabja Sawdija laqtu l-kamp tal-Programm ta' Żvilupp tan-NU f'Saada, li kkawżaw ħsara serja;

I.      billi l-Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) ibbenefikat mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen, u qiegħda tespandi l-preżenza tagħha u tkabbar l-għadd u l-iskala tal-attakki terroristiċi tagħha;

J.      billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (IS) / Da'esh stabbilixxa il-preżenza tiegħu fil-Jemen u wettaq attakki terroristiċi kontra l-moskej Xiiti, li qatlu mijiet ta' persuni; billi kemm l-AQAP u l-IS/Da'esh huma mistennija li jisfruttaw il-vakwu tas-sigurtà tal-Jemen sabiex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u jippjanaw attakki kontra l-forzi tas-sigurtà tal-Jemen, kontra l-Houthi u kwalunkwe preżenza tal-Punent;

K.     billi l-gwerra kontinwa u l-espansjoni tal-AQAP u tal-IS/Da'esh fil-Jemen joħolqu theddida diretta għall-istabbiltà u s-sigurtà ta' pajjiżi oħra fir-reġjun, u għall-UE u l-komunità internazzjonali dinjija;

L.     billi l-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, qed ikompli jinnegozja mal-partijiet kollha biex jaħdmu għal ‘pawża umanitarja’; billi l-Oman, li ma ngħaqadx mal-Operazzjoni "Decisive Storm", li wara ngħatat l-isem ta’ “Operation Restoring Hope” u jgawdi relazzjonijiet tajba maż-żewġ partijiet prinċipali tal-kunflitt, qiegħed imexxi l-isforzi diplomatiċi reġjonali sabiex jinkiseb waqfien mill-ġlied;

M.    billi wara l-bidu tal-gwerra fil-Jemen, il-Belt Antika ta’ Sana’a, sit ta’ Partimonju Dinji tal-UNESCO, intlaqtet f’attakk bil-bombi; billi bħala riżultat, ħafna binjiet storiċi, monument, mużewijiet, siti arkeoloġiċi u postijiet ta’ qima ġarrbu ħsara irreparabbli jew inqerdu;

N.     billi għal diversi raġunijiet, il-Jemen huwa eqreb minn qatt qabel lejn l-Ewropa, l-ewwel nett minħabba li ħafna rifuġjati tmill-Jemen — flimkien ma’ persuni mill-Qarn tal-Afrika li kienu qed jgħixu fil-Jemen f’dawn l-aħħar snin — issa ser japplikaw għall-asil fl-Ewropa, u t-tieni nett minħabba li l-instabbiltà fil-Jemen tipprovdi art fertili għat-taħriġ ta’ terroristi li jwettqu attakki f’pajjiżi Ewropej (bħal fil-każ ta’ Charlie Hebdo f’Pariġi);

1.      Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu għall-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen, u jappoġġa lill-poplu tal-Jemen;

2.      Jesprimi allarm serju rigward id-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni politika, umanitarja u tas-sigurtà fil-Jemen, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jaqblu fuq pawża umanitarja, mill-inqas matul ix-xahar imqaddes Musulman attwali tar-Ramadan, biex jingħata lok li l-għajnuna meħtieġa b’mod iddisprat titwassal għand il-popolazzjoni, bħala l-ewwel pass lejn waqfien dejjiemi mill-ġlied li għandu jwitti t-triq għal soluzzjoni politika negozjata; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-13-il miljun ruħ fil-Jemen li qed iħabbtu wiċċhom ma’ kriżi tas-sigurtà tal-ikel u d-9.4 miljuni li għandhom ftit jew l-ebda aċċess għall-ilma;

3.      Jikkundanna l-azzjonijiet unilaterali destabilizzanti u vjolenti meħuda mill-Houthi u l-unitajiet militari leali lejn l-ex-President Saleh, speċjalment fil-bliet ta’ Aden u Taiz; jikkundanna wkoll l-attakki mill-ajru tal-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-imblokk navali impost minnha fuq il-Jemen, li wasslu għal eluf ta' mwiet, komplew jiddestabbilizzaw lill-Jemen, ħolqu kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-espansjoni ta' organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħall-IS/Daesh u l-AQAP, u qegħdin jaggravaw sitwazzjoni umanitarja li diġà hija kritika;

4.      Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt itemmu l-użu tal-vjolenza immedjatament; Iħeġġeġ lill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija twaqqaf l-imblokk navali tal-Jemen b'mod immedjat, u tippermetti li jerġgħu jibdew l-importazzjoni kummerċjali lejn il-portijiet tal-Jemen sabiex jiġi evitat l-ġuħ serju u aktar nuqqasijiet, b'mod partikolari tal-ikel, karburanti u l-provvisti mediċi; jistieden lill-partijiet kollha biex jinvolvu ruħhom bil-għan li tkun pprovduta għajnuna umanitarja lill-persuni fil-bżonn f’kull reġjun tal-pajjiż;

5.      Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE, lill-Istati Membri u lill-Istati Uniti jintensifikaw il-pressjoni tagħhom fuq il-Gvern tal-Arabja Sawdija sabiex jikkonċentra biss fuq il-waqfien u t-tfittxija ta' bastimenti individwali li fil-każ tagħhom ikun hemm raġuni valida li wieħed jemmen li dawn ikunu involuti fil-kuntrabandu tal-armi; jistieden lill-Istati Membri jwaqqfu kwalunkwe esportazzjoni ta' armi lill-partijiet fil-kunflitt, peress li dan huwa inkompatibbli mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar il-kontrolli fuq l-esportazzjoni tal-armi;

6.      Jistieden lin-naħat kollha sabiex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili u jżommu lura milli jattakkaw infrastruttura ċivili, b'mod partikolari faċilitajiet mediċi u sistemi tal-ilma;

7.      Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrispettaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u, bħala kwistjoni ta’ urġenza, jagħtu aċċess bla restrizzjonijiet lill-ħaddiema umanitarji u l-għajnuna sabiex l-assistenza vitali tkun tista’ titgħata minnufih lill-persuni l-aktar vulnerabbli;

8.      Ifakkar li ċ-ċaħda arbitrarja tal-aċċess umanitarju u l-fatt li ċ-ċivili qed jinżammu mċaħħda minn oġġetti li huma indispensabbli għas-sopravivenza tagħhom jikkostitwixxu ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

9.      Jitlob li jkun hemm investigazzjoni indipendenti internazzjonali ta’ kull ksur allegat tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

10.    Jenfasizza li l-unika soluzzjoni li jista’ jkun hemm għall-kunflitt hija soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata; iħeġġeġ, għalhekk, lill-partijiet kollha fil-Jemen biex jaħdmu ħallli jsolvu d-differenzi ta' bejniethom permezz ta' djalogu, kompromess u qsim tal-poter li jwasslu għall-formazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali sabiex jerġa' jkun hemm il-paċi, jiġi evitat kollass ekonomiku u finanzjarju u tiġi indirizzata l-kriżi umanitarja;

11.    Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tan-NU u tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, biex jagħmluha ta’ intermedjarji għan-negozjati ta' paċi bejn il-partijiet; jappoġġja l-isforzi tal-Oman fil-kisba ta' waqfien mill-ġlied bejn il-Houthi u forzi leali lejn il-Gvern tal-Jemen bħala l-ewwel pass lejn soluzzjoni politika negozjata;

12.    Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakki terroristiċi mwettqa mill-ISIS/Da'esh kontra moskej Xiiti f'Sana'a u Saada, li qatlu u darbu mijiet ta' persuni, flimkien mat-tifrix tal-ideoloġija settarja estrema li hija l-bażi ta’ dawn l-atti kriminali;

13.    Jinsab allarmat bl-abbiltà tal-AQAP li tibbenefika mis-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà li sejra għall-agħar fil-Jemen; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt juru impenn sod u determinazzjoni għall-ġlieda kontra gruppi terroristiċi u estremisti bħall-IS/Da'esh u l-AQAP, bħala kwistjoni tal-ogħla prijorità; iwissi li kwalunkwe tentattiv biex dawn il-gruppi jiġu strumentalizzati fi ġlidiet kontra dawk li jitqiesu bħala għedewwa se jkun kontroproduċenti u jista' jwasslu għal aktar instabbiltà, tixrid ta' demm settarju u d-destabbilizzazzjoni fil-pajjiżi ġirien;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, lill-Gvernijiet tal-Jemen u tar-Renju tal-Arabja Sawdija, u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Lega tal-Istati Għarab.

Avviż legali