Proċedura : 2015/2760(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0686/2015

Testi mressqa :

B8-0686/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.6
CRE 09/07/2015 - 12.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0270

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 166kWORD 82k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0680/2015
6.7.2015
PE565.664v01-00
 
B8-0686/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2015/2760 (RSP))


Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Angel Dzhambazki, Jana Žitňanská, Beatrix von Storch, Ashley Fox, Ryszard Czarnecki, Marek Jurek, Valdemar Tomaševski, Raffaele Fitto, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Marcus Pretzell f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2015/2760 (RSP))  
B8‑0686/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2014 (2011), 2051 (2012), 2140 (2014), 2201 (2015) u 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa għal proċess ta' tranżizzjoni paċifiku, ordnat, inklużiv u mmexxi mill-Jemeniti fil-Jemen,

–       wara li kkunsidra r-rapport imressaq minn Jamal Benomar, Konsulent Speċjali tan-NU dwar il-Jemen, fis-7 411-il laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-22 ta' Marzu 2015(1),

–       wara li kkunsidra l-komunikazzjoni finali tas-26 Summit tal-Lega tal-Istati Għarab tad-29 ta' Marzu 2015 dwar l-iżviluppi fil-Jemen, fejn enfasizza inter alia l-ħtieġa li jitkompla l-proċess ta' tranżizzjoni politika tal-Jemen bil-parteċipazzjoni tal-partiti Jemeniti kollha f'konformità mal-Inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Mekkaniżmu ta' Implimentazzjoni tagħha u l-eżiti tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu komprensiva,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-3 ta' Lulju 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-kriżi fil-Jemen,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Bahrain u fil-Jemen(2),

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-proċess ta' tranżizzjoni politika li nbeda wara ir-Rebbiegħa Għarbija tal-2011 ġab riżultati limitati, u billi l-problemi strutturali tal-pajjiż, bħall-korruzzjoni u l-inugwaljanza, għadhom ma ġewx solvuti;

B.     billi l-kunflitt għandu għeruq fondi f'sentimenti ta' abbandun, inugwaljanza u faqar, li tefgħu għall-agħar il-fratturi profondi tribali u reġjonali li jifirdu s-soċjetà tal-Jemeniti; billi l-Iran qed jiggrava dawn il-fratturi tribali permezz ta' interferenza fl-affarijiet interni tal-Jemen;

C.     billi l-4 ta' Lulju 2015 jaħbat il-100 jum mill-eżilju tal-President Abd-Rabbu Mansour Hadi u l-bidu tal-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni mmexxija mis-Sawdi kontra l-avvanz kontinwu tal-forzi Houthi u favur Saleh fil-Jemen;

D.     billi fit-2 ta' Lulju 2015, in-NU żiedu lill-Jemen mal-lista tal-emerġenzi umanitarji tal-ogħla livell (kriżi tal-livell 3) minħabba li l-pajjiż qed jiffaċċja katastrofi umanitarja, b'21 miljun ruħ (80 % tal-popolazzjoni tiegħu) fi bżonn ta' għajnuna umanitarja u bi kriżi kbira tal-ikel imminenti;

E.     billi l-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali, iffaċilitat min-NU u ffirmat fil-21 ta' Settembru 2014, naqas milli jistabbilizza lill-Jemen, iżda jibqa' l-unika għażla vijabbli biex tintemm il-gwerra u jkun hemm stabbilizzazzjoni tal-pajjiż;

1.      Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu għall-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen, u l-impenn tiegħu li jappoġġa l-poplu tal-Jemen;

2.      Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal-leġittimità tal-President tal-Jemen, Abd-Rabbu Mansour Hadi;

3.      Jitlob li l-partiti Jemeniti kollha, b'mod partikolari l-Houthis, joqogħdu lura minn azzjonijiet unilaterali ulterjuri li jistgħu jxekklu t-tranżizzjoni politika fil-Jemen, u jimplimentaw bis-sħiħ ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2201 (2015), jiġifieri li huma:

–       jtemmu l-użu tal-vjolenza u jirtiraw il-forzi tagħhom miż-żoni kollha li ħatfu, inkluż il-kapitali, Sana'a,

–       jċedu l-armi addizzjonali kollha maħtufa mill-istituzzjonijiet militari u tas-sigurtà, inklużi s-sistemi tal-missili,

–       jwaqqfu l-azzjonijiet kollha li huma esklussivament taħt l-awtorità tal-Gvern leġittimu tal-Jemen u jastjenu minn kwalunkwe provokazzjoni jew theddid lill-Istati ġirien,

–       jeħilsu b'mod sikur lill-priġunieri politiċi kollha u l-individwi kollha taħt detenzjoni domiċiljari jew arbitrarja,

–       jtemmu r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal u jeħilsu lit-tfal kollha mill-karigi tagħhom;

4.      Ifakkar l-appoġġ tiegħu għall-isforzi attwali tan-NU għal waqfien mill-ġlied umanitarju dejjiemi, prevedibbli u sostenibbli li jippermetti t-twassil urġenti tal-għajnuna umanitarja u tal-provvisti essenzjali, inkluż il-fjuwil, l-ikel u l-prodotti bażiċi; ifakkar, barra minn hekk, li għalhekk huwa essenzjali li l-aċċess tat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen jiġi ffaċilitat aktar;

5.      Jistieden lill-Iran ma jkomplix jinterferixxi fl-affarijiet interni tal-Jemen u jtemm it-taħriġ u l-finanzjament tal-milizja tal-Houthi;

6.      Jemmen li r-riforma tal-istituzzjonijiet tal-Istat għandhom jinvolvu riformi tas-servizz ċivili, it-titjib u s-simplifikazzjoni tal-proċessi proċedurali fl-amministrazzjoni tal-Istat, u r-riforma ġudizzjarja, flimkien mat-titjib fis-servizzi pubbliċi bħas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u s-sigurtà;

7.      Jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-ineffiċjenza fil-ġestjoni tar-riżorsi, li mhux biss qed tikkawża lill-kriżi ekonomika tkompli tmur għall-agħar, iżda għandha wkoll ramifikazzjonijiet politiċi serji;

8.      Jemmen li t-tħassib tal-komunità internazzjonali dwar is-sitwazzjoni ġeopolitika fil-Jemen għandu jiffoka fuq żewġ punti ewlenin: (1) il-Jemen bħala fortizza għall-Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) u oħra dejjem tikber għall-ISIL/Da'esh, u (2) l-istrett ta' Bab-el-Mandeb bħala salib it-toroq tal-aktar rotot importanti ta' tbaħħir fid-dinja, inkluż għat-trasport ta' madwar 4 % tal-provvista globali taż-żejt;

9.      Jenfasizza li l-partiti kollha għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-prinċipji tal-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza, inkluż permezz tal-protezzjoni taċ-ċivili u li ma jiġux attakkati direttament infrastrutturi ċivili;

10.    Jappella għall-aċċess sikur u mingħajr xkiel għall-organizzazzjonijiet umanitarji li qed jaħdmu fuq il-post; iħeġġeġ lill-partiti kollha, għaldaqstant, jiffaċilitaw il-kunsinna urġenti tal-għajnuna umanitarja lejn il-partijiet kollha tal-Jemen, kif ukoll l-aċċess rapidu, sikur u bla xkiel biex jippermetti lill-atturi umanitarji jilħqu lin-nies fil-bżonn tal-għajnuna umanitarja, inkluża l-għajnuna medika;

11.    Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon hija dritt fundamentali, u jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe tip ta' vjolenza jew diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon fil-Jemen;

12.    Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar l-abbuż tar-reliġjon mill-atturi tal-attakki terroristiċi fil-Jemen; jiddenunzja l-istrumentalizzazzjoni tar-reliġjon f'diversi kunflitti fil-Jemen;

13.    Jappella għat-twettiq ta' investigazzjoni bir-reqqa, mingħajr dewmien, imparzjali u effikaċi fil-Jemen biex jiġu identifikati dawk responsabbli u biex jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk li jwettqu, jorganizzaw, jiffinanzjaw jew jisponsorjaw atti ta' terroriżmu;

14.    Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha mmirati għall-promozzjoni tad-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet reliġjużi u oħrajn; jappella biex l-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista;

15.    Itenni mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu li m'hemm ebda triq oħra mill-kriżi attwali ħlief permezz ta' djalogu ġenwin u proċess politiku inklussiv taħt l-amministrazzjoni tan-NU, u li biss kunsens politiku wiesa' bbażat fuq il-parametri stabbiliti bir-Riżoluzzjoni 2216 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jista' jipprovdi soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi, tiġi indirizzata t-theddida imposta mill-gruppi terroristiċi u tipprevjeni aktar instabbiltà reġjonali;

16.    Jistieden lill-partiti Jemeniti jattendu d-diskussjonijiet futuri u jimpenjaw ruħhom mingħajr prekondizzjonijiet u b'rieda tajba, inkluż billi jsolvu d-differenzi tagħhom permezz tad-djalogu u l-konsultazzjonijiet, fejn jiċħdu atti ta' vjolenza sabiex jintlaħqu l-għanijiet politiċi, u jżommu lura mill-provokazzjoni u minn kwalunkwe azzjoni unilaterali li tista' xxekkel it-tranżizzjoni politika;

17.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE rilevanti.

(1)

S/PV.7411.

(2)

ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 81.

Avviż legali