Proċedura : 2015/2760(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0687/2015

Testi mressqa :

B8-0687/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.6
CRE 09/07/2015 - 12.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0270

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 175kWORD 87k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0680/2015
6.7.2015
PE565.665v01-00
 
B8-0687/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (20152760(RSP))


Javier Couso Permuy, Paloma López Bermejo, Marie-Christine Vergiat, Malin Björk, Marina Albiol Guzmán, Ángela Vallina, Sabine Lösing, Kostas Chrysogonos, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva, Lidia Senra Rodríguez, Pablo Iglesias f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (20152760(RSP))  
B8‑0687/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Jemen iffirmat fl-1998 u d-Dokument ta' Strateġija tal-UE għall-Jemen għall-perjodu 2007-2013,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar il-Jemen magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-Moon, u l-Mibgħut tan-NU għall-Paċi fil-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Jemen tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tal-20 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Ġunju 2015, tat-23 ta' Novembru 2014 u tal-5 ta' Mejju 2014,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-kriżi fil-Jemen mill-Viċi President / Rappreżentant Għoli u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tat-3 ta' Lulju 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2201 (2015) tal-15 ta' Frar 2015, 2204 (2015) tal-24 ta' Frar 2015 u 2216 (2015) tal-14 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-Summit XXVI tal-Lega tal-Istati Għarab dwar l-iżviluppi fil-Jemen,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-użu ta' drones armati(1),

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-Houthis huma grupp tribali ta' Xiiti Zaidi li kien diġà impenjat fil-ġlieda kontra l-Gvern tal-Jemen bejn l-2004 u l-2010 u li ħareġ bħala l-akbar forza fil-pajjiż wara li akkwista partijiet kbar tat-territorju fit-Tramuntana u fiċ-Ċentru tal-Jemen; billi l-konfrontazzjoni bejn il-Houthis u l-Gvern tal-Jemen reġgħet bdiet kmieni fl-2014 u wasslet għall-avvanz tal-Houthis f'San'a f'Awwissu 2014;

B.     billi, minkejja l-iffirmar ta' ftehim innegozjat min-NU fil-21 ta' Settembru 2014, il-Houthis komplew jikkonsolidaw iż-żamma tal-poter u t-territorju tagħhom; billi lejn l-aħħar tal-2014 il-Houthis ħadu f'idejhom partijiet sinifikanti tal-pajjiż, fatt li kkawża xhur sħaħ ta' ġlied u l-eżilju tal-President rikonoxxut internazzjonalment tal-Jemen, Abd-Rabbu Mansour Hadi; billi fis-6 ta' Frar 2015 il-Houthis xoljew il-parlament u ddikjaraw li kien se jiġi ffurmat kunsill presidenzjali b'ħames membri;

C.     billi l-Arabja Sawdija hija l-kap ta' koalizzjoni – appoġġata mill-Istati Uniti u magħmula mill-Emirati Għarab Magħquda, il-Qatar, il-Bahrain, il-Kuwajt, il-Ġordan, il-Marokk u s-Sudan – li ilha tibbumbardja lill-Jemen sa mis-26 ta' Marzu 2015 f'kampanja ta' attakki mmirata biex terġa' tqiegħed lil Hadi fil-poter; billi l-Houthis issa huma alleati mal-forzi leali lejn l-ex-President Saleh; billi l-Arabja Sawdija imponiet imblokk kważi totali fuq il-Jemen, pajjiż li jiddipendi bil-kbir mill-importazzjonijiet; billi l-imblokk tal-fjuwil min-naħa tal-koalizzjoni u l-immirar ta' infrastruttura ċivili jippreżentaw ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;

D.     billi l-kunflitt ġie deskritt bħala wieħed bejn ix-Xiiti u s-Sunniti f'tentattiv li jiġu okkultati r-raġunijiet veri għall-kunflitt; billi l-Arabja Sawdija qed takkuża lill-Houthis li huma appoġġati mill-Iran u tqishom bħala theddida għas-sigurtà Sawdija; billi l-kumplessità tal-kunflitt fil-Jemen fih elementi ta' gwerra bi prokura bejn il-potenzi reġjonali ewlenin – l-Arabja Sawdija u l-Iran – f'pajjiż ikkarratterizat minn preżenza qawwija ta' gruppi ta' Al-Qaeda kif ukoll minn movimenti separatisti u minn ribelli Xiiti Zaidi fit-Tramuntana u minn ġlied bejn il-Houthis u l-gruppi armati fin-Nofsinhar;

E.     billi l-kunflitt fil-pajjiż qatel madwar 3 000 ruħ; billi n-NU qed tappella b'urġenza għal pawża umanitarja fil-ġlied fil-Jemen, li tkun tista' tippermettilha twassal l-għajnuna lill-persuni fil-bżonn, hekk kif il-gwerra fil-Jemen għadha kif ġiet ikklassifikata fl-aktar kategorija gravi ta' kriżijiet umanitarji; billi mijiet ta' eluf ta' rifuġjati rnexxielhom jaħarbu lejn pajjiżi ġirien bħall-Arabja Sawdija u l-Djibouti;

F.     billi l-impatt umanitarju fuq il-popolazzjoni ċivili tal-ġlied kontinwu bejn il-milizzji kif ukoll l-ibbumbardjar u l-interruzzjoni ta' servizzi essenzjali ħarrxu sitwazzjoni umanitarja diġà terribbli; billi fit-2 ta' Lulju 2015 in-Nazzjonijiet Uniti ddikjarat kriżi ta' livell 3 fil-Jemen, li huwa l-ogħla livell ta' emerġenza umanitarja; billi l-pajjiż qed jiffaċċja diżastru umanitarju, inkluż ir-riskju tal-ġuħ, fejn 21 miljun ruħ – 80 % tal-popolazzjoni — jeħtieġu għajnuna umanitarja; billi, skont l-UNICEF, miljuni ta' tfal Jemeniti jinsabu f'riskju ta' malnutrizzjoni u mard potenzjalment fatali li jista' jiġi evitat, bħall-ħożba u l-pulmonite;

G.     billi n-NU għamlet pressjoni biex ikun hemm taħdidiet bejn il-partijiet fuq kwistjonijiet bħall-ħtieġa ta' waqfien mill-ġlied, l-irtirar ordnat tal-forzi, mekkaniżmu ta' monitoraġġ tan-NU, ftehim biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u ma jfixklux it-twassil tal-għajnuna, u impenn li jinvolvu ruħhom f'aktar taħdidiet bil-medjazzjoni tan-NU; dawn it-taħdidiet saru mis-16 sad-19 ta' Ġunju f'Ġinevra taħt l-awspiċji tan-NU u ma ntlaħaq l-ebda ftehim; billi l-attakki mill-ajru komplew minkejja l-appell tan-NU lill-partijiet kollha biex josservaw pawża umanitarja ħalli joħolqu ambjent favorevoli għall-progress fit-taħditiet tal-paċi;

H.     billi L-UE imponiet embargo fuq l-armi u aktar sanzjonijiet immirati kontra mexxej Houthi u bin l-ex-President Saleh; billi, fl-istess ħin, Stati Membri tal-UE bħar-Renju Unit, Spanja, Franza u l-Ġermanja qed ikomplu jbigħu l-armi lill-Arabja Sawdija;

I.      billi fit-30 ta' Ġunju 2015 madwar 1 200 priġunier, inklużi persuni suspettati li jifformaw parti minn Al-Qaeda, ħarbu mill-ħabs ċentrali fil-belt ta' Taiz; billi f'April madwar 300 priġunier kienu diġà ħarbu minn ħabs ieħor fil-provinċja ta' Hadramout; billi qed iseħħu attakki terroristiċi fil-Jemen, bħall-attakki tas-17 ta' Ġunju f'San'a, inkluż fuq tliet moskej, li rriżultaw f'għadd ta' mwiet u midruba;

J.      billi l-Istati Uniti għandha l-bażi tal-ajru militari al-Annad fil-Jemen qrib il-belt ta' al-Houta li tinsab fin-Nofsinhar tal-pajjiż, fejn l-Amerikani ordnaw attakki bid-drones kontra membri suspettati tal-fergħa lokali ta' Al-Qaeda; billi din il-bażi tal-ajru tal-Istati Uniti ġiet attakkata b'rokits minn Al-Qaeda f'Diċembru 2014 b'ritaljazzjoni għal attakk mill-Istati Uniti; billi t-truppi tal-Istati Uniti ġew evakwati fil-21 ta' Marzu 2015 wara l-ħtif ta' belt fil-qrib minn Al-Qaeda;

K.     billi l-ex-President Saleh kien meqjus bħala alleat tal-Istati Uniti u rċieva miljuni ta' dollari bħala "assistenza għall-ġlieda kontra t-terroriżmu" u bħala għajnuna għat-tħarriġ tal-armata; billi dawn l-armi ntużaw kontra l-poplu Jemenit u issa qegħdin jintużaw fil-ġlied bejn gruppi differenti;

L.     billi l-Ministeru għad-Difiża tar-Renju Unit ikkonferma li qed jipprovdi armi bi gwida ta' preċiżjoni, li l-Arabja Sawdija qed tuża fil-gwerra li għaddejja bħalissa kontra l-Jemen; billi l-Arabja Sawdija hija l-akbar klijent tar-Renju Unit f'dak li jirrigwarda l-armi, filwaqt li r-Renju Unit huwa l-akbar fornitur ta' armi lill-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

M.    billi fl-2011 l-istudenti tal-Università ta' San'a taw bidu għal mewġa ta' protesti fil-Jemen li qiegħda tikber; billi f’Marzu 2011 tiraturi magħżula pajżana leali lejn Saleh, il-president ta' dak iż-żmien, sparaw waqt dimostrazzjoni kontra l-gvern, qatlu 52 ruħ u qajmu aktar dimostrazzjonijiet u protesti li jappellaw biex tintemm il-ħakma ta' Ali Abdullah Saleh, li kien fil-poter mill-1978 sal-2011; billi l-forzi tas-sigurtà nedew atti ta' repressjoni li fihom inqatlu madwar 2 000 ruħ;

N.     billi, fl-2011, f'għadd ta' pajjiżi fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani, faqqgħu protesti popolari b'appell għall-impjieg, standards ta' għajxien aħjar, id-drittijiet soċjali u tax-xogħol, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll bidla kostituzzjonali, billi fi wħud minn dawk il-pajjiżi d-dgħajfien tal-istrutturi tal-Istat ippromovew it-tisħiħ tar-rwol tal-gruppi tribali u reliġjużi; billi gruppi armati bħal Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija jew Anshar al-Sharia qed jibbenefikaw minn dan il-vojt ta' poter;

O.     billi l-Jemen wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja, u billi l-faqar u l-malnutrizzjoni huma mifruxin f'dan il-pajjiż ta' 25 miljun ruħ; billi l-pożizzjoni ġeografika tal-Jemen fil-bokka tal-Baħar l-Aħmar, li jagħti għall-Kanal ta' Suez u li jiżbokka fil-Golf ta' Aden, hija waħda ta' importanza strateġika marbuta ma' rotot marittimi u riżorsi ta' enerġija sinifikanti,

1.      Jinsab imħasseb ħafna dwar il-gwerra li għaddejja bħalissa fil-Jemen; jikkundanna l-użu tal-vjolenza kontra ċ-ċivili mir-ribelli Houthi, mill-forzi tal-gvern, minn Al-Qaeda u minn gruppi armati oħra, qagħda li wasslet lill-pajjiż fi kriżi umanitarja ħarxa u rriżultat f'għadd kbir ta' ċivili midruba u maqtula, għadd kbir ta' persuni spostati u madwar 21 miljun Jemenit fi bżonn ta' għajnuna umanitarja; jesprimi s-simpatija u l-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi;

2.      Jistieden lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jaqblu b'urġenza dwar l-azzjoni umanitarja kkoordinata u mmexxija min-NU bil-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet umanitarji fil-Jemen, u jħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għal dawn l-isforzi;

3.      Jikkundanna l-intervent mill-alleanza mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen, li għandha l-għan li ssaħħaħ il-kontroll tagħha fir-reġjun; jinsab konvint li dan l-intervent se jwassal biss għal aktar tbatija għall-poplu Jemenit u għal diviżjoni aktar profonda bejn il-gruppi reliġjużi fil-Lvant Nofsani; jiċħad kull intervent militari barrani fil-pajjiż, kemm jekk mill-Arabja Sawdija jew mill-Iran, kemm jekk mill-pajjiżi Għarab jew minn dawk tal-Punent; iwissi kontra r-riskju li tinqabad it-triq tal-gwerra tar-reliġjonijiet; jissottolinja li l-gwerra fil-Jemen mhijiex biss kunflitt bejn ix-Xiiti u s-Sunniti; jiddenunzja l-użu tad-differenzi reliġjużi fl-istigazzjoni ta' kriżijiet politiċi u gwerer settarji;

4.      Jesprimi tħassib serju dwar il-ħila ta' al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija biex tibbenefika mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen, filwaqt li jżomm quddiem għajnejh li kull att ta' terroriżmu huwa kriminali u inġustifikabbli, irrispettivament mill-motivazzjoni tiegħu, jitwettaq meta, fejn u minn min jitwettaq;

5.      Jinsab konvint li soluzzjoni politika biss jista' jkun hemm għall-kunflitt fil-Jemen; jistieden, għalhekk, lill-partijiet kollha fil-Jemen joqogħdu lura mill-provokazzjonijiet u minn kull azzjoni unilaterali u jipproċedu b'negozjati inklużivi mmexxijin mill-Jemeniti biex terġa' tinġieb lura l-paċi fil-pajjiż; jinsab konvint li kwalunkwe soluzzjoni fit-tul għandha tindirizza l-kawżi sottostanti tal-faqar u l-instabbiltà fil-pajjiż, kif ukoll tissodisfa t-talbiet u l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit;

6.      Ifakkar lill-partijiet kollha fir-responsabbiltà tagħhom li jiżguraw il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; dan ifisser li jħarsu ċ-ċivili, joqogħdu lura milli jimmiraw lejn l-infrastruttura ċivili u jagħtu lill-organizzazzjonijiet umanitarji aċċess sikur u mingħajr xkiel għall-pajjiż; jesprimi t-tħassib serju tiegħu fir-rigward ta' rapporti dwar l-użu ta' suldati tfal mill-forzi Houthi, minn Ansar al-Sharia u mill-forzi tal-gvern; jappella sabiex dawk responsabbli għal ksur jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew għal ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali jinżammu responsabbli għal għemilhom;

7.      Jikkundanna l-konnivenza u l-kompliċità tal-Unjoni Ewropea mad-dittatorjati fir-reġjun; huwa kritiku ferm fil-konfront tar-rwol tad-diversi interventi tal-Punent ta' dawn l-aħħar snin fit-trawwim tal-ħruxija tal-kunflitti fiż-żona; jiddikjara li ma jista' jkun hemm ebda soluzzjoni militari għall-kunflitti fir-reġjun; jiċħad l-użu tal-kunċett ta' "responsabblità ta' protezzjoni", billi dan jikser id-dritt internazzjonali u ma joffrix bażi ġuridika adegwata biex l-użu unilaterali tal-forza jkun iġġustifikat;

8.      Jikkritika bil-qawwa l-kummerċ intensiv fl-armi min-naħa ta' xi Stati Membri tal-UE ma' diversi pajjiżi fir-reġjun, bħal fil-każ tar-Renju Unit, Spanja, Franza u l-Ġermanja; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kunsill biex jivverifika jekk sarx ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni ta' Armi u biex jadotta miżuri stretti bil-għan li dan il-kodiċi jkun rispettat bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha;

9.      Jopponi bil-qawwa l-użu tad-drones fil-qtil extraġudizzjarju u extraterritorjali ta' dawk suspettati b'atti ta' terroriżmu u jitlob li l-użu tad-drones għal dan il-għan jiġi pprojbit;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Jemen u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u tal-Assemblea Ġenerali tan-NU.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0172.

Avviż legali