Proċedura : 2015/2747(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0722/2015

Testi mressqa :

B8-0722/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.12
CRE 09/07/2015 - 12.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0276

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 139kWORD 72k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0716/2015
7.7.2015
PE565.700v01-00
 
B8-0722/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-President

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-kommemorazzjoni ta' Srebrenica (2015/2747(RSP))


Cristian Dan Preda, Andrej Plenković, Eduard Kukan, Davor Ivo Stier, Dubravka Šuica, Ivana Maletić, Marijana Petir f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kommemorazzjoni ta' Srebrenica (2015/2747(RSP))  
B8‑0722/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005(1) u tal-15 ta' Jannar 2009(2) dwar Srebrenica,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra, li ġie ffirmat fil-Lussemburgu fis-16 ta' Ġunju 2008 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jirrikonoxxu d-dritt ta' kulħadd għall-ħajja, il-libertà u s-sigurtà tal-persuna u għal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi għoxrin sena ilu, f'Lulju 1995, il-belt Bożnijaka ta' Srebrenica, li dak iż-żmien kienet enklav iżolat li kien ġie pproklamat Żona Protetta mir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-16 ta' April 1993, waqgħet f'idejn il-milizzji Serbi mmexxija mill-Ġeneral Ratko Mladić u taħt id-direzzjoni tal-President ta' dak iż-żmien tar-Republika Srpska, Radovan Karadžić;

B.     billi, matul bosta ġranet ta' qtil bla rażan wara l-waqgħa ta' Srebrenica, aktar minn 8 000 raġel u tifel Musulman, li kienu fittxew is-sikurezza f'din iż-żona taħt il-protezzjoni tal-Forza ta' Protezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (UNPROFOR), inqatlu sommarjament mill-forzi Serbi Bożnijaċi mmexxija mill-Ġeneral Mladić u minn unitajiet paramilitari, inklużi unitajiet tal-pulizija irregolari Serbi li kienu daħlu fit-territorju Bożnijak mis-Serbja; billi kienu kważi 30 000 in-nisa, it-tfal u l-anzjani li ġew iddeportati bil-forza u għalhekk dan l-avveniment jirrappreżenta l-akbar delitt tal-gwerra li seħħ fl-Ewropa minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn;

C.     billi, minkejja l-isforzi li saru biex jinstabu u jiġu eżumati oqbra individwali u tal-massa, l-iġsma ta' kważi 1 200 raġel u tifel minn Srebrenica għadhom ma nstabux u ma ġewx identifikati;

D.     billi l-avvenimenti traġiċi ta' Srebrenica ħallew feriti emozzjonali profondi fis-superstiti u ħolqu ostakli persistenti għar-rikonċiljazzjoni politika fost il-gruppi etniċi fil-Bożnija-Ħerzegovina;

E.     billi l-massakru ta' Srebrenica ġie rikonoxxut bħala ġenoċidju kemm mit-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja (ICTY) kif ukoll mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ);

F.     billi l-Unjoni Ewropea għandha l-għan li tippromwovi l-paċi, u billi r-rikonċiljazzjoni hija fil-qalba tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;

1.      Jikkommemora u jagħti ġieħ lill-vittmi kollha u jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi, li ħafna minnhom qed jgħixu mingħajr konferma finali rigward x'sar minn qrabathom;

2.      Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-ġenoċidju ta' Srebrenica; jiddikjara solennement li dawn id-delitti tal-waħx qatt m'għandhom jerġgħu jsiru u jiddikjara li se jagħmel ħiltu kollha biex jimpedixxi li jseħħu tali atti; jopponi kull ċaħda u relattiviżmu tal-ġenoċidju;

3.      Jenfasizza, għaldaqstant, li l-prevenzjoni u l-ikkastigar effikaċi tal-ġenoċidji u d-delitti kontra l-umanità għandhom ikunu fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea u tal-komunità internazzjonali;

4.      Jissottolinja l-ogħla importanza tar-rikonċiljazzjoni għall-futur tar-reġjun; jisħaq fuq l-importanza tax-xogħol li sar mill-ICTY f'dan ir-rigward; itenni li jeħtieġ tingħata aktar attenzjoni għall-proċessi tad-delitti tal-gwerra fil-livell nazzjonali;

5.      Jistieden liċ-ċittadini kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina jużaw l-20 anniversarju tal-massakru ta' Srebrenica bħala opportunità biex itejbu r-rikonċiljazzjoni u l-kooperazzjoni, li huma prerekwiżiti ewlenin sabiex il-pajjiżi kollha tar-reġjun jimxu 'l quddiem fi triqithom lejn l-Ewropa;

6:      Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jkunu fuq quddiem nett biex jagħtu ġieħ lill-vittmi u jgħinu s-soċjetà tirrikonoxxi u taċċetta d-delitti terribbli mwettqa fi Srebrenica u madwarha;

7.      Jisħaq fuq l-importanza li fil-Bożnija-Ħerzegovina kollha jkun hemm kopertura oġġettiva mill-midja u programmi edukattivi bbażati fuq il-fatti dwar Srebrenica sabiex jiġi indirizzat l-imgħoddi u tingħeleb it-tensjoni;

8.      Jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali u l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea huma l-aħjar mod kif jingħelbu l-mibegħda u d-diviżjonijiet; itenni l-impenn tal-UE għall-perspettiva Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina u tal-Balkani tal-Punent kollha;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-entitajiet tagħha, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

 

 

(1)

ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 468.

(2)

ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 111.

Avviż legali