Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0832/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0832/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa

7.9.2015 - (2015/2833(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Monika Hohlmeier, Roberta Metsola, Esteban González Pons, Elissavet Vozemberg, Elmar Brok, Cristian Dan Preda, Davor Ivo Stier, Mariya Gabriel, Frank Engel, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Lara Comi, Elisabetta Gardini, Rachida Dati, Axel Voss, Anna Maria Corazza Bildt, Alessandra Mussolini, Carlos Coelho, Jeroen Lenaers, Emil Radev, Ivo Belet, Barbara Matera, Milan Zver, Romana Tomc, Ramón Luis Valcárcel Siso, Jaromír Štětina f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0832/2015

Proċedura : 2015/2833(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0832/2015
Testi mressqa :
B8-0832/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8‑0832/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa

(2015/2833(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-Protokoll tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Aġenda Ewropea tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni tat-13 ta' Mejju 2015,

–       wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (COM (2015)0286-2015/0125 (NLE)), u r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar skema ta' risistemazzjoni Ewropea li tinvolvi 20 000 persuna minn barra l-UE li b'mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, kif identifikati mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (C(2015)3560),

–       wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar it-teħid tal-marki tas-swaba' (SWD (2015)150), li stabbilew approċċ tal-aħjar prattiki għat-teħid tal-marki tas-swaba' tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jkunu għadhom kif waslu, u l-intenzjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf approċċ ta' "Hotspot",

–       wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/972 tat-22 ta' Ġunju 2015 li tvara operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali kontra t-traffikanti tal-bnedmin bil-missjoni li tidentifika, taqbad u teqred il-bastimenti u l-mezzi użati mit-traffikanti tal-migranti,

–       wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) dwar is-sitwazzjoni tal-asil fl-UE fl-2014,

–       wara li kkunsidra d-dibattitu dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa li sar fil-Parlament fid-9 ta' Settembru 2015,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar it-traġedji reċenti tal-bastimenti tal-migranti fil-Mediterran[1],

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2015 u l-pjan ta' azzjoni f'għaxar punti dwar il-migrazzjoni adottat fil-laqgħa konġunta tal-Kunsill Affarijiet Barranin u l-Kunsill Affarijiet Interni tal-20 ta' April 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), in-numru ta' migranti u ta' dawk li jfittxu asil li waslu fl-Ewropa bil-baħar fl-2015 sa issa qiegħed joqrob kwart ta' miljun, u billi, skont il-Frontex, il-qsim illegali tal-fruntieri bejn Jannar u Lulju 2015 permezz tar-rotta tal-Balkani tal-Punent ammonta għal 102 342, li juri b'mod ċar li l-pressjoni migratorja hija sfida ta' dimensjonijiet Ewropej li teħtieġ rispons Ewropew;

B.     billi għall-ewwel seba' xhur tal-2015 il-Frontex irrappurtat total ta' 340 000 detezzjoni ta' dħul irregolari (ir-rotot kollha, u l-fruntieri kemm tal-art u kemm tal-baħar), meta mqabbla mal-123 500 rreġistrati fl-istess perjodu s-sena li għaddiet, u 280 000 matul l-2014 kollha;

C.     billi sa mill-bidu tal-2015 tressqu 560 000 applikazzjoni għal asil, meta mqabbla mas-660 000 fl-2014 għal sena sħiħa;

D.     billi, minkejja l-ħidma kuraġġuża tal-iskwadri tas-salvataġġ tal-Istati Membri u l-iskala mingħajr preċedent tal-operazzjonijiet tal-Frontex, li salvaw aktar minn 110 000 ħajja mit-tnedija tagħhom, il-traffikanti bla ħniena xorta jaslu biex jisfruttaw lill-migranti, jpoġġulhom ħajjithom f'riskju bil-prattiki inumani u atroċi tagħhom għal xejn aktar ħlief għall-qligħ finanzjarju tagħhom;

E.     billi l-instabbiltà politika fil-Libja, fis-Sirja u fl-Iraq ħolqot ambjent ideali għall-attivitajiet kriminali tat-traffikanti u tat-traffikanti, u billi l-espansjoni rapida tal-IS/Da'esh fiż-żoni ta' kunflitt ġirien għandha impatt fuq l-influss massiċċ ta' migranti u fuq il-flussi ta' persuni spostati;

F.     billi, fit-3 ta' Settembru, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel u l-President Franċiż François Hollande qablu li jitwaqqaf mekkaniżmu permanenti u obbligatorju għall-allokazzjoni ta' rifuġjati fost l-Istati Membri kollha;

G.     billi fit-3 ta' Settembru 2015 il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk appella biex 100 000 rifuġjat, mill-inqas, jitqassmu mill-ġdid;

1.      Jiddeplora t-telf traġiku rikorrenti ta' ħajjiet ta' migranti li jkunu qed jippruvaw jaslu l-Ewropa, u huwa ddispjaċut bl-immaġni ta' qsim il-qalb ta' tfal li nġarru fuq ix-xtut tal-UE, prinċipalment bħala riżultat tal-atti kriminali mwettqa mit-traffikanti, li qed ikomplu jsostnu kummerċ bla skrupli li jhedded il-ħajjiet ta' persuni ddisprati; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jagħmlu kulma jistgħu sabiex jimpedixxu aktar imwiet fuq il-baħar jew fuq l-art;

2.      Ifakkar fil-ħtieġa ta' implimentazzjoni konsistenti tar-regoli komuni eżistenti tal-UE, u jtenni mill-ġdid il-ħtieġa ta' sett ieħor ta' miżuri ewlenin immirati biex jipproteġu lil dawk fil-bżonn u li jaġixxu b'solidarjetà u responsabbiltà lejn pajjiżi Ewropej oħra li qed jirċievu l-ogħla numri ta' rifuġjati u persuni li jfittxu asil, f'termini assoluti jew proporzjonali; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni bdiet proċedimenti ta' ksur kontra 17-il Stat Membru minħabba nuqqas ta' implimentazzjoni tal-acquis tas-SEKA; jilqa' r-rieda notevoli tal-Ġermanja li tirċievi eluf ta' rifuġjati li qed jaslu fil-fruntieri tagħha b'reazzjoni għad-dimensjonijiet drammatiċi tal-kriżi;

3.      Jilqa' l-proposti tal-Kummissjoni mnedija reċentament dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, kif ukoll il-proposta l-ġdida għal rilokazzjoni ta' emerġenza ta' żieda fin-numru ta' dawk li qed ifittxu asil u li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, li tkopri l-Greċja, l-Italja u l-Ungerija;

4.      Itenni mill-ġdid it-talba tiegħu biex tiġi ssodisfata l-ħtieġa immedjata ta' mekkaniżmu ta' distribuzzjoni vinkolanti u permanenti għar-rilokazzjoni tal-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali li jiskatta ladarba jkun intlaħaq ċertu livell; itenni wkoll li l-programm ta' risistemazzjoni għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali għandu jiġi garantit u msaħħaħ iktar, mill-Istati Membri li jipprovdu aċċess għall-protezzjoni, mingħajr ma r-rifuġjati jkunu dipendenti fuq l-immigrazzjoni illegali jew fuq in-netwerks tat-traffikar, filwaqt li jippermetti wkoll lill-Istati Membri jiġġestixxu l-wasliet ta' persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali;

5.      Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex timplimenta b'mod immedjat u tkompli ssaħħaħ l-approċċ tagħha ta' "Hotspot", billi l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, il-Frontex u l-Europol ser jaħdmu fuq il-post mal-Istati Membri li qegħdin fil-fruntiera u li huma l-iktar milquta mill-pressjoni migratorja attwali biex b'mod rapidu jidentifikaw, jirreġistraw u jieħdu l-marki tas-swaba' tal-migranti li jkunu deħlin u jipproċessaw il-każijiet ta' asil; jistieden lill-Istati Membri jistandardizzaw il-kundizzjonijiet ġuridiċi, finanzjarji u ta' akkoljenza, u jenfasizza l-ħtieġa ta' faċilitajiet ta' akkoljenza ekwivalenti fl-Istati Membri kollha, billi jiżguraw li l-applikanti jkollhom livell ta' għajxien dinjituż;

6.      Iqis li hemm bżonn tissaħħaħ minnufih is-sigurtà tal-fruntieri tal-UE billi jizdied il-kontroll fil-fruntieri kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art fin-Nofsinhar tal-Mediterran, fil-Baħar Eġew u fuq ir-"rotta tal-Balkani", u jittejjeb il-funzjonament tal-Frontex u l-EASO; ifakkar l-obbligu partikolari tal-Istati Membri li qegħdin fil-fruntieri f'dan ir-rigward u jtenni mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jinfetħu l-fruntieri fi ħdan iż-żona Schengen; jistieden lill-Istati Membri jkomplu juru solidarjetà u impenn billi jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġits u l-operazzjonijiet tal-Frontex u l-EASO; jimpenja ruħu li jipprovdi dawk l-aġenziji bir-riżorsi (umani u materjali) meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom permezz tal-baġit tal-UE u l-fondi rilevanti tiegħu;

7.      Jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn, b'sistema ta' ritorn aktar rapida li timxi id f'id mar-rispett għall-proċeduri u l-istandards li jippermettu lill-Ewropa tiżgura trattament uman u dinjituż tal-persuni rimpatrijati, f'konformità mal-prinċipju ta' non-refoulement; iħeġġeġ lill-Istati Membri japplikaw id-Direttiva dwar ir-Ritorn u jħeġġeġ it-tisħiħ u l-emenda tal-bażi ġuridika tal-Frontex sabiex jissaħħaħ ir-rwol ta' koordinazzjoni tagħha fl-operazzjonijiet ta' ritorn;

8.      Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li ssaħħaħ id-dispożizzjoni dwar il-"pajjiż ta' oriġini bla periklu" tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil billi tistabbilixxi lista komuni tal-UE ta' pajjiżi ta' oriġini bla periklu, li se tnaqqas il-piż fuq is-sistemi ta' asil, peress li dan huwa pass importanti lejn l-iffukar tal-kapaċitajiet tagħna ta' asil u ta' akkoljenza fuq dawk verament fil-bżonn ta' protezzjoni;

9.      Ifakkar li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali qawwija kontra t-traffikar u t-traffikanti ta' bnedmin, kemm lejn l-UE kif ukoll fi ħdanha, u wkoll kontra individwi jew gruppi li jisfruttaw migranti vulnerabbli fl-UE;

10.    Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali ta' flussi migratorji kbar, inkluż billi jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-kunflitti fil-viċinat tagħna, u b'mod speċjali għat-terroriżmu Iżlamiku marbut ma' gruppi bħall-IS/Da'esh, li qiegħed jitterrorizza partijiet kbar tal-Afrika u tal-Lvant Nofsani u li għandu jiġi miġġieled b'determinazzjoni; jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha twettaq offensiva diplomatika flimkien mal-Istati Uniti u sħab internazzjonali oħra biex tikkonvinċi lil pajjiżi oħra fir-reġjun, bħat-Turkija, l-Arabja Sawdija, l-Istati tal-Golf u l-Iran, jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fil-ġestjoni ta' din l-isfida globali;

11.    Iqis li huwa neċessarju li jiġu offruti sikurezza u assistenza umanitarja kemm jista' jkun qrib il-postijiet ta' oriġini billi jinħolqu żoni sikuri u ċentri ta' akkoljenza inizjali f'pajjiżi terzi fejn il-proċedura ta' asil tista' tinbeda, u b'hekk jinħolqu modi sikuri għan-nies fil-bżonn li jidħlu fl-Ewropa u jitnaqqas ir-riskju tagħhom li jaqgħu f'idejn it-traffikanti inumani tal-bnedmin; l-għajnuna finanzjarja Ewropea għandha tiżdied ukoll biex jingħata appoġġ lill-isforzi lokali;

12.    Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ ġdid għall-Afrika li jinkludi opportunitajiet aħjar għall-kummerċ u l-iżvilupp u li jippermettu prospetti ta' tkabbir ekonomiku, kif ukoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni tagħna mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu fir-rigward tal-migranti irregolari, it-traffikar ta' bnedmin u l-proċeduri ta' ritorn permezz tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, is-summit ad hoc li se jsir fil-Belt Valletta f'Novembru 2015;

13.    Iħeġġeġ lill-UE, l-Istati Membri tagħha u donaturi oħra internazzjonali sabiex iwettqu b'urġenza l-impenji li saru waqt il-Konferenza dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li saret f'Lulju 2015 f'Addis Ababa, u jenfasizza l-bżonn li l-politika għall-iżvilupp tiġi ffukata mill-ġdid fuq il-bini ta' soċjetajiet paċifiċi, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-promozzjoni ta' governanza tajba, kif speċifikat fl-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 16 tal-qafas tal-iżvilupp globali għal wara l-2015;

14.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.