Proċedura : 2015/2833(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0833/2015

Testi mressqa :

B8-0833/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.4
CRE 10/09/2015 - 8.4

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 163kWORD 74k
7.9.2015
PE565.801v01-00
 
B8-0833/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa (2015/2833(RSP))


Timothy Kirkhope, Daniel Dalton, Ruža Tomašić, Angel Dzhambazki, Roberts Zīle, Kazimierz Michał Ujazdowski, Marek Jurek, Valdemar Tomaševski, Zdzisław Krasnodębski, Bernd Kölmel f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa (2015/2833(RSP))  
B8‑0833/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' April 2015 dwar il-kriżi tar-rifuġjati fil-Mediterran,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi s-sitwazzjoni madwar l-UE qed tiżviluppa kontinwament, b'numri dejjem akbar ta' migranti meta mqabbla maċ-ċifri tas-sena li għaddiet u bil-ħolqien ta' punti ta' pressjoni ġodda madwar l-UE;

B.     billi 'l fuq minn 2 000 ruħ mietu fil-Baħar Mediterran mill-bidu ta' din is-sena 'l hawn;

C.     billi t-traffikanti tal-bnedmin jisfruttaw il-migrazzjoni irregolari u billi dawk in-netwerks huma ta' riskju serju għall-ħajja tal-migranti u jippreżentaw sfida għall-UE fuq skala massiva; billi n-netwerks ta' traffikanti joperaw mit-territorji ta' pajjiżi terzi b'impunità sħiħa u jiġġeneraw l-ammont stmat ta' EUR 20 biljun fis-sena fi profitti mill-attivitajiet kriminali tagħhom;

D.     billi, skont il-EUROPOL, gruppi tal-kriminalità organizzata li jiffaċilitaw it-traffikar tal-individwi madwar il-Mediterran lejn l-UE għandhom konnessjonijiet diretti mad-drogi, l-armi tan-nar u t-terroriżmu;

E.     billi l-instabbiltà u l-kunflitti reġjonali u l-espansjoni tal-ISIS fiż-żoni ta' kunflitt ġirien qed ikollhom impatt fuq l-influss massiv ta' migranti u fuq il-flussi ta' persuni spostati u, għalhekk, fuq l-għadd ta' individwi li qed jippruvaw jaslu fl-UE;

1.      Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jsibu soluzzjoni effikaċi u jsaħħu l-kooperazzjoni eżistenti sabiex jimpedixxu li jkun hemm aktar imwiet u aktar tluq ta' bastimenti użati għat-traffikar, itejbu l-ħeffa u l-effiċjenza li bihom l-Istati Membri jipproċessaw lill-persuni li jfittxu asil, jibagħtu lura lil dawk li ma jissodisfawx il-kriterji mingħajr dewmien, u jintegraw bis-sħiħ u jgħinu lil dawk li jingħataw l-asil;

2.      Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-rwol tal-FRONTEX u l-EASO u joffru assistenza lill-Istati Membri li jinsabu minn ta' quddiem fl-akkoljenza tal-migranti;

3.      Jenfasizza li sistema effikaċi u effiċjenti għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil hija essenzjali sabiex tiġi stabilizzata s-sitwazzjoni attwali u sabiex issir distinzjoni bejn il-migranti ekonomiċi u dawk li jeħtieġu l-asil;

4.      Jistieden lill-Istati Membri joffru riżorsi u għajnuna finanzjarja addizzjonali sinifikanti sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet attwali tas-sistema tal-migrazzjoni tal-UE bil-għan li jagħmluha effikaċi taħt il-pressjonijiet attwali, b'kont meħud tas-sitwazzjoni u r-responsabbiltajiet individwali tagħhom;

5.      Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-marki tas-swaba' tal-migranti kollha jkunu meħuda u maħżuna fis-sistema EURODAC meta l-migranti jiġu pproċessati fl-ewwel pajjiż tal-UE li jaslu fih, sabiex jidentifikaw it-talbiet li saru ripetutament u li ġew miċħudin u jitħaffu l-proċeduri tal-asil;

6.      Jappoġġa l-ħolqien ta' programm ġdid ta' ritorn għar-ritorn rapidu tal-migranti irregolari mill-Istati Membri l-aktar esposti, ikkoordinat mill-FRONTEX; jistieden lill-Kummissjoni tressaq din il-proposta mill-aktar fis possibbli; jenfasizza l-ħtieġa li jitħeġġu l-politiki ta' ritorn volontarju filwaqt li tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-drittijiet eżistenti kollha skont id-dritt tal-UE u d-dritt internazzjonali u, f'dan ir-rigward, jenfasizza l-importanza li jiġu nnegozjati ftehimiet effikaċi ta' riammissjoni ma' pajjiżi terzi;

7.      Jappella għal politika ta' tolleranza żero dwar it-traffikar tal-bnedmin u jħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-EUROPOL, il-FRONTEX, l-EASO u l-EUROJUST fil-ġlieda kontra dawn in-netwerks kriminali ta' traffikanti billi jidentifikaw il-modus operandi tagħhom u r-rotot tagħhom, filwaqt li jimpeduhom milli jitilqu u jinkoraġġixxu kemm lill-UE kif ukoll lill-pajjiżi terzi biex japplikaw l-eħrex pieni kriminali;

8.      Jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi terzi fir-reġjun ta' żoni tat-tluq jgħassu l-ilmijiet territorjali tagħhom sabiex jinterċettaw bastimenti użati għat-traffikar u jistieden lill-pajjiżi terzi jirrispettaw id-dritt internazzjonali rigward is-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar u jiżguraw il-protezzjoni tar-rifuġjati u r-rispett tad-drittijiet fundamentali; jitlob li jsiru aktar sforzi internazzjonali sabiex il-bastimenti użati mit-traffikanti jinstabu u jinqerdu sistematikament, f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali;

9.      Jappella għal koordinament aktar mill-qrib bejn il-politiki tal-UE u tal-Istati Membri b'rabta mat-taħriġ tal-forzi tal-pulizija lokali fil-punti ta' tluq tal-bastimenti użati għat-traffikar tal-persuni, sabiex il-gruppi u l-individwi kriminali jiġu identifikati u mwaqqfa, u jappella biex ikun hemm żieda fis-servizzi ta' informazzjoni fuq il-post dwar ir-riskji potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin;

10.    Itenni l-appoġġ tiegħu għall-isforzi u l-ħidma diplomatika kollha mmexxijin min-NU bil-għan li jistabbilixxu mill-ġdid l-awtorità tal-gvern fil-Libja, kif ukoll l-impenn tiegħu biex jintensifika l-isforzi tiegħu bil-għan li jindirizza l-kunflitt u l-instabbiltà fil-Libja u s-Sirja; jenfasizza li l-ħolqien ta' stabbiltà reġjonali fiż-żoni ta' kunflitt huwa essenzjali biex jitnaqqas aktar spostament ta' individwi;

11.    Jappella għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi sħab fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika bil-għan li jiġu promossi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u b'għajnuna għall-għoti ta' assistenza lill-kampijiet tar-rifuġjati fir-reġjun; jappella, f'dan ir-rigward, għal kooperazzjoni akbar mal-pajjiżi fir-reġjun fi ħdan il-Lega Għarbija u l-Unjoni Afrikana għall-finijiet ta' ġestjoni, risistemazzjoni u għoti ta' asil lill-persuni spostati;

12.    Jenfasizza li l-kriżi migratorja attwali hija kriżi umanitarja globali u għalhekk ma tistax tiġi solvuta mill-UE waħedha, u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali taħdem flimkien biex issib soluzzjonijiet u toffri l-assistenza;

13.    Itenni l-ħtieġa li l-politika u l-azzjoni jkunu msejsa fuq il-fiduċja reċiproka, it-twettiq tar-responsabbiltajiet u s-solidarjetà f'termini kemm ta' dawk l-Istati Membri li qed jilqgħu lill-persuni li qed ifittxu asil kif ukoll ta' dawk li qed joffru l-asil; jenfasizza l-ħtieġa ta' soluzzjoni sensibbli u sostenibbli għall-kriżi attwali, li tkun imsejsa mhux fuq kwoti vinkolanti obbligatorji, iżda fuq ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni volontarji mill-Istati Membri, il-kooperazzjoni, l-iskambju tal-għarfien espert u tar-riżorsi, u l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE f'dan il-qasam, inkluż ir-Regolament ta' Dublin;

14.    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri kollha qegħdin jimplimentaw kif xieraq il-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiġi żgurat li qed jiġu implimentati standards effikaċi, konsistenti u umani fl-UE kollha;

15.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

Avviż legali