Proċedura : 2015/2833(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0838/2015

Testi mressqa :

B8-0838/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.4
CRE 10/09/2015 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 152kWORD 67k
7.9.2015
PE565.806v01-00
 
B8-0838/2015

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa (2015/2833(RSP))


Marine Le Pen, Lorenzo Fontana, Vicky Maeijer, Harald Vilimsky f'isem il-Grupp ENF

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa (2015/2833(RSP))  
B8‑0838/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-9 ta' Settembru 2015 dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), huwa stmat li 664 183 immigrant illegali waslu fix-xtut tal-Italja, Spanja, il-Greċja u Malta mill-1 ta' Jannar 2015 'il hawn;

B.     billi, skont l-IOM, 'il fuq minn 2 700 ruħ għebu jew mietu fil-Baħar Mediterran mill-bidu tas-sena 'l hawn;

C.     billi l-pressjoni migratorja permezz tal-Balkani tal-Punent u tar-rotot tul il-fruntieri tal-Lvant żdiedet b'mod drammatiku;

D.     billi t-traffikanti tal-bnedmin jisfruttaw il-migrazzjoni irregolari u jpoġġu l-ħajjiet tal-immigranti f'riskju biex huma jagħmlu l-qligħ u huma responsabbli għal eluf ta' mwiet; billi t-traffikanti jiġġeneraw profitti ta' EUR 20 biljun fis-sena permezz tal-attivitajiet kriminali tagħhom; billi, skont il-Europol, gruppi tal-kriminalità organizzata li jiffaċilitaw b'mod attiv it-trasport tal-immigranti illegali madwar il-Baħar Mediterran għandhom konnessjonijiet mat-traffikar tal-bnedmin, id-drogi u l-armi tan-nar;

E.     billi ġie stabbilit li membri tal-Istat Iżlamiku u gruppi fundamentalisti u terroristiċi Iżlamiċi oħrajn qed jinħbew fost l-immigranti illegali biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea;

F.     billi l-Qatar, l-Arabja Sawdija u Stati tal-Golf oħrajn qed jiffinanzjaw gruppi terroristiċi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq u qed jirrifjutaw li jagħtu kenn lir-rifuġjati;

G.     billi l-operazzjoni "Sovereign Borders" (fruntieri Sovrani) tal-Gvern Awstraljan kienet waħda ta' suċċess kbir f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll tal-fruntieri u l-prevenzjoni ta' mwiet fuq il-baħar;

H.     billi n-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-UE u ta' wħud mill-Istati Membri li jipproteġu l-fruntieri esterni u jirmuknaw id-dgħajjes lura lejn il-post tat-tluq tagħhom wasslet lill-UE u lil dawk l-Istati Membri biex isiru ħolqa ewlenija fil-katina tat-traffikar tal-bnedmin;

I.      billi t-trasferiment tal-immigranti illegali minn dgħajjes tat-traffikanti lejn bastimenti tal-UE huwa riżorsa imprezzabbli għat-traffikanti tal-bnedmin, filwaqt li jinkoraġġixxi l-immigrazzjoni illegali u jivvalida l-mudell ta' negozju u l-modus operandi tat-traffikanti tal-bnedmin;

J.      billi l-kapaċità ta' assorbiment ta' ħafna Stati Membri ilha li ntlaħqet;

K.     billi l-opinjoni pubblika fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri hija opposta b'mod ċar għal aktar immigrazzjoni tal-massa, u r-rieda tan-nies trid tiġi rispettata sabiex jitnaqqas id-defiċit demokratiku tal-UE;

L.     billi passaporti Sirjani foloz huma faċilment disponibbli għall-immigranti illegali fit-Turkija, u dan jirrappreżenta theddida enormi għas-sigurtà interna tal-istati nazzjon tagħna;

1.      Jiddispjaċih għall-imwiet fil-Mediterran; iħeġġeġ lill-Istati Membri jibdlu fundamentalment il-politiki tagħhom sabiex iwaqqfu l-immigrazzjoni tal-massa u jimpedixxu aktar imwiet fuq il-baħar;

2.      Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsegwu l-mudell Awstraljan u b'mod effikaċi jistabbilixxu mill-ġdid u jipproteġu l-fruntieri esterni;

3.      Jissottolinja l-fatt li huwa aktar effiċjenti li r-rifuġjati jingħataw kenn fir-reġjun tagħhom stess;

4.      Iħeġġeġ lill-Istati tal-Golf jilqgħu r-rifuġjati u jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom;

5.      Iħeġġeġ lill-Istati tal-Golf u lit-Turkija jieqfu jiffinanzjaw lil gruppi terroristiċi;

6.      Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri jirrevokaw it-Trattat ta' Schengen u jistabbilixxu mill-ġdid id-dritt tal-Istati Membri li jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom;

7.      Jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra t-terroriżmu u jipproteġu s-sigurtà tagħhom;

8.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

 

 

Avviż legali