Proċedura : 2015/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0839/2015

Testi mressqa :

B8-0839/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.5
CRE 10/09/2015 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0318

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 168kWORD 122k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0836/2015
7.9.2015
PE565.807v01-00
 
B8-0839/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani (2015/2685(RSP))


Tamás Meszerics, Margrete Auken, Bodil Valero, Molly Scott Cato, Alyn Smith, Igor Šoltes, Bart Staes, Pascal Durand, Karima Delli, Klaus Buchner, Judith Sargentini, Ernest Maragall, Jordi Sebastià f'isem il-Grupp Verts/ALE

Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Eleonora Evi, Laura Ferrara, Laura Agea, Tiziana Beghin, Daniela Aiuto, Piernicola Pedicini, Dario Tamburrano, Rosa D’Amato

f’isimhom stess

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani (2015/2685 (RSP))  
B8‑0839/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tal-20 ta' Lulju 2014 dwar il-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar is-sitwazzjoni fl-Iżrael u l-Palestina,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Gvern Svediż li jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina fit-30 ta’ Ottubru 2014,

–       wara li kkunsidra r-rikonoxximent tal-Palestina mill-Vatikan f’Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta lill-VP/RGħ minn 16-il Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE fit-13 ta’ April 2015, li fiha jitolbu li jiġu introdotti mal-UE kollha linji gwida dwar it-tikkettar korrett ta’ prodotti tal-insedjamenti,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Iżrael u l-Palestina huma Stati Partijiet firmatarji tagħhom,

–       wara li kkunsidra l-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-29 ta’ Novembru 2012 biex il-Palestina tiġi rikonoxxuta bħala stat osservatur mhux membru,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-garanzija tar-responsabilità u l-ġustizzja għall-ksur kollu tad-dritt internazzjonali fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, adottata fit-3 ta’ Lulju 2015 bl-appoġġ unanimu tal-UE,

–       wara li kkunsidra l-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi adottata f’Marzu 2002 mill-Kunsill tal-Lega tal-Istati Għarab,

–       wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament Ewropew bl-isem ‘Okkupazzjoni/Annessjoni ta’ Territorju: Ir-rispett lejn id-Dritt Umanitarju Internazzjonali u d-Drittijiet tal-Bniedem u Politika konsistenti tal-UE”, tal-25 ta’ Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi n-negozjati mmexxija mill-Istati Uniti dwar soluzzjoni komprensiva tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina ġew sospiżi f’April 2014 u m’hemmx prospetti f’terminu qasir jew medju li jitkomplew fil-parametri attwali ta’ dak li hu magħruf bħala l-Proċess ta’ Paċi tal-Lvant Nofsani;

B.     billi l-ewwel passi leġiżlattivi tal-gvern ta’ koalizzjoni tal-Iżrael, li ilu minn Mejju 2015, ikkonfermaw it-tendenzi ideoloġiċi nazzjonalisti, favur l-insedjamenti u tal-lemin estrem tiegħu, kif indikat permezz tal-adozzjoni tal-att dwar it-tmigħ sfurzat, is-sanzjonijiet aktar ħorox kontra dawk li jitfgħu l-ġebel u proposta biex jiġi estiż l-użu tal-piena tal-mewt; billi qed jiġu mfassla abbozzi ta’ atti li jillimitaw l-awtorità tal-Qorti Suprema u jillimitaw l-ispazju pubbliku għall-atturi tas-soċjetà ċivili; billi l-gvern Iżraeljan ħabbar il-kostruzzjoni ta’ mijiet ta’ insedjamenti ġodda f’Ġerusalemm tal-Lvant u fix-Xatt tal-Punent u ssokta bil-bini tal-ħajt ta’ separazzjoni, minkejja li sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fl-2004 tgħid li hu illegali;

C.     billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, partikolarment fiż-Żona C u f’Ġerusalemm tal-Lvant, qed tħabbat wiċċha ma’ ksur sfaċċat tad-drittijiet tagħha, inkluż vjolenza mill-abitanti tal-insedjamenti, devjazzjoni tal-ilma, restrizzjonijiet qawwija fuq il-moviment liberu, twaqqigħ tad-djar u tkeċċijiet sfurzati; billi 5 700 ruħ Palestinjani – inklużi 160 tifel u tifla, 26 mara u 400 detenut amministrattiv – qed jinżammu f’ħabsijiet fl-Iżrael; billi t-trasferiment sfurzat ta’ residenti ta’ territorju okkupat jikkostitwixxi ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-politika tal-ippjanar qed tintuża bħala mezz biex jitkeċċew persuni Palestinjani u biex jiġu estiżi insedjamenti mhux uffiċjali; billi l-eżerċizzji ta’ taħriġ militari jintużaw ukoll bħala mezz biex mijiet ta’ Palestinjani jiġu spostati b’mod sfurzat, partikolarment fil-Wied tal-Ġordan; billi, skont in-NU, abitanti ta’ insedjamenti Iżraeljani wettqu mill-inqas 120 attakk fuq Palestinjani f’Ġerusalemm tal-Lvant u fix-Xatt tal-Punent mill-bidu tal-2015; billi, skont l-NGO Iżraeljana B’Tselem, mill-inqas 13-il Palestinjan inqatlu mill-forzi tas-sigurtà Iżraeljani u tliet ċivili Iżraeljani nqatlu minn Palestinjani fit-territorju Palestinjan okkupat tul l-ewwel nofs tal-2015;

D.     billi skont l-OCHA, 142 struttura Palestinjana twaqqgħu f’Awwissu 2015 fiż-Żona C u f’Ġerusalemm tal-Lvant, inklużi 16-il struttura ffinanzjata mid-donaturi; billi minħabba dan it-twaqqigħ ġew spostati 201 persuna, inklużi 121 tifel u tifla, u ħallew impatt fuq il-ħajjiet ta’ 426 ruħ, fosthom 233 tifel u tifla; billi dan kien l-ikbar eżerċizzju ta’ twaqqigħ irreġistrat f’dawn iż-żoni minn Jannar 2013;

E.     billi sena wara l-operazzjoni militari Iżraeljana “Protective Edge” kontra Gaża, li wasslet għall-mewt ta’ madwar 2 100 Palestinjan u 66 Iżraeljan (inklużi 1 462 ċivili Palestinjani u 5 ċivili Iżraeljani), il-partijiet ma wettqux l-obbligu tagħhom li jinvestigaw ġenwinament il-ksur allegat u jħarrku lill-persuni responsabbli; billi l-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU dwar din l-operazzjoni f’Ġunju 2015 ikkonkludiet li kemm l-Iżrael kif ukoll il-Ħamas wettqu delitti tal-gwerra u li l-qerda fit-territorju kienet mingħajr preċedent; billi l-Iżrael irrifjuta li jikkoopera ma’ din il-Kummissjoni ta’ Inkjesta u ċaħdilha l-aċċess għal Gaża;

F.     billi l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied li ntlaħaq fis-26 ta’ Awwissu 2014 ma ġiex implimentat, b’mod partikolari fir-rigward tat-tneħħija tal-imblokk; billi l-ebda waħda mid-19 000 dar meqruda s’issa ma reġgħet inbniet, minħabba restrizzjonijiet qawwija fuq id-dħul ta’ materjali tal-bini; billi 100 000 persuna għadhom spostati; billi 95 % tal-ilma ta’ Gaża mhux tajjeb għax-xorb; billi l-għeluq kontinwu ta’ Gaża qed ikollu impatt devastanti fuq il-1.8 miljun ruħ li jgħixu hemm; billi skont il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), l-għeluq ta’ Gaża jikkostitwixxi “kastig kollettiv impost bi ksur ċar tal-obbligi tal-Iżrael skont id-dritt umanitarju internazzjonali”; billi rapport tal-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) tal-1 ta’ Settembru 2015 ikkonkluda li l-imblokk wassal għal tendenza negattiva drastika għall-iżvilupp f’Gaża, u li Gaża jaf issir inabitabbli sal-2020;

G.     billi diversi drabi ġew sparati rockets minn Gaża sa mill-waqfien mill-ġlied ta’ Awwissu 2015; billi organizzazzjonijiet Salafisti jew movimenti oħra rivali tal-partit tal-Ħamas fil-gvern stqarrew li kienu responsabbli għal dawk l-attakki; billi ma ġewx rappurtati vittmi Iżraeljani bħala riżultat ta’ dawn l-attakki;

H.     billi gvern ta’ għaqda Palestinjan approvat mill-Ħamas u mill-Fataħ ġie stabbilit f’April 2014, u aċċetta l-prinċipji tal-Kwartett tan-nonvjolenza, l-adeżjoni ma’ ftehimiet imgħoddija u r-rikonoxximent tal-Iżrael, u kien appoġġat mill-Istati Uniti u l-UE; billi l-isforzi lejn ir-rikonċiljazzjoni Palestinjana, madankollu, ma rnexxilhomx jagħmlu progress tanġibbli; billi l-gvern ma rnexxilux jeżerċita l-awtorità tiegħu fuq l-Istrixxa ta’ Gaża; billi t-tmexxija Palestinjana kompliet tesperjenza kunflitti interni għall-poter u, reċentement ħafna, il-President tal-Awtorità Palestinjana Mahmoud Abbas irriżenja mill-Kumitat Eżekuttiv tal-PLO u talab li ssir laqgħa ta’ emerġenza tal-Kunsill Nazzjonali Palestinjan; billi l-Awtorità Palestinjana qed tħabbat wiċċha ma’ akkużi ta’ prattiki ta’ patronaġġ, awtoritarjaniżmu u l-arrest ta’ kritiċi, korruzzjoni u użu ħażin tal-fondi pubbliċi;

I.      billi l-President Mahmoud Abbas iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jistabbilixxi skeda, permezz tan-NU, biex l-okkupazzjoni Iżraeljana fit-territorju Palestinjan tintemm fi żmien tliet snin; billi l-Lega Għarbija appoġġat dan il-pjan ta ' azzjoni u talbet li ssir konferenza internazzjonali li jkollha l-għan li ssib soluzzjoni finali abbażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi; billi qed isiru sforzi paralleli, immexxija minn Franza, fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

J.      billi minn mindu ġiet iffirmata d-Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji ta’ Oslo fl-1993, il-komunità tad-donaturi investiet aktar minn EUR 23 biljun f’għajnuna għall-paċi u l-iżvilupp fit-Territorju Palestinjan Okkupat; billi l-inugwaljanza, il-qgħad u r-rati tal-faqar fost il-Palestinjani żdiedu b’mod stabbli matul l-istess perjodu;

K.     billi evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-UE mat-Territorju Palestinjan Okkupat u tal-appoġġ lill-poplu Palestinjan, imwettqa f'isem il-Kummissjoni f'Mejju 2014, ikkonkludiet li l-paradigma ta' kooperazzjoni attwali kienet laħqet il-limiti tagħha fin-nuqqas ta' direzzjoni politika parallela mill-UE biex tindirizza l-ostakli li jippreżentaw il-politiki Iżraeljani ta' okkupazzjoni u insedjament u d-diviżjoni politika tax-Xatt tal-Punent u Gaża;

L.     billi skont id-dritt internazzjonali, kwalunkwe parti terza, inklużi l-Istati Membri, għandha d-dmir li ma tirrikonoxxix, ma tgħinx u ma tassistix lill-insedjamenti, kif ukoll id-dmir li topponihom b’mod effikaċi;

M.    billi l-ex-VP/RGħ kienet wiegħdet li sa Lulju 2013 toħroġ linji gwida għall-UE kollha dwar it-tikkettar korrett ta’ prodotti importati li joriġinaw minn barra mill-fruntieri ta’ qabel l-1967 tal-Iżrael; billi f’April 2015, maġġoranza ċara ta’ Stati Membri tal-UE esprimew l-eżasperazzjoni tagħhom fil-konfront tad-diferiment ripetut tal-ħruġ ta’ dawn il-linji gwida min-naħa tal-VP/RGħ, u ħeġġewha tieħu azzjoni; billi tliet Stati Membri tal-UE – ir-Renju Unit, id-Danimarka u l-Belġju — ħarġu l-linji gwida nazzjonali volontarji tagħhom;

1.      Iħeġġeġ lill-UE tinsa l-illużjonijiet tagħha dwar il-“Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani” sfaxxat, li wera li kien falliment li sewa ħafna fil-format attwali tiegħu; jitlob li jkun hemm approċċ ġdid tal-UE li ġenwinament jaqdi l-interessi tal-paċi u tas-sigurtà tal-poplu Iżraeljan u Palestinjan;

2.      Jistieden lill-UE tieqaf tinħeba wara t-tmexxija tal-Istati Uniti, li wriet nuqqas ta’ rieda li tagħmel possibbli proċess ta’ negozjati kredibbli bbażat fuq l-ugwaljanza bejn il-partijiet u r-rispett għad-dritt internazzjonali;

3.      Jistieden lill-UE twettaq ir-responsabilitajiet tagħha bħala attur b’influwenza u tieħu inizjattiva ta’ paċi kuraġġuża u komprensiva għar-reġjun, b’mod partikolari abbażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi; jieħu nota, f’dan ir-rigward, tal-pjanijiet biex jiġi stabbilit Grupp ta’ Appoġġ Internazzjonali, kif imħabbar mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE fl-20 ta’ Lulju 2015; jenfasizza li kull inizjattiva li jappoġġa għandha tkun ibbażata fuq il-parametri stipulati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Lulju 2014 u fuq impenn ċar mill-partijiet li jirrispettaw id-dritt internazzjonali u li jinvolvu rwieħhom mingħajr prekondizzjonijiet u in bona fide f’dawn id-diskussjonijiet;

4.      Jisħaq mill-ġdid li l-paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani tista’ tintlaħaq biss bl-użu ta’ metodi mhux vjolenti permezz ta’ ftehim ta’ status finali nnegozjat li jtemm kull pretensjoni reċiproka; jikkundanna kull att ta’ vjolenza li jattakka jew jipperikola lill-popolazzjoni ċivili taż-żewġ naħat; itenni l-impenn sod tiegħu għas-sigurtà tal-Istat tal-Iżrael; ikompli jappoġġa l-politika ta’ reżistenza mhux vjolenti li tħaddan is-soċjetà ċivili Palestinjana u l-President Palestinjan Mahmoud Abbas;

5.      Jikkundanna bil-qawwa l-espansjoni li għadha għaddejja tal-insedjamenti Iżraeljani, li jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali, ikebbsu r-riżentiment Palestinjan u jdgħajfu l-vijabilità u l-prospetti tas-soluzzjoni ta' żewġ stati; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex immedjatament itemmu u jreġġgħu lura l-politika ta’ insedjamenti tagħhom;

6.      Jesprimi tħassib serju dwar l-isfruttament ta’ riżorsi naturali Palestinjani mill-Iżrael u l-prevalenza ta’ spostament sfurzat, b’mod partikolari fiż-Żona C, li jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali; jiddeplora, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet reċenti tal-qrati Iżraeljani li japprovaw it-twaqqigħ u l-ispostament sfurzat ta’ komunitajiet Bedwini fix-Xatt tal-Punent biex minflokhom jinbnew insedjamenti Lhud; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-Bedwini u biex jirtiraw minnufih l-ordnijiet ta’ twaqqigħ tad-djar u ta’ tkeċċija tal-popolazzjoni li nħarġu għal irħula fil-komunitajiet ta’ Susya u Abu Nwar;

7.      Jesprimi d-dispjaċir profond tiegħu dwar ix-xejra li qed tiżdied ta’ vjolenza mhux ikkontrollata min-naħa tal-abitanti tal-insedjamenti, inkluż il-qtil reċenti ta’ tarbija Palestinjana ta’ 18-il xahar f’attakk inċendjarju fir-raħal Palestinjan ta’ Douma fit-28 ta’ Lulju 2015; jilqa’ l-kundanna ġenerali tat-tmexxija Iżraeljana għal dan id-delitt, minkejja l-fatt li fil-biċċa l-kbira ma rrikonoxxietx in-natura endemika tal-vjolenza min-naħa tal-abitanti tal-insedjamenti, iffaċilitata tul deċennji sħaħ permezz ta’ klima ta’ impunità u tixwix ;

8.      Iqis li l-kompożizzjoni tal-koalizzjoni tal-gvern Iżraeljan, kif ukoll l-aġenda tiegħu, inkluża l-espansjoni intensifikata tal-insedjamenti, l-impunità li għadha għaddejja għall-ksur fit-territorju okkupat u l-ispostar sfurzat tal-Palestinjani, tikkostitwixxi ostaklu kbir għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati u tenfasizza l-ħtieġa li l-UE tieħu passi urġenti biex tħares il-vijabilità tagħha; jistieden lill-UE tisfida r-rieda u l-inċentiva ineżistenti tal-gvern attwali ta’ Iżrael biex jinnegozja tmiem għall-kunflitt;

9.      Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jinfurzaw ir-rekwiżit legali tagħhom ta’ nonrikonoxximent u biex japplikaw politika effettiva u komprensiva ta’ divrenzjar bejn l-Iżrael u l-insedjamenti tiegħu, ibbażata fuq rispett strett għad-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-UE;

10.    Huwa konvint li din il-politika ta’ divrenzjar hija indispensabbli sabiex tinħoloq dinamika pożittiva lejn negozjati ta’ paċi ġenwini; jemmen li approċċ bħal dan jikkontribwixxi biex tiġi modifikata l-istruttura ta’ inċentivi li jirfdu l-politika tal-insedjament tal-Iżrael u jisfida l-kalkoli tal-ispiża u l-benefiċċji li jagħmlu l-pubbliku u l-klassi politika għolja tal-Iżrael f’dak li għandu x’jaqsam mal-okkupazzjoni;

11.    Iħeġġeġ lill-UE, bħala parti minn din il-politika ta’ divrenzjar, biex tieħu l-miżuri li ġejjin:

a.   issaħħaħ id-diplomazija pubblika tagħha b’reazzjoni għal attività ta’ insedjament u biex tgħaddi l-messaġġ b’mod ċar lill-pubbliku Iżraeljan li politika bħal din għandha l-għeruq tagħha fl-intensità u l-firxa u l-profondità tar-rabtiet bejn l-UE u l-Iżrael u hija bbażata fuq imperattiv legali;

b.   teskludi b’mod strett l-applikazzjoni tal-ftehimiet bejn l-UE u l-Iżrael għat-Territorju Palestinjan Okkupat;

c.   toħroġ linji gwida tal-UE dwar it-tikkettar ta’ prodotti mill-insedjamenti, li għandu jkopri l-katina kollha tal-provvista;

d.   tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ monitoraġġ u konformità tal-UE aktar sod fir-rigward tal-kummerċ ħieles, sabiex prodotti mill-Iżrael li jkun fihom materjal mhux ipproċessat li joriġina mill-insedjamenti ma jgawdux mit-tariffi kummerċjali preferenzjali tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Iżrael;

e.   tieħu l-eżempju tal-projbizzjoni rapida u effikaċi tal-UE fuq prodotti mill-Krimea, u teskludi l-prodotti mill-insedjamenti Iżraeljani mis-suq intern tal-UE;

f.    tagħmel mappa tal-kumpaniji Ewropej b’attivitajiet marbuta mal-insedjamenti;

g.   tagħti parir liċ-ċittadini u l-kumpaniji tal-UE li jiskoraġġihom milli jinvolvu rwieħhom ekonomiku ma’ kumpaniji li l-operazzjonijiet tagħhom qed jikkontribwixxi għall-insedjamenti illegali jew imantnuhom, jew iwettqu ksur ieħor tad-dritt internazzjonali fit-Territorju Palestinjan Okkupat, u biex tinkoraġġixxi t-tmiem tar-relazzjonijiet tan-negozju eżistenti fl-ispirtu tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem;

h.   tieħu miżuri konkreti fil-konfront tal-abitanti tal-insedjamenti, inkluża l-adozzjoni ta’ politika ta’ nonkuntatt u projbizzjoni tal-viża għall-persuni involuti f’atti ta’ vjolenza;

i.    tiżviluppa linji gwida għal koperazzjoni finanzjarja bejn entitajiet Ewropej u Iżraeljani, li jiżguraw li l-fondi ta’ investiment tal-UE u l-banek tal-UE ma jappoġġawx kumpaniji jew fondi li joperaw fl-insedjamenti;

j.    tiċħad l-ammissibiltà ta’ dokumenti legali maħruġa mill-insedjamenti Iżraeljani, bħal titoli tal-proprjetà jew lawrji edukattivi;

k.   tinkariga lill-Kummissjoni u lis-SEAE jwettqu valutazzjoni sistematika tal-interazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri mal-Iżrael u jiżguraw li l-politika ta’ divrenzjar tiġi applikata b’mod konsistenti;

l.    tagħmel rieżami tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżrael fid-dawl tal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

12.    Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha ħalli mingħajr kundizzjonijiet jirrikonoxxu lill-Istat Palestinjan skont il-konfini tal-1967; jemmen b’konvinzjoni kbira li r-rikonoxximent min-naħa tal-Ewropa kollha tal-Istat tal-Palestina se jmexxi ’l quddiem il-prospetti għall-paċi u jħeġġeġ l-isforzi, anke min-naħa tas-soċjetà ċivili Iżraeljana, biex tinkiseb soluzzjoni ta’ żewġ stati;

13.    Jesprimi allarm dwar iż-żieda fil-qerda, teħid u konfiska tal-għajnuna u t-tagħmir umanitarja fiż-Żona C u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lura lill-Parlament dwar l-isforzi tagħha biex titlob kumpens mingħand l-awtoritajiet ta' Iżrael, flimkien ma’ garanziji li dawn l-atti ma jerġgħux iseħħu, biex tkompli tinvesti fiż-Żona C u biex tipprovdi għajnuna umanitarja u u għajnuna għall-iżvilupp tal-UE hemmhekk; jieħu nota f’dan ir-rigward tal-inizjattiva tal-UE li tniedi djalogu strutturat mal-Iżrael dwar is-sitwazzjoni fix-Xatt tal-Punent, iżda jiddeplora l-fatt li l-inizjattiva ma tinkludix il-kwistjoni tal-insedjament; itenni li t-talbiet għal kumpens għall-qerda ta’ infrastruttura finanzjata mill-UE huma leġittimi u m’għandhomx ikunu kkundizzjonati fuq ir-riżultat tad-djalogu strutturat;

14.    Jistieden lill-Kummissjoni tiżvela l-lista ta’ proġetti finanzjati mill-UE li ġarrbu ħsarat minħabba azzjonijiet tal-forzi militari ta’ Iżrael waqt il-kunflitt tal-2014 f’Gaża, u jitlob lill-SEAE jinforma l-Parlament dwar l-azzjonijiet mibdija s’issa fil-konfront tal-awtoritajiet ta’ Iżrael għall-ksib ta’ kumpens finanzjarju; jitlob, b’mod partikolari, dettalji dwar l-Impjant tat-Trattament tal-Ilma Mormi tat-Tramuntana ta’ Gaża, kofinanzjat mill-baġit tal-UE u minn Franza, il-Belġju u l-Isvezja, li ġarrab ħsarat kbar waqt il-kunflitt;

15.    Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tibdel drastikament il-paradigma tal-għajnuna tagħha lill-Palestinjani sabiex tiżgura li l-għajnuna tal-UE tintegra għalkollox id-dimensjoni politika tal-okkupazzjoni u tappoġġa b’mod effettiv l-awtodeterminazzjoni Palestinjana, u mhux tissussidja l-okkupazzjoni Iżraeljana u tkebbes id-dipendenza tal-Palestinjani fuq l-għajnuna; jenfasizza, f’dan ir-rigward, kemm hu importanti li jiġi appoġġat id-dritt tal-Palestinjani li jkollhom aċċess għar-riżorsi naturali tagħhom, partikolarment l-ilma; iħeġġeġ lill-UE tintensifika l-appoġġ tagħha lis-soċjetà ċivili Palestinjana, fosthom fil-qasam tal-obbligu ta' rendikont tal-gvern u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

16.    Jistieden lill-partijiet kollha jimplimentaw b’mod effettiv it-termini li ntlaħqu taħt il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ta’ Awwissu 2014; b'mod partikolari, iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iżraeljani biex immedjatament, mingħajr kondizzjonijiet u b’mod komplet ineħħu l-imblokk illegali tal-Istrixxa ta’ Gaża; jistieden lill-UE tieħu passi konkreti ta' pressjoni fuq l-Iżrael biex itemm l-imblokk, notevolment billi tiġi ffissata skeda ta’ żmien; jiddeplora r-restrizzjonijiet attwali min-naħa ta’ Iżrael fuq id-dħul ta’ materjali tal-bini f’Gaża; jistieden lill-Gvern Iżraeljan biex itemm il-proċess arbitrarju u mhux trasparenti tal-elenkar ta' materjali bħala “materjal b'użu doppju” u biex jagħmel il-lista tiegħu ta' użu doppju konformi mal-istandards internazzjonali, b’mod partikolari billi jneħħi l-injam, l-aggregati, il-vireg tal-azzar u s-siment;

17.    Jikkundanna l-fatt li reċentement ġew sparati rockets minn gruppi militanti mill-Istrixxa ta’ Gaża, peress li azzjoni bħal din iżżid il-periklu ta’ spirall ġdid ta’ vjolenza; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jimpenjaw ruħhom favur in-nonvjolenza;

18.    Jilqa’ l-vot unanimu mill-Istati Membri tal-UE favur ir-riżoluzzjoni tat-3 ta’ Lulju tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar “L-iżgurar tar-responsabbiltà u l-ġustizzja għall-ksur kollhu tad-dritt internazzjonali fit-Territorju Palestinjan Okkupat, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant”, u jistieden lill-UE tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti tan-NU, inklużi r-rakkomandazzjonijiet li tiġi appoġġata b’mod attiv il-ħidma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fir-rigward tat-Territorju Palestinjan Okkupat;

19.    Jilqa’, għal darba oħra, ir-ratifika min-naħa tal-Palestina tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jiddeplora r-rifjut tal-VP/RGħ li tirrikonoxxi dan il-pass importanti lejn ir-responsabbiltà għal ksur ġejjieni mwettaq minn kwalunkwe naħa; iqis li tali mġiba ddgħajjef sfaċċatament il-kredibilità tal-politika tal-UE fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u d-dikjarazzjonijiet tagħha dwar ir-responsabbiltà u l-ġustizzja internazzjonali;

20.    Jesprimi tħassib dwar ir-rapporti ta’ klima li qed tiddeterjora għall-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem f’Iżrael u dwar il-fatt li qed jiżdiedu t-tentattivi tal-gvern attwali li joħonqu l-oppożizzjoni u l-arti indipendenti, fosthom permezz tal-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ liġijiet li għandhom l-għan li jillimitaw severament il-ħidma tal-NGOs; jistieden lill-missjonijiet diplomatiċi tal-UE jinvolvu rwieħhom mal-awtoritajiet Iżraeljani fuq din il-kwistjoni urġenti u jkomplu jappoġġaw lill-atturi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

21.    Jieħu nota tal-isforzi tal-Palestinjani Iżraeljani biex jingħaqdu taħt il-Lista Magħquda u biex jiżguraw riżultat tajjeb fl-aħħar elezzjonijiet leġiżlattivi; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni Ewropea biex iżidu b’mod sinifikanti l-appoġġ u l-impenn tagħhom favur il-minoranzi fl-Iżrael u biex jappoġġaw l-isforzi tagħhom biex jiksbu parteċipazzjoni politika, ekonomika u soċjali aqwa;

22.    Jiddeplora n-nuqqas kontinwi tal-għaqda bejn il-Palestinjani u jistieden lill-forzi Palestinjani kollha biex jerġgħu jagħtu bidu għall-isforzi lejn ir-rikonċiljazzjoni, speċjalment billi jorganizzaw l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li suppost ilhom li saru; jiddenunzjaw it-tentattivi biex idgħajfu dan il-proċess potenzjalment storiku, u jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jeħilsu lit-12-il Membru tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan detenuti, lill-priġunieri politiċi Palestinjani kollha u lill-persuni miżmuma taħt detenzjoni amministrattiva mingħajr akkużi; jistieden lill-UE tieħu azzjoni konkreta biex tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni u biex tappoġġa gvern ta’ għaqda Palestinjan;

23.    Jiddeċiedi li jfassal rapport dwar il-kummerċ tal-armi u tagħmir ta' sigurtà ieħor bejn l-Istati Membri u l-Iżrael/il-Palestina u dwar il-kompatibilità ta' tali kummerċ mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE; jitlob għal embargo komprensiv fuq l-armi min-naħa tan-NU fuq il-partijiet kollha fir-reġjun sabiex jiġi evitat ksur ulterjuri tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali; jinsisti li l-ebda fondi taħt il-programm qafas tar-riċerka tal-UE m’għandhom jappoġġaw kumpaniji Iżraeljani li għandhom l-għan li jipproduċu d-drones;

24.    Iqis li l-ħatra ta’ Tony Blair bħala mibgħut speċjali għall-Kwartett tal-Lvant Nofsani kienet għażla żbaljata u jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-mandat ta’ Blair ġie terminat; jemmen b’mod usa’ li l-UE tiggwadanja jekk taħtar rappreżentanti b’għarfien dimostrabbli tar-reġjun, saħħa politika u kredenzjali etiċi impekkabbli;

25.    Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu li jniedi inizjattiva ‘Membri Parlamentari għall-Paċi’ bil-għan li tiġbor flimkien Membri Parlamentari Ewropej, Iżraeljani u Palestinjani biex tgħin ħalli titmexxa ’l quddiem aġenda għall-paċi u tikkomplementa l-isforzi diplomatiċi tal-UE;

26.    Jesprimi għadab dwar il-fatt li l-awtoritajiet Iżraeljani jostakolaw, kontinwament u mingħajr ġustifikazzjoni, kwalunkwe żjara minn korpi uffiċjali tal-Parlament Ewropew lejn Gaża; iwissi li fin-nuqqas ta’ xi titjib sal-1 ta’ Novembru 2015 se jittieħdu miżuri;

27.    Jiddeċiedi li jibgħat delegazzjoni ad hoc lejn Gaża/Palestina u Iżrael biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-post fir-rigward tal-ħsara lil proġetti ffinanzjati mill-UE fiż-Żona C u f’Gaża, u l-prospetti għal soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt.

28.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kwartett, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-korpi tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja.

Avviż legali