Proċedura : 2015/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0840/2015

Testi mressqa :

B8-0840/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.5
CRE 10/09/2015 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0318

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 173kWORD 127k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0836/2015
7.9.2015
PE565.808v01-00
 
B8-0840/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani (2015/2685(RSP))


Martina Anderson, Neoklis Sylikiotis, Patrick Le Hyaric, Ángela Vallina, Sofia Sakorafa, Younous Omarjee, Marisa Matias, Tania González Peñas, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Pablo Iglesias, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Javier Couso Permuy, Lidia Senra Rodríguez, Josu Juaristi Abaunz, Malin Björk, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Takis Hadjigeorgiou, Eleonora Forenza, Merja Kyllönen, Marie-Christine Vergiat, Kateřina Konečná f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani (2015/2685(RSP))  
B8‑0840/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn il-Palestina u l-Iżrael,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-29 ta’ Novembru 2012 biex il-Palestina tingħata status ta’ stat osservatur mhux membru,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 194 u riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta’ Sigurtà tan-NU 242 (1967), 252 (1968), 338 (1972), 476 (1980), 478 (1980) u 1860 (2009),

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 67/19,

–       wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tan-NU li l-Iżrael u l-Palestina huma Stati Partijiet fihom,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU A/HRC/29/L.35 dwar il-garanzija tar-responsabilità u l-ġustizzja għall-vjolazzjonijiet kollha tad-dritt internazzjonali fit-territorju Palestinjan okkupat, inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, adottata fit-3 ta’ Lulju 2015 b’appoġġ unanimu tal-UE,

–       wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–       wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra,

–       wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-tfal (UNCRC) tal-20 ta’ Novembru 1989, b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 37 tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u t-Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, adottati permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 39/46 tal-10 ta’ Diċembru 1984,

–       wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Oslo (“Dikjarazzjoni tal-Prinċipji dwar Arranġamenti Interim ta’ Awtogovernanza”) tat-13 ta’ Settembru 1993,

–       wara li kkunsidra l-opinjoni konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) bit-titolu “Legal Consequences of the Construction of a Wall in the Occupied Palestinian Territories” (Konsegwenzi ġuridiċi tal-bini tal-ħajt fit-territorji Palestinjani okkupati) tad-9 ta' Lulju 2004,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael, u b’mod aktar partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani tas-16 ta' Diċembru 2013, tal-14 ta' Mejju 2012, tat-23 ta' Mejju u t-18 ta' Lulju 2011 kif ukoll tat-8 ta' Diċembru 2009,

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-UE tal-20 ta' Lulju 2014 dwar il-Lvant Nofsani,

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni tal-Konformità mad-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar is-sitwazzjoni fl-Iżrael u l-Palestina,

–       wara li kkunsidra d-deċiżjoni mill-Gvern Żvediż li jirrikonoxxi l-Istat tal-Palestina mit-30 ta’ Ottubru 2014, u r-rikonoxximent tal-Palestina mill-Vatikan f’Ġunju 2015,

–       wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta lill-VP/HR mis-16-il Ministru tal-Arrarijiet Barranin tal-UE fit-13 ta’ April 2015 li ssejjaħ għall-introduzzjoni mal-UE kollha ta’ linji gwida għat-tikkettar korrett ta’ prodotti tal-insedjamenti,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/HR) Federica Mogherini dwar il-formazzjoni tal-Gvern Iżraeljan il-ġdid tas-7 ta’ Mejju 2015, u d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem tagħha dwar l-attakk inċendjarju fix-Xatt tal-Punent tal-31 ta’ Lulju 2015 u dwar id-deċiżjonijiet Iżraeljani reċenti fir-rigward ta’ espansjoni ulterjuri tal-insedjamenti tad-29 ta’ Lulju 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE dwar demolizzjonijiet fiż-Żona C u dwar ix-xogħol ta’ kostruzzjoni dwar il-ħajt ta’ separazzjoni fi Cremisan tal-24 ta’ Awwissu 2015,

–       wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-UE dwar Ġerusalemm tal-Lvant ta’ Jannar 2012, dwar iż-Żona C u l-Bini ta’ Stat Palestinjan ta’ Lulju 2011, u l-vjolenza minn abitanti ta’ insedjamenti ta’ April 2011 u n-nota mehmuża tal-Kapijiet ta’ Missjoni tal-UE dwar vjolenza minn abitanti ta’ insedjamenti ta’ Frar 2012,

–       wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar l-eliġibilità ta’ entitajiet Iżraeljani u l-attivitajiet tagħhom f’territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 għal għotjiet, premjijiet u strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE mill-2014 ’il quddiem,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi 48 sena wara l-gwerra tal-1967 l-Iżrael jibqa’ jokkupa l-Palestina, bi ksur tad-dritt internazzjonali u r-riżoluzzjonijiet kollha rilevanti tal-Kunsill ta’ Sigurtà u l-Assemblea Ġenerali tan-NU, u billi l-Istat tal-Palestina, fuq il-fruntieri tal-1967 u b'Ġerusalemm tal-Lvant bħala l-belt kapitali tiegħu, għad irid isir membru sħiħ tan-NU f’konformità mar-riżoluzzjoni tan-NU tal-1948;

B.     billi f'Novembru 2012 l-Assemblea Ġenerali tan-NU tat status ta’ “stat osservatur mhux membru” lill-Palestina; billi l-ħolqien ta’ paċi ġusta u permanenti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u bejn l-Għarab u l-Iżraeljani f’kuntest usa’, huwa mira għall-komunità internazzjonali u pożizzjoni dikjarata tal-UE;

C.     billi l-Parlament ripetutament esprima l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, bl-Istat tal-Iżrael u Stat Palestinjan indipendenti, demokratiku, kontigwu u vijabbli b’Ġerusalemm tal-Lvant bħala l-belt kapitali, fuq il-fruntieri tal-1967, li jgħixu maġenb xulxin fil-paċi;

D.     billi 20 sena wara l-Ftehimiet ta’ Oslo u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tagħhom min-naħa tal-Iżrael, il-Palestinjani ma għandhomx fiduċja aktar fin-negozjati;

E.     billi Mahmoud Abbas, President tal-Istat tal-Palestina, iddikjara l-intenzjoni tiegħu li jistabbilixxi skeda ta’ żmien permezz tan-NU biex tintemm l-okkupazzjoni Iżraeljana tat-territorju Palestinjan fi żmien tliet snin; billi l-Lega Għarbija appoġġjat dan il-pjan ta ' azzjoni u talbet li ssir konferenza internazzjonali li jkollha l-għan li ssib soluzzjoni finali abbażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi; billi sforzi paralleli, immexxija minn Franza, għaddejjin bħalissa fil-Kunsill ta’ Sigurtà tan-NU;

F.     billi sforzi konsekuttivi mmexxija mill-Istati Uniti, inkluż fl-2014, biex ikun hawn proċess ta’ paċi sinifikanti bejn l-Iżrael u l-Palestina fallew, bi ftit possibilità li tali format jirnexxi fil-ġejjini;

G.     billi l-politiki tal-Gvern Iżraeljan qed iwasslu għal aktar tnaqqir u distruzzjoni sħiħa tal-possibilitajiet ta’ soluzzjoni ta’ żewġ stati, kif stipulat mir-riżoluzzjonijiet kollha rilevanti tan-NU, kif ukoll mill-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill tal-UE;

H.     billi l-ewwel passi leġiżlattivi tal-gvern ta’ koalizzjoni tal-Iżrael, fis-seħħ minn Mejju 2015, ikkonfermaw it-tendenzi ideoloġiċi nazzjonalisti, favur l-insedjamenti u tal-lemin estrem tiegħu, inkluż fl-adozzjoni ta’ att dwar it-tmigħ sfurzat, is-sanzjonijiet aktar ħorox kontra dawk li jitfgħu l-ġebel u proposta biex jitwessa’ l-użu tal-pieni tal-mewt; billi abbozzi ta’ atti li jillimitaw l-awtorità tal-Qorti Suprema u li jirristrinġu l-ispazju pubbliku għall-atturi tas-soċjetà ċivili jeq jiġu mfassla; billi l-Gvern Iżraeljan ħabbar il-kostruzzjoni ta’ mijiet ta’ insedjamenti ġodda f’Ġerusalemm tal-Lvant u x-Xatt tal-Punent u ssokta bil-bini tal-ħajt ta’ separazzjoni, minkejja li dan ġie dikjarat bħala illegali b’sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fl-2004;

I.      billi l-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent, partikolarment fiż-Żona C u f’Ġerusalemm tal-Lvant, qed tiffaċċja vjolazzjonijiet sfaċċati tad-drittijiet tagħha, inkluż vjolenza mill-abitanti tal-insedjamenti, devjazzjoni tal-ilma, restrizzjonijiet ħarxa fuq il-moviment liberu, demolizzjoni tad-djar u tkeċċijiet sfurzati; billi t-trasferiment sfurzat ta’ residenti ta’ territorju okkupat jikkostitwixxi ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-politika tal-ippjanar qed tintuża bħala mezz biex Palestinjani jitkeċċew u biex insedjamenti mhux uffiċjali jiġu estiżi; billi eżerċizzji ta’ taħriġ militari jintużaw ukoll bħala mezz biex mijiet ta’ Palestinjani jiġu spostati b’mod sfurzat, partikolarment fil-Wied tal-Ġordan; billi, skont in-NU, abitanti ta’ insedjamenti Iżraeljani wettqu mill-inqas 120 attakk fuq Palestinjani f’Ġerusalemm tal-Lvant u x-Xatt tal-Punent mill-bidu tal-2015; billi, skont l-NGO Iżraeljana B’Tselem, mill-inqas 13-il Palestinjan inqatlu mill-forzi tas-sigurtà Iżraeljani u tliet ċivili Iżraeljani nqatlu minn Palestinjani tul l-ewwel nofs tal-2015 fit-territorju Palestinjan okkupat;

J.      billi 5 700 ruħ fost detenuti u priġunieri Palestinjani – inklużi 160 tifel u tifla, 26 mara u 400 detenut amministrattiv – huma miżmuma f’ħabsijiet fl-Iżrael; billi 10 membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, li tlieta minnhom jinsabu taħt detenzjoni amministrattiva, huma miżmuma f’ħabsijiet Iżraeljani; billi fit-30 ta’ Lulju 2015 il-Knesset adotta l-Liġi dwar it-Tmigħ Sfurzat, li tawtorizza t-tmigħ sfurzat ta’ priġunieri Palestinjani fuq strajk tal-ġuħ;

K.     billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont id-dritt internazzjionali u jikkostitwixxu ostaklu maġġur għall-isforzi ta’ paċi u dan serva għal bosta snin; billi l-prodotti ta’ insedjamenti Iżraeljani għadhom jiġu importati fis-suq Ewropew bi trattament preferenzjali, minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE ma tippermettix l-importazzjoni ta’ tali prodotti skont it-termini preferenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael;

L.     billi, skont il-Ġrupp ta’ Monitoraġġ Palestinjan, l-abitanti ta’ insedjamenti Lhud wettqu aktar minn 11 000 attakk kontra Palestinjani fix-Xatt tal-Punent mill-2004; billi, skont l-organizzazzjoni Iżraeljana għad-drittijiet tal-bniedem Yesh Din, 1.9 % biss tal-każijiet ta’ vjolenza ta’ abitanti tal-insedjamenti li tressqu quddiem il-qrati bejn l-2005 u l-2014 intemmu b’suċċess għall-prosekuzzjoni;

M.    billi skont id-dritt internazzjonali, kwalunkwe parti terza, inklużi l-Istati Membri, għandha d-dmir li ma tirrikonoxxix, tgħin jew tassisti insedjamenti, kif ukoll id-dmir li topponihom b’mod effettiv;

N.     billi l-ex VP/HR wiegħed li minn Lulju 2013 joħroġ linji gwida għall-UE kollha dwar it-tikkettar korrett ta’ prodotti importati li joriġinaw lil hinn mill-fruntieri tal-Iżrael ta’ qabel l-1967; billi f’ittra ta’ April 2015 maġġoranza ċara ta’ Stati Membri esprimew l-eżasperazzjoni tagħhom fil-konfront ta’ diferiment ripetut tal-ħruġ ta’ tali linji gwida mill-VP/RGħ u ħeġġew lil dan tal-aħħar biex jieħdu azzjoni; billi tliet Stati Membri – ir-Renju Unit, id-Danimarka u l-Belġju — ħarġu linji gwida volontarji nazzjonali tagħhom stess;

O.     billi, skont l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA), f’Awwissu 2015, 142 struttura bi proprjetarji Palestinjani twaqqgħu fiż-Żona C u f’Ġerusalemm tal-Lvant, inklużi 16-il struttura ffinanzjati minn donaturi; billi dawn d-demolizzjonijiet spostaw 201 persuna, inklużi 121 tifel u tifla, u affettwaw b’xi mod ieħor 426 ruħ, fosthom 233 tifel u tifla; billi din kien l-ikbar demolizzjoni rreġistrata f’dawn iż-żoni minn Jannar 2013;

P.     billi sena wara l-operazzjoni militari Iżraeljana “Protective Edge” kontra Gaża, li wasslet għall-mewt ta’ madwar 2 100 Palestinjan u 66 Iżraeljan (inklużi rispettivament 1 462 u 5 ċivili), il-partijiet naqsu milli jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jwettqu investigazzjonijiet ġenwini dwar il-vjolazzjonijiet allegati u jħarrku lil dawk responsabbli; billi l-Kummissjoni ta’ Inkjesta tan-NU dwar din l-operazzjoni f’Ġunju 2015 ikkonkludiet li kemm l-Iżrael u l-Ħamas wettqet delitti tal-gwerra u li l-qerda fit-territorju kienet mingħajr preċedent; billi l-Iżrael irrifjuta li jikkoopera ma’ din il-Kummissjoni ta’ Inkjesta u ċaħad l-aċċess għal Gaża;

Q.     billi l-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied li ntlaħaq fis-26 ta’ Awwissu 2014 ma ġiex implimentat, b’mod partikolari fir-rigward tat-tneħħija tal-imblokk; billi l-ebda waħda mid-19 000 dar meqruda totalment sa issa ma reġgħet inbniet minħabba restrizzjonijiet qawwija fuq id-dħul ta’ materjali tal-bini; billi 100 000 persuna għadhom spustati; billi 95 % tal-ilma ta’ Gaża mhux tajjeb għax-xorb; billi l-għeluq kontinwu ta’ Gaża qed ikollu impatt devastanti fuq 1.8 miljun ruħ jgħixu hemm; billi, skont il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC), l-għeluq ta’ Gaża jikkostitwixxi “kastig kollettiv impost bi ksur ċar tal-obbligi tal-Iżrael skont id-dritt umanitarju internazzjonali”; billi rapport tal-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) tal-1 ta’ Settembru 2015 ikkonkluda li l-imblokk wassal għal żvilupp negattiv drastiku f’Gaża u li Gaża ssir inabitabbli sal-2020;

R.     billi l-Aġenzija tan-NU ta’ Fondi u tax-Xogħol (UNRWA) — li qiegħda tipprovdi servizzi essenzjali lir-refuġjati Palestinjani fit-territorju Palestinjan okkupat u kif ukoll fil-Ġordan, il-Libanu u s-Sirja — qiegħda tiffaċċja l-agħar kriżi ta’ finanzjament fl-istorja tagħha; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu l-akbar donatur lill-UNRWA, billi jikkostitwixxu kważi 40 % tal-appoġġ totali mogħti lill-Aġenzija;

S.     billi gvern ta’ unità Palestinjan approvat mill-Ħamas u mill-Fataħ ġie stabbilit f’April 2014, u aċċetta l-prinċipji tal-Kwartett tan-Nonvjolenza, l-adeżjoni mal-ftehimiet imgħoddija u r-rikonoxximent tal-Iżrael, u appoġġjat mill-Istati Uniti u l-UE; billi l-isforzi lejn ir-rikonċiljazzjoni Palestinjana, madankollu, ma rnexxilhomx jagħmlu progress tanġibbli;

T.     billi minn mindu ġiet iffirmata d-Dikjarazzjoni ta’ Oslo ta’ prinċipji fl-1993 il-komunità tad-donaturi investiet aktar minn EUR 23 biljun f’għajnuna għall-paċi u l-iżvilupp fit-territorju Palestinjan okkupat; billi l-inugwaljanza, il-qgħad u r-rati tal-faqar fost il-Palestinjani żdiedu b’mod stabbli matul l-istess perjodu;

U.     billi evalwazzjoni tal-kooperazzjoni tal-UE mat-Territorju Palestinjan Okkupat u tal-appoġġ lill-poplu Palestinjan, imwettqa f’isem il-Kummissjoni f’Mejju 2014, ikkonkludiet li l-paradigma ta’ kooperazzjoni attwali kienet laħqet il-limiti tagħha fin-nuqqas ta’ rotta politika parallela mill-UE biex tindirizza l-ostakli maħluqa mill-politiki ta’ okkupazzjoni u insedjamenti Iżraeljani u d-diviżjoni politika tax-Xatt tal-Punent u Gaża;

 

V.     billi l-istatus ta’ Ġerusalemm jibqa’ kwistjoni ewlenija fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani; billi l-UE u l-komunità internazzjonali qatt ma aċċettaw l-annessjoni unilaterali ta’ Ġerusalemm tal-Lvant mill-Iżrael; billi l-Palestinjani li jgħixu f’Ġerusalemm tal-Lvant għadhom ibatu minn nuqqas ta’ status ta’ residenza legali sikur, il-konfiska tal-art tagħhom u diskriminazzjoni sistematika fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi, l-ippjanar u l-bini u aċċess għal postijiet u siti reliġjużi bħala riżultat ta’ politiki tal-Gvern Iżraeljan li jimmiraw lejn it-tibdil tal-kostituzzjoni demografika taż-żona;

W.    billi l-għadd ta’ rifuġjati Palestinjani, kwistjoni oħra ewlenija fil-proċess ta’ paċi, attwalment jammonta għal kważi 5 miljuni skont l-UNRWA, li l-biċċa l-kbira minnhom huma rifuġjati tat-tieni jew tat-tielet ġenerazzjoni;

X.     billi l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael jgħid biċ-ċar li: “Ir-relazzjonijiet bejn il-Partijiet, kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim innifsu, għandhom ikunu bbażati fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jiggwida l-politika interna u internazzjonali tagħhom u jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim”;

Y.     billi d-drittijiet internazzjonali tal-Bniedem u d-dritt umanitarju, inkluża r-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra, japplikaw bis-sħiħ għax-Xatt tal-Punent, inklużi Ġerusalemm tal-Lvant u l-Istrixxa ta' Gaża;

1.      Jitlob it-tmiem tal-okkupazzjoni Iżraeljana tax-Xatt tal-Punent, Gaża u Ġerusalemm tal-Lvant;

2.      Jenfasizza li s-soluzzjoni ta’ żewġ stati hi bbażata fuq ir-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1948 u r-rikonoxximent taż-żewġ stati min-naħa tal-komunità internazzjonali, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tal-UE, lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-organizzazzjonijiet tan-NU biex jirrikonoxxu, f’konformità mad-deċiżjoni tan-NU ta’ Novembru 2012, l-Istat tal-Palestina fuq il-fruntieri tal-1967 u b’Ġerusalemm tal-Lvant bħala l-belt kapitali tiegħu, kif stabbilit fir-riżoluzzjonijiet tan-NU, li jgħix fil-paċi u s-sigurtà maġenb l-Istat tal-Iżrael;

3.      Jenfasizza li r-rikonoxximent tal-Istat Palestinjan mill-Istati Membri għandu jikkontribwixxi għat-tkomplija immedjata tat-taħdidiet ta’ paċi diretti bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u jħeġġeġ lill-UE biex issir attur politiku reali fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani billi tappoġġja sforzi sinifikanti fil-qafas tan-NU għal soluzzjoni komprensiva, inklużi l-kwistjonijiet kollha dwar l-istatus finali; Jemmen li l-progress fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani jkun ta’ benefiċċju għar-reġjun kollu taqlib;

4.      Jerġa’ jafferma li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet UE-Iżrael irid ikun jiddependi b’mod qawwi fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, kif stipulat mill-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

5.      Jikkundanna bil-qawwa l-espansjoni li kompliet għaddejja tal-insedjamenti Iżraeljani, li tikser id-dritt internazzjonali, tkompli tagħti n-nar lir-riżentiment Palestinjan u ddgħajjef il-vijabilità u l-prospetti tas-soluzzjoni ta' żewġ stati; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex immedjatament iwaqqfu u jaqilbu l-politika ta’ insedjament tagħhom u l-konfiska tal-art, billi jibdew b’mod urġenti bl-art fin-nofsinhar ta’ Betlem;

6.      Jesprimi tħassib serju dwar l-isfruttament ta’ riżorsi naturali Palestinjani mill-Iżrael u l-prevalenza ta’ spustament sfurzat, b’mod partikolari fiż-Żona C, li jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali; jiddeplora, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet reċenti tal-qrati Iżraeljani li japprovaw id-demolizzjoni u l-ispostament sfurzat tal-komunitajiet Bedwini fix-Xatt tal-Punent għall-bini ta’ insedjamenti Lhud; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-Bedwini u biex iħassru minnufih l-ordnijiet ta’ twaqqigħ u tkeċċija għall-villaġġi tal-komunitajiet Susya u Abu Nwar;

7.      Jesprimi x-xokk profond tiegħu fil-konfront tax-xejra li qed tiżdied ta’ vjolenza mhux ikkontrollata mill-abitanti tal-insedjamenti, inkluż il-qtil reċenti ta’ tarbija ta’ 18-il xahar f’attakk inċendjarju fir-raħal Palestinjan ta’ Douma fit-28 ta’ Lulju 2015; jilqa’ l-kundanna ġenerali ta’ dan id-delitt mit-tmexxija Iżraeljana, minkejja l-fatt li naqset fil-biċċa l-kbira li tirrikonoxxi n-natura endemika tal-vjolenza mill-abitanti tal-insedjamenti, iffaċilitata minn klima ta’ impunità u tixwix tul deċennji sħaħ;

8.      Jitlob li jintemm minnufih l-imblokk illegali tal-Istrixxa ta’ Gaża, li huwa kastig kollettiv kontra l-popolazzjoni lokali; jistieden lill-partijiet kollha jimplimentaw b’mod effettiv it-termini li ntlaħqu taħt il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied ta’ Awwissu 2014; jistieden lill-UE tieħu passi konkreti biex tagħmel pressjoni fuq l-Iżrael sabiex itemm l-imblokk, b’mod partikolari billi jistabbilixxi skeda ta’ żmien; jiddeplora r-restrizzjonijiet li għadhom għaddejjin min-naħa tal-Iżrael fuq id-dħul ta’ materjali tal-bini f’Gaża; jistieden lill-Gvern Iżraeljan itemm il-proċess arbitrarju u mhux trasparenti tal-elenkar ta' materjali bħala “materjal b'użu doppju” u biex jagħmel il-lista tiegħu ta' użu doppju konformi mal-istandards internazzjonali, b’mod partikolari billi jneħħi l-injam, l-aggregati, il-vireg tal-azzar u s-siment; jenfasizza li l-Iżrael, bħala l-forza ta’ okkupazzjoni u skont ir-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra, hu l-parti unika u prinċipalment responsabbli għaż-żamma tal-kundizzjonijiet minimi ta’ għajxien tal-abitanti ta’ Gaża;

9.      Itenni t-talba tiegħu għar-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni urġenti tal-Istrixxa ta’ Gaża wara l-gwerra tas-sajf tal-2014, li għandha tkun prijorità ta’ għajnuna umanitarja għall-UE u l-komunità internazzjonali; ifaħħar ix-xogħol erojku tal-UNRWA f’dan ir-rigward; jistieden lid-donaturi internazzjonali biex jonoraw il-wegħdiet tagħhom li saru f’Ottubru 2014 fil-Konferenza tal-Kajr;

10.    Jappella mill-ġdid għar-rilaxx tal-priġunieri politiċi Palestinjani kollha, partikolarment il-membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan; jitlob ir-rispett sħiħ tad-drittijiet ta’ detenuti u priġunieri politiċi Palestinjani f’ħabsijiet Iżraeljani, inklużi dawk fuq strajk tal-ġuħ; iqis li l-Liġi dwar it-Tmigħ Sfurzat adottata mill-Knesset fit-30 ta’ Lulju 2015 hija vjolazzjoni tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jitlob li dan jiġi revokat immedjatament;

11.    Jemmen li l-UE għandha tassumi r-responsabbiltà tagħha li ssir attur u faċilitatur politiku ġenwin fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani u jitlob lill-UE biex:

•     tikkundanna l-politika ta' kastig kollettiv kontra l-poplu Palestinjan u ssejjaħ għat-tmiem tal-impunità tal-Iżrael fir-rigward tal-vjolazzjonijiet kbar kontinwi tad-dritt internazzjonali u umanitarju, tal-Karta tan-NU u tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

•     timplimenta l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael billi tiffriża dan il-Ftehim sakemm l-Iżrael ikompli jikser id-drittijiet tal-bniedem;

•     timponi projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ armi mill-UE lejn l-Iżrael, tipprojbixxi l-importazzjoni kollha tal-armi mill-Iżrael lejn l-UE, u biex ittemm immedjatament il-kooperazzjoni kollha mal-Iżrael fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA);

•     ma tagħti ebda fondi lill-entitajiet Iżraeljani permezz ta’ Orizzont 2020;

•     titlob riparazzjonijiet mill-Iżrael tal-proġetti ffinanzjati mill-UE li tfarrku waqt attakki repetuti kemm f’Gaża kif ukoll fix-Xatt tal-Punent;

•     tappoġġja t-talba li saret mill-President Palestinjan Mahmoud Abbas biex il-Palestina titpoġġa taħt il-protezzjoni internazzjonali;

•     tistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-linji gwida tad-19 ta’ Lulju 2013, isejħu għall-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet lejn l-UE tal-prodotti Iżraeljani kollha prodotti fl-insedjamenti illegali Iżraeljani fit-territorju Palestinjan okkupat;

12.    Jistieden lill-UE twieġeb għall-espansjoni li għadha għaddejja tal-insedjamenti Iżraeljani billi teskludi b’mod strett l-applikazzjoni tal-ftehimiet UE-Iżrael għat-territorju Palestinjan okkupat, filwaqt li ssaħħaħ il-pariri liċ-ċittadini u lill-intrapriżi tal-UE dwar l-insedjamenti u l-attivitajiet tal-insedjamenti, u tieħu azzjoni fil-konfront ta’ kumpaniji tal-UE kompliċi fi vjolazzjonijiet fl-insedjamenti, tieħu miżuri konkreti rigward l-abitanti tal-insedjamenti, inkluża l-adozzjoni ta’ politika bla kuntatt u projbizzjoni tal-viża, teskludi mis-suq intern tal-UE l-prodotti li ġejjin mill-insedjamenti u tiffriża r-relazzjonijiet UE-Iżrael fid-dawl tal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;

13.    Jilqa’ l-impenn tal-UE – fl-ispirtu tad-divrenzjar bejn l-Iżrael u l-attivitajiet tagħha fit-territorju Palestinjan okkupat – li tiżgura li l-ftehimiet kollha bejn l-UE u l-Iżrael jindikaw b’mod inekwivoku u espliċitu l-inapplikabilità tagħhom għat-territorji okkupati mill-Iżrael fl-1967, kif imtenni fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta’ Lulju 2015; jitlob li l-prodotti fis-suq tal-UE li joriġinaw mill-insedjamenti Iżraeljani jingħataw tikketta korretta, f’konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-politika tal-UE li ilha tapplika żmien twil f’dan ir-rigward;

14.    Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-kriżi serja fil-finanzjament tal-UNRWA; jitlob li jkun hemm aktar appoġġ finanzjarju tal-UE għall-UNRWA u jħeġġeġ lid-donaturi l-oħra kollha biex iżidu l-finanzjament tagħhom għall-aġenzija, iżda jitlob ukoll li tiġi indirizzata l-kwistjoni ċentrali sottostanti tar-rifuġjati Palestinjani, jiġifieri d-dritt ta’ ritorn; ifaħħar l-UNRWA u jifirħilha għall-isforzi straordinarji li għamluha possibbli li jiddikjaraw is-sena skolastika 2015/2016 miftuħa għal studenti refuġjati Palestinjani;

15.    Jilqa’ l-vot unanimu mill-Istati Membri tal-UE favur ir-riżoluzzjoni tat-3 ta’ Lulju 2015 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar “L-iżgurar tar-responsabbiltà u l-ġustizzja għall-ksur kollu tad-dritt internazzjonali fit-territorju Palestinjan okkupat, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant”, u jistieden lill-UE tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni Indipendenti ta’ Inkjesta tan-NU, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu li tiġi appoġġjata b’mod attiv il-ħidma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fir-rigward tat-territorju Palestinjan okkupat;

16.    Jilqa’, għal darb’oħra, ir-ratifika tal-Palestina tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jiddeplora r-rifjut tal-VP/RGħ li anki tirrikonoxxi dan il-pass importanti lejn responsabilità għal vjolazzjonijiet futuri mwettqa min-naħat kollha; iqis li tali mġiba sfaċċatament timmina l-kredibilità tal-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE u d-dikjarazzjonijiet tagħha dwar ir-responsabilità u l-ġustizzja internazzjonali;

17.    Jesprimi tħassib dwar rapporti ta’ klima għall-NGOs tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iżrael li dejjem sejra għall-agħar u t-tentattivi dejjem jiżdiedu tal-gvern attwali biex joħnoq kull oppożizzjoni u arti indipendenti, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ liġijiet li għandhom l-għan li jirrestrinġu severament il-ħidma tal-NGOs; jistieden lill-missjonijiet diplomatiċi tal-UE jimpenjaw ruħhom mal-awtoritajiet Iżraeljani fuq din il-kwistjoni urġenti u biex ikomplu jappoġġjaw lill-atturi tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

18.    Jilqa’ l-ħolqien ta’ Lista Konġunta u l-eżitu pożittiv tagħha fl-aħħar elezzjonijiet leġiżlattivi fl-Iżrael, peress li din tagħti leħen lill-forzi u ċ-ċittadini Iżraeljani li qed jistinkaw biex tintemm l-okkupazzjoni u għal soluzzjoni paċifika ta’ żewġ stati;

19.    Jittama li l-forzi politiċi Palestinjani jkunu jistgħu jiksbu rikonċiljazzjoni u għaqda nazzjonali, li jgħin biex tintemm l-okkupazzjoni;

20.    Jiddeċiedi li jfassal rapport dwar il-kummerċ tal-armi u tagħmir ta' sigurtà ieħor bejn l-Istati Membri u l-Iżrael u l-Palestina u dwar il-kompatibilità ta' tali kummerċ mal-pożizzjoni komuni tal-UE; jitlob embargo komprensiv fuq l-armi min-naħa tan-NU fuq il-partijiet kollha fir-reġjun, sabiex jiġu evitati vjolazzjonijiet ulterjuri tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali;

21.    Ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu li jniedi inizjattiva “Membri Parlamentari għall-Paċi” bil-għan li tiġbor flimkien membri parlamentari Ewropej, Iżraeljani u Palestinjani biex tgħin ħalli titmexxa ’l quddiem aġenda għall-paċi u tikkomplementa l-isforzi diplomatiċi tal-UE;

22.    Jesprimi għadab għax-xkiel kontinwu mhux ġustifikat mill-awtoritajiet Iżraeljani għal kwalunkwe żjara minn korpi uffiċjali tal-Parlament Ewropew lejn Gaża; iwissi li se jittieħdu miżuri fin-nuqqas ta’ kwalunkwe titjib sal-1 ta’ Novembru 2015;

23.    Jiddeċiedi li jibgħat delegazzjoni ad hoc lejn il-Palestina, inkluż Gaża, u l-Iżrael biex tivvaluta s-sitwazzjoni fil-post fir-rigward tad-distruzzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-UE fiż-Żona C u f’Gaża, u l-prospetti għal soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt.

24.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Knesset, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-President u l-Gvern tal-Istat tal-Palestina, lill-President u l-Gvern tal-Iżrael, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Kummissarju Ġenerali tal-UNRWA.

 

Avviż legali