Proċedura : 2015/2685(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0844/2015

Testi mressqa :

B8-0844/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.5
CRE 10/09/2015 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0318

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 211kWORD 131k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0836/2015
7.9.2015
PE565.812v01-00
 
B8-0844/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani (2015/2685(RSP))


Victor Boştinaru, Richard Howitt, Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Nicola Caputo, Andi Cristea, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Adam Gierek, Neena Gill, Maria Grapini, Theresa Griffin, Roberto Gualtieri, Sergio Gutiérrez Prieto, Anna Hedh, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Kashetu Kyenge, Arne Lietz, Javi López, Louis-Joseph Manscour, David Martin, Marlene Mizzi, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Norbert Neuser, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Kati Piri, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Peter Simon, Tibor Szanyi, Claudia Tapardel, Marita Ulvskog, Elena Valenciano, Julie Ward f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani (2015/2635(RSP))  
B8‑0844/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari dawk tas-17 ta’ Diċembru 2014 dwar ir-rikonoxximent ta’ stat Palestinjan(1), tat-18 ta’ Settembru 2014 dwar l-Iżrael u l-Palestina wara l-gwerra ta' Gaża u r-rwol tal-UE(2), u tal-5 ta’ Lulju 2012 dwar il-politika tal-UE dwar ix-Xatt tal-Punent u l-Ġerusalemm tal-Lvant (3),

–       wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani tal-20 ta’ Lulju 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli (VP/HR) Federica Mogherini dwar it-tiswir ta’ gvern Iżraeljan ġdid tas-7 ta’ Mejju 2015, u d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem tagħha dwar l-attakk inċendjarju fix-Xatt tal-Punent tal-31 ta’ Lulju 2015 u dwar id-deċiżjonijiet Iżraeljani li ttieħdu reċentement fir-rigward ta’ espansjoni ulterjuri tal-insedjamenti tad-29 ta’ Lulju 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE dwar it-twaqqigħ fiż-Żona C u dwar ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq il-ħajt ta’ separazzjoni fi Cremisan tal-24 ta’ Awwissu 2015,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-VP/RGħ u Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar l-appoġġ tal-UE lill-UNRWA,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Istat ta’ Iżrael, min-naħa l-oħra,

–       wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju Interim dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea fuq naħa, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) li taġixxi f'isem l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u tal-istrixxa ta' Gaża, fuq in-naħa l-oħra,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–       wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra marbuta mal-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra, tal-1949,

–       wara li kkunsidra ‘Mudell diplomatiku biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina għall-ħolqien ta’ orizzont diplomatiku u l-ġenerazzjoni ta’ momentum pożittiv lejn ftehim’, ippreżentat mill-Viċi Speaker tal-Knesset Yehiel Hilik Bar fis-27 ta’ Lulju 2015,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-inizjattiva tal-2013-2014 tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti John Kerry, u l-gwerra fis-sajf tal-2014 fl-Istrixxa ta’ Gaża, ġew segwiti minn sitwazzjoni oħra ta’ staġnar fil-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; billi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU qed isiru sforzi biex il-proċess ta’ paċi jinbeda mill-ġdid; billi l-Viċi Speaker tal-Knesset Yehiel Hilik Bar f’Lulju 2015 ippreżenta, bl-appoġġ tal-mexxejja prominenti tal-oppożizzjoni Iżraeljana, ‘Mudell diplomatiku biex tinstab soluzzjoni għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina għall-ħolqien ta’ orizzont diplomatiku u l-ġenerazzjoni ta’ momentum pożittiv lejn ftehim’;

B.     billi l-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina qed ikompli jkollu impatt fuq il-Lvant Nofsani kollu; billi l-kriżi vjolenti fis-Sirja, iż-żieda fis-setgħa tal-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku, iż-żieda tar-radikaliżmu u t-tixrid tat-terroriżmu fil-Lvant Nofsani qed joħolqu theddid sinifikanti għas-sigurtà tal-Iżrael u r-reġjun sħiħ, u qed ikomplu jżidu mat-tbatija tal-Palestinjani, iżda qed joħolqu wkoll interessi kondiviżi bejn l-istati Għarab u l-Iżrael, filwaqt li l-ftehim nukleari mal-Iran joffri opportunità li m’għandhiex tintilef biex tingħata spinta lill-proċess ta’ paċi;

C.     billi l-VP/RGħ, li għamlet l-ewwel żjara esterna tagħha f’din il-kariga fl-Iżrael u l-Palestina f’Novembru 2014, uriet l-impenn personali tagħha li ġġedded u tintensifika l-ħidma tal-UE fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani; billi Fernando Gentilini nħatar bħala r-Rappreżentant Speċjali ġdid tal-UE għall-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani; billi l-UE, minkejja l-ambizzjoni u l-impenn tagħha li jkollha rwol awtonomu f'din il-kwistjoni, għadha trid tiżviluppa viżjoni komprensiva u koerenti tal-ħidma tagħha fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, li għandha tirrifletti l-kuntest reġjonali li qed jinbidel b’rata mgħaġġla;

D.     billi l-Parlament esprima ripetutament l-appoġġ tiegħu lejn is-soluzzjoni ta’ żewġ stati, li permezz tagħha l-Istat tal-Iżrael ikollu konfini sikuri u rikonoxxuti, u l-Istat tal-Palestina jkun indipendenti, sovran, kontingwu u vijabbli, biex b’hekk, iż-żewġ stati jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà u r-rikonoxximent reċiproku fi ħdan il-konfini tal-1967, bi skambji ta’ art maqbula reċiprokament, u Ġerusalemm bħala belt kapitali taż-żewġ stati billi l-biċċa l-kbira tal-parametri ewlenin tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati huma magħrufa min-negozjati preċedenti bejn iż-żewġ naħat;

E.     billi fix-Xatt tal-Punent, inkluż il-Lvant ta’ Ġerusalemm, hemm insedjament ta’ 600 000 persuna Lhudija; billi d-demolizzjoni kontinwa ta’ djar Palestinjani u l-ispostament ta’ familji Palestinjani, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment tal-Palestinjani u l-limitazzjonijiet fuq l-aċċess tagħhom għal artijiet agrikoli, il-vjolenza min-naħa tal-abitanti Lhud tal-insedjamenti, il-bini ta’ ħajt ta’ separazzjoni lil hinn mil-Linja l-Ħadra u l-isfruttament ta’ riżorsi naturali Palestinjani min-naħa tal-Iżrael, bħala s-setgħa okkupanti, f’din iż-żona jikkostitwixxu ksur ċar tad-dritt internazzjonali u theddida fundamentali għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati;

F.     billi, skont il-Grupp ta’ Monitoraġġ Palestinjan, l-abitanti Lhud tal-insedjamenti wettqu aktar minn 11 000 attakk kontra l-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent mill-2004; billi, skont l-organizzazzjoni Iżraeljana għad-Drittijiet tal-Bniedem Yesh Din, 1.9 % biss tal-każijiet ta’ vjolenza minn abitanti tal-insedjamenti li tressqu quddiem il-qrati bejn l-2005 u l-2014 intemmu bi prosekuzzjoni ta’ suċċess;

G.     billi l-istatus ta’ Ġerusalemm jibqa’ kwistjoni ewlenija fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani; billi l-UE u l-komunità internazzjonali qatt m’aċċettaw l-annessjoni unilaterali ta’ Ġerusalemm tal-Lvant mill-Iżrael; billi l-Palestinjani li jgħixu f’Ġerusalemm tal-Lvant għadhom ibatu minn nuqqas ta’ status ta’ residenza legali sikur, il-konfiska tal-art tagħhom u diskriminazzjoni sistematika fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi, l-ippjanar u l-bini u aċċess għal postijiet u siti reliġjużi bħala riżultat ta’ politiki tal-gvern Iżraeljan li jimmiraw li jbiddlu l-kostituzzjoni demografika taż-żona;

H.     billi l-għadd ta’ rifuġjati Palestinjani, kwistjoni oħra ewlenija fil-proċess ta’ paċi, attwalment jammonta għal kważi 5 miljuni skont l-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (UNRWA), li l-biċċa l-kbira minnhom huma rifuġjati tat-tieni jew tat-tielet ġenerazzjoni;

I.      billi l-għaqda Palestinjana hija parti essenzjali mill-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani u kundizzjoni neċessarja għas-soluzzjoni ta’ żewġ stati; billi, madankollu, hija qed tkompli tkun mhedda minn tensjonijiet politiċi intra-Palestinjani u mill-imblokk Iżraeljan tal-Istrixxa ta’ Gaża kif ukoll min-nuqqas ta’ awtorità effikaċi min-naħa tal-Awtorità Palestinjana f’din iż-żona;

J.      billi l-Istrixxa ta’ Gaża, de facto kkontrollata mill-Ħamas, ilha f'qagħda ta’ imblokk mill-2007; billi dan l-imblokk qered l-ekonomija tagħha, u wassal għal livell għoli ta’ qgħad u nuqqas ta’ beni bażiċi, u qed ikollu impatt psikoloġiku kbir fuq il-popolazzjoni, speċjalment fejn jidħlu ż-żgħażagħ; billi bosta tfal f’Gaża diġà għaddew minn tliet gwerer u jbatu mid-disturbi postrawmatiċi tagħhom; billi l-kriżi umanitarja f’Gaża kompliet tmur għall-agħar minħabba l-gwerra tas-sajf tal-2014 u n-nuqqas ta’ materjal għar-rikostruzzjoni fiż-żona; billi l-UE kkundannat ripetutament l-attakki bir-rokits minn Gaża lejn it-territorju Iżraeljan u appellat għall-prevenzjoni effikaċi tal-kuntrabandu tal-armi fl-Istrixxa;

K.     billi 5 700 detenut u priġunier Palestinjani – inklużi 160 tifel u tifla, 26 mara u 400 detenut amministrattiv – jinsabu miżmuma f’ħabsijiet fl-Iżrael; billi 10 membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, li tlieta minnhom jinsabu taħt detenzjoni amministrattiva, jinsabu miżmuma f’ħabsijiet Iżraeljani; billi, fit-30 ta’ Lulju 2015, il-Knesset adotta l-Liġi dwar it-Tmigħ Sfurzat, li tawtorizza t-tmigħ sfurzat ta’ priġunieri Palestinjani fuq strajk tal-ġuħ;

L.     billi l-atturi tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti, l-artisti, il-kittieba, l-akkademiċi u l-intellettwali pubbliċi favur il-paċi, kemm fuq in-naħa Iżraeljana kif ukoll dik Palestinjana, huma parti importanti min-nisġa soċjali u politika tal-komunitajiet rispettivi tagħhom u huma kruċjali għall-movimenti demokratiċi ta’ bażi favur il-paċi; billi pluralità ta’ vuċijiet u ħsibijiet, soċjetà ċivili dinamika u dibattitu pubbliku inklużiv kapaċi jsaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi fuq iż-żewġ naħat, u jgħinu biex iż-żewġ naħat joqorbu lejn il-paċi u r-rikonċiljazzjoni;

M.    billi l-UNRWA – li qiegħda tipprovdi servizzi essenzjali lir-rifuġjati Palestinjani fit-territorju Palestinjan okkupat u kif ukoll fil-Ġordan, il-Libanu u s-Sirja – qiegħda tħabbat wiċċha mal-agħar kriżi ta’ finanzjament fl-istorja tagħha; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu l-akbar donatur tal-UNRWA, billi jkopru kważi 40 % tal-appoġġ totali mogħti lill-aġenzija;

1.      Jinsab imħasseb sew dwar is-sitwazzjoni ta’ staġnar persistenti fil-proċess ta’ paċi tal-Lvant nofsani bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, u jappella biex jinbdew mill-ġdid sforzi kredibbli lejn it-tiswir tal-paċi bejn iż-żewġ naħat mingħajr dewmien, abbażi ta’ impenn ċar min-naħa taż-żewġ partijiet biex jastjenu minn kwalunkwe ksur tad-dritt internazzjonali, bil-għan li jintlaħqu riżultati ġenwini u tanġibbli fil-qafas tal-iskeda ta’ żmien stabbilita;

2.      Jappoġġa l-isforzi li qed isiru attwalment fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b’mod partikolari l-inizjattiva ta’ Franza, biex jinbdew mill-ġdid it-taħdidiet ta’ paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani permezz ta’ riżoluzzjoni li tistabbilixxi qafas u skeda ta’ żmien għal dan il-proċess; jitlob, madankollu, li jkun hemm inizjattiva komprensiva Ewropea ta’ paċi f’każ li tippersisti l-qagħda ta’ staġnar fil-proċess ta’ paċi, li tista’ tiġi ppreżentata f’konferenza ta’ paċi internazzjonali, bil-parteċipazzjoni taż-żewġ naħat u l-atturi reġjonali u internazzjonali relevanti kollha; iħeġġeġ it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Appoġġ Internazzjonali kif imħabbar fil-Kunsill Affarijiet Barranin fil-konklużjonijiet tal-20 ta’ Lulju 2015; jieħu nota tal-mudell diplomatiku ppreżentat mill-Viċi Speaker tal-Knesset Yehiel Hilik Bar bħala kontribut importanti għall-isforzi għall-paċi;

3.      Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għas-soluzzjoni ta' żewġ stati għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, li permezz tagħha l-Istat tal-Iżrael ikollu konfini sikuri u rikonoxxuti, u l-Istat tal-Palestina jkun indipendenti, sovran, kontingwu u vijabbli, biex b’hekk, iż-żewġ stati jgħixu maġenb xulxin fil-paċi u s-sigurtà u r-rikonoxximent reċiproku fi ħdan il-konfini tal-1967, bi skambji ta’ art maqbula reċiprokament, u Ġerusalemm bħala belt kapitali taż-żewġ stati;

4.      Jisħaq li l-ħarsien tal-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati permezz ta’ azzjoni konkreta, u li jiġi żgurat rispett sħiħ għad-drittijiet tal-popolazzjoni lokali, għandhom ikunu prijoritajiet immedjati għall-UE u l-komunità internazzjonali; jistenna b’ħerqa l-introduzzjoni tad-djalogu strutturat tal-UE mal-Iżrael dwar is-sitwazzjoni fix-Xatt tal-Punent u l-ħarsien tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, li għandha tkopri wkoll il-kwistjoni tal-insedjamenti;

5.      Jisħaq mill-ġdid li l-paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani tista’ tintlaħaq biss bl-użu ta’ metodi mhux vjolenti permezz ta’ ftehim ta’ status finali nnegozjat li jtemm kull pretensjoni reċiproka; jikkundanna kull att ta’ vjolenza li jattakka jew jpoġġi f’periklu l-popolazzjoni ċivili taż-żewġ naħat; itenni l-impenn sod tiegħu għas-sigurtà tal-Iżrael; ikompli jappoġġa l-politika ta’ reżistenza mhux vjolenti tal-President Palestinjan Mahmoud Abbas;

6.      Jissottolinja li kwalunkwe soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt bejn l-Iżrealjani u l-Palestinjani tista’ tintlaħaq biss f’kuntest reġjonali bis-sostenn attiv u kontinwu tal-komunità internazzjonali; jisħaq fuq l-importanza tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi f’dan ir-rigward, u jitlob rispons uffiċjali min-naħa tal-Iżrael għall-inizjattiva; jitlob l-involviment tal-partijiet ikkonċernati reġjonali rilevanti kollha fil-proċess ta’ paċi, b’mod partikolari l-Lega Għarbija kif ukoll l-Eġittu, il-Ġordan u l-Libanu, li għandhom interessi partikolari fil-kwistjonijiet tal-fruntieri u r-rifuġjati;

7.      Jenfasizza li wasal iż-żmien li l-UE tħaddan rwol politiku prominenti fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani; jilqa’ l-impenn personali tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President, u jappoġġa bis-sħiħ l-isforzi tagħha f’dan ir-rigward; jilqa’ l-impenn tal-UE, kif espress fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta’ Lulju 2015, li taħdem b’mod attiv fuq approċċ multilaterali mġedded għall-proċess ta’ paċi f’konsulenza mal-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti, u tinvolvi ruħha f’ħidma konġunta mas-sħab reġjonali abbażi tal-Inizjattiva Għarbija għall-Paċi; jisħaq, madankollu, li l-UE għandha mhux biss tinvolvi ruħha iżda għandha wkoll tħaddan rwol ewlieni f’dan il-proċess, f’kooperazzjoni mill-qrib ma' atturi internazzjonali ewlenin oħra, billi ssegwi politika ċara u konsistenti integrata fi strateġija usa’ maħsuba biex issir bidla fl-ordni ġeopolitiku fil-Lvant Nofsani;

8.      Iħeġġeġ lir-VP/RGħ biex tagħmel użu effikaċi mill-istrumenti eżistenti kollha tal-UE, inklużi inċentivi pożittivi u negattivi, li jipprovdu mezz ta' ingranaġġ fuq l-Iżrael u l-Palestina bil-għan li tinstab soluzzjoni ta’ żewġ stati; jisħaq li l-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet tal-UE kemm mal-Iżrael kif ukoll mal-Palestina għandu jkun issubordinat għal impenn ċar u progress tanġbbli lejn il-paċi u r-rispett għad-dritt internazzjonali; jitlob, f'dan l-ispirtu, li ssir implimentazzjoni kontinwa, sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni u l-linji gwida rilevanti kollha tal-UE, kif ukoll il-ftehimiet bilaterali tal-UE maż-żewġ naħat, inkluż l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael u l-Ftehim Interim ta' Assoċjazzjoni UE-PLO;

9.      Ifakkar fl-impenn espress mill-Kumitat Affarijiet Barranin fil-konklużjonijiet tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2013 –impenn imtenni f’diversi konklużjonijiet u dikjarazzjonijiet tal-UE tul dawn l-aħħar sentejn – li jistqarr dan li ġej: ‘l-UE ser tipprovdi pakkett mingħajr preċedent ta' appoġġ Ewropew politiku, ekonomiku u ta' sigurtà liż-żewġ partijiet fil-kuntest ta' ftehim ta' status finali. Fil-każ ta' ftehim ta' paċi finali l-Unjoni Ewropea ser toffri lill-Iżrael u l-istat futur tal-Palestina Sħubija Privileġġata Speċjali, inkluż aktar aċċess għas-swieq Ewropej, rabtiet kulturali u xjentifiċi aktar mill-qrib, faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-investimenti kif ukoll promozzjoni tar-relazzjonijiet minn negozju għal negozju. Ser jiġu offruti wkoll djalogu politiku msaħħaħ u kooperazzjoni dwar is-sigurtà liż-żewġ stati’;

10.    Jisħaq li l-ebda finanzjament tal-UE lil entitajiet Iżraeljani, Ewropej jew entitajiet oħra ma jista’ jintuża b’mod li direttament jew indirettament jikkontribwixxi għall-bini jew l-espansjoni tal-insedjamenti illegali Iżraeljani fix-Xatt tal-Punent, inkluż fil-Lvant ta’ Ġerusalemm, jew għal attivitajiet Iżraeljani li jiksru d-dritt umanitarju internazzjonali fit-territorju Palestinjan okkupat; jilqa’ f’dan ir-rigward, il-linji gwida tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2013 dwar l-eliġibbiltà ta’ entitajiet Iżraeljani u l-attivitajiet tagħhom fit-territorji okkupati mill-Iżrael minn Ġunju 1967 għal għotjiet, premji u strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-UE mill-2014 ’il quddiem, u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom; jenfasizza r-responsabilità tal-awtoritajiet rilevanti tal-UE sabiex jiżguraw li l-ebda finanzjament tal-UE lill-Palestinjani ma jkun jista’ jiġi direttament jew indirettament iddevjat lejn organizzazzjonijiet jew attivitajiet terroristiċi;

11.    Jinsab determinat li jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu mal-atturi politiċi u tas-soċjetà ċivili Iżraeljani u Palestinjani li juru impenn ġenwin biex jiksbu paċi ġusta u dejjiema fil-Lvant Nofsani; ifakkar fid-deċiżjoni tiegħu li jagħti bidu għal inizjattiva ta’ “Membri Parlamentari favur il-Paċi” bħala forum biex jintensifika d-djalogu tiegħu mal-membri eletti b’mod demokratiku tal-Knesset u tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan;

12.    Jisħaq fuq il-potenzjal taċ-ċittadini Għarab tal-Iżrael li jkollhom rwol importanti fil-ksib ta’ paċi bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, filwaqt li jinnota ż-żieda fil-prominenza tal-Lista Għarbija Magħquda bħala t-tielet forza politika fil-Knesset, li rebħet ukoll ħafna voti minn ċittadini Iżraeljani Lhud; jisħaq li soluzzjoni ta’ żewġ stati trid tiggarantixxi rispett sħiħ għad-dinjità u d-drittijiet individwali u kollettivi tal-minoranzi etniċi u reliġjużi, bħala ċittadini ugwali ta’ pajjiżhom, fiż-żewġ stati; iħeġġeġ lill-Istat ta’ Iżrael, f’dan l-ispirtu, biex jaħdem lejn integrazzjoni usa’ taċ-ċittadini Għarab fis-settur pubbliku, anki mil-lat soċjali, ekonomiku u politiku; jissottolinja wkoll l-importanza ta’ konsultazzjoni mal-mexxejja reliġjużi fuq iż-żewġ naħat tul il-proċess ta’ paċi;

13.    Jirrikonoxxi li d-djalogu ta’ bażi bejn in-nies se jkun parti inevitabbli minn paċi vijabbli u dejjiema bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani; jitlob li l-UE tieħu azzjoni biex issaħħaħ l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti, l-artisti, il-kittieba, l-akkademiċi u l-intellettwali pubbliċi favur il-paċi li jimpenjaw ruħhom biex jippromwovu d-djalogu, l-iskambju kulturali, il-bini tal-paċi, il-kuntatt bejn in-nies u l-iskambji kulturali fuq iż-żewġ naħat; jitlob ukoll li l-UE tagħmel azzjonijiet li jħeġġu l-iskambju interkulturali u djalogu bejn iż-żgħażagħ Iżraeljani u Palestinjani, fosthom permezz ta’ proġetti edukattivi, inizjattivi sportivi u tal-arti, kif ukoll programmi ta’ tmexxija għaż-żgħażagħ;

14.    Jikkundanna l-bini kontinwu ta’ insedjamenti illegali u l-attivitajiet kollha ta’ espansjoni tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent, inkluż fil-Lvant ta’ Ġerusalemm, min-naħa tal-Iżrael, u t-tħabbira reċenti li għamel il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu dwar il-bini ta’ 300 unità ġdida ta’ insedjamenti f’Beit El u 500 unità f’Ġerusalemm tal-Lvant, kif ukoll id-demolizzjoni ta’ 142 dar u infrastruttura ta’ proprjetà Palestinjana fiż-Żona C u f’Ġerusalemm tal-Lvant f’Awwissu 2015 biss, inklużi 16-il struttura ffinanzjati mid-donaturi, li wasslu għall-ispostament ta’ 201 Palestinjan, fosthom 121 tifel u tifla, skont l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA); jisħaq għal darb’oħra li l-bini ta’ insedjamenti Iżraeljani fit-territorju Palestinjani okkupat huwa illegali skont id-dritt internazzjonali, imur kontra l-ispirtu ta’ paċi u jikkostitwixxi xkiel ewlieni għall-isforzi favur il-paċi; jiddeplora d-demolizzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE u l-Istati Membri tagħha fit-territorju Palestinjan okkupat, u jħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tal-UE biex isibu soluzzjoni xierqa mal-Iżrael fir-rigward tal-kumpens għall-assi ffinanzjati mill-kontribwenti Ewropej li nqerdu jew li ġew kkonfiskati;

15.    Jilqa’ l-impenn tal-UE – fl-ispirtu tad-divrenzjar bejn l-Iżrael u l-attivitajiet tagħha fit-Territorju Palestinjan okkupat – biex tiżgura li l-ftehimiet kollha bejn l-UE u l-Iżrael jindikaw b’mod inekwivoku u espliċitu l-inapplikabbiltà tagħhom għat-territorji okkupati mill-Iżrael fl-1967, kif imtenni fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta’ Lulju 2015; jitlob li l-prodotti fis-suq tal-UE li joriġinaw mill-insedjamenti Iżraeljani jingħataw tikketta korretta, f’konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u l-politika tal-UE li ilha tapplika żmien twil f’dan ir-rigward;

16.    Jesprimi t-tħassib serju tiegħu – filwaqt li jfakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2012 – fir-rigward tas-sitwazzjoni tal-popolazzjoni Palestinjana fix-Xatt tal-Punent li kulma jmur sejra għall-agħar, b’mod partikolari fiż-Żona C, u f’Ġerusalemm tal-Lvant, minħabba l-bini kontinwu ta' insedjamenti Iżraeljani u minħabba l-attivitajiet kollha ta’ espansjoni, restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ moviment tal-Palestinjani, id-demolizzjoni ta’ djar Palestinjani u l-ispostament ta’ familji Palestinjani, il-vjolenza min-naħa tal-abitanti Lhud tal-insedjamenti, il-bini ta' ħajt ta’ separazzjoni lil hinn mil-Linja l-Ħadra u l-isfruttament tar-riżorsi naturali Palestinjani min-naħa tal-Iżrael, bħala s-setgħa okkupanti, fatturi li kollha jheddu l-vijabilità ta’ soluzzjoni ta’ żewġ stati; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani jwaqqfu u jipprevjenu t-trasferiment furzat tal-popolazzjoni Palestinjana u d-demolizzjoni tal-infrastruttura u d-djar Palestinjani, inkluż fl-irħula ta’ Abu Nawar u Susiya;

17.    Jikkundanna bl-aktar termini qawwija l-attakki reċenti mwettqa mill-abitanti Lhud tal-insedjamenti kontra l-Palestinjani, b’mod partikolari l-qtil ta’ Ali Dawabshah, tarbija Palestinjana ta' 18-il xahar, flimkien ma' missieru u ommu fir-raħal ta’ Duma, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu; jinsab imħasseb ferm dwar iż-żieda fl-atti ta’ vjolenza min-naħa tal-abitanti tal-insedjamenti fix-Xatt tal-Punent, li hi direttament marbuta mal-politika dwar l-insedjamenti tal-gvern Iżraeljan; jilqa’ d-dikjarazzjonijiet li għamlu l-President Iżraeljan Reuven Rivlin u l-Prim Ministru Benjamin Netanyahu, fejn ikkundannaw l-attakk kontra l-familja Dawabshah u sejħulu att terroristiku, iżda jfakkar lill-Istat tal-Iżrael fir-responsabilità sħiħa tiegħu li jipproteġi lill-popolazzjoni Palestinjana fit-territorju okkupat mill-attakki u l-intimidazzjoni min-naħa tal-abitanti Lhud tal-insedjamenti, u li l-abitanti tal-insedjamenti kollha li wettqu din il-vjolenza jitressqu quddiem il-ġustizzja;

18.    Itenni l-appoġġ tiegħu għad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Palestinjan; ikompli jappoġġa r-rikonoxximent ta’ Stat Palestinjan, bħala pass kruċjali biex tintemm is-sitwazzjoni ta’ staġnar fil-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani, u r-rikonoxximent reċiproku bejn l-Iżrael u l-Palestina bħala parti mill-ftehim ta’ status finali; jilqa’ s-sħubija tal-Palestina mal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

19.    Itenni t-talba tiegħu għal għaqda Palestinjana ġenwina, li hija parti essenzjali mill-proċess ta’ paċi fil-Lvant Nofsani; jiddispjaċih dwar ix-xkiel reċenti fill-proċess Palestinjan għal rikonċiljazzjoni, wara r-riorganizzazzjoni parzjali tal-gvern ta’ kunsens nazzjonali lejn tmiem Lulju 2015; jinnota t-tħabbira tal-President Mahmoud Abbas dwar ir-riżenja tiegħu mill-kariga ta’ kap tal-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina, flimkien ma’ numru ta’ Membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PLO; itenni l-istedina tiegħu għal elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali fil-Palestina, li għandhom isaħħu l-leġittimità demokratika tal-mexxejja politiċi Palestinjani, jikkontribwixxu għal rikonċiljazzjoni intra-Palestinjana u jnaqqsu l-influwenza tal-qawwiet estremisti, inkluż il-Ħamas;

20.    Itenni l-appell tiegħu għar-rikostruzzjoni u r-riabilitazzjoni urġenti tal-Istrixxa ta’ Gaża wara l-gwerra tas-sajf 2014, u jqis li l-UE u l-komunità internazzjonali jeħtieġ jikkunsidraw dan il-punt bħala prijorità f'dak li jikkonċerna l-għajnuna umanitarja; ifaħħar il-ħidma erojka tal-UNRWA f’dan ir-rigward; jistieden lid-donaturi internazzjonali jonoraw il-wegħdiet li għamlu fil-Konferenza tal-Kajr f’Ottubru 2014;

21.    Jappella biex jintemm minnufih l-imblokk tal-Istrixxa ta’ Gaża, li huwa kastig kollettiv għall-popolazzjoni lokali, u jappella wkoll għall-irkupru ekonomiku taż-żona, peress li l-istatus quo attwali mhuwiex sostenibbli u għaldaqstant jippreżenta ċirkostanzi li jiffavorixxu lill-estremisti; itenni li l-istabilità u l-prosperità ta’ Gaża huma ta’ benefiċċju għall-interessi u s-sigurtà tal-Iżrael; jilqa’ l-passi pożittivi li għamel l-Iżrael dan l-aħħar biex tnaqqas l-imblokk, iħeġġeġ lill-pajjiż jibqa’ jsegwi din it-triq u lill-Awtorità Palestinjana biex tirreaġġixxi b’mod pożittiv; jissottolinja li l-UE, filwaqt li tindirizza t-tħassib leġittimu tal-Iżrael fir-rigward tas-sigurtà, għandha tibqa’ tagħti prijorità lill-ħidma biex jintemm l-imblokk ta’ Gaża fl-aġenda tagħha dwar ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Iżrael;

22.    Iħeġġeġ lill-Awtorita' Palestinjana tħaddan il-funzjoni tagħha bħala gvern fl-Istrixxa ta’ Gaża, bħala prerekwiżit għal konsolidazzjoni politika sostenibbli ta’ din iż-żona; jilqa’ l-impenn tal-UE, kif imtenni fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tal-20 ta’ Ġunju 2015, li tappoġġa dawn l-isforzi, fosthom permezz tal-attivazzjoni mill-ġdid u l-estensjoni possibbli fil-kamp ta’ applikazzjoni u l-mandat tal-missjonijiet tagħha EU BAM Rafah (Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta' Assistenza fil-Fruntiera għall-Punt ta' Qsim ta' Rafah) u EUPOL COPPS (Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani);

23.    Jappella biex jieqaf minnufih u b’mod definittiv l-isparar tar-rokits mill-Istrixxa ta’ Gaża fit-territorju tal-Iżrael, kif ukoll kull att terroristiku ieħor kontra l-Iżrael li joriġina minn din iż-żona; jisħaq mill-ġdid li l-konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, kemm min-naħa tal-atturi statali kif ukoll dawk mhux statali, inkluża r-responsabilità tagħhom, hija s-sies biex jintlaħqu paċi u sigurtà dejjiema bejn il-poplu Iżraeljan u l-poplu Palestinjan u b’mod ġenerali fil-Lvant Nofsani;

24.    Jappella mill-ġdid biex jinħelsu l-priġunieri politiċi Palestinjani kollha, b'mod partikolari l-membri tal-Kunsill Leġiżlattiv tal-Palestina; jitlob ir-rispett sħiħ għad-drittijiet tad-detenuti u l-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani, inklużi dawk li qegħdin fuq strajk tal-ġuħ; jesprimi t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-Liġi dwar it-Tmigħ Sfurzat adottata mill-Knesset fit-30 ta’ Lulju 2015, u jisħaq li din il-liġi trid tiġi implimentata f’konformità stretta mal-liġijiet u standards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

25.    Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kriżi ta’ finanzjament serja li għaddejja minnha l-UNRWA; jitlob li l-UE tagħti aktar sostenn finanzjarju lill-UNRWA, u jħeġġeġ lid-donaturi l-oħra kollha biex iżidu l-finanzjament tagħhom lill-aġenzja, iżda jappella wkoll biex tiġi indirizzata l-kwistjoni sottostanti ewlenija tar-rifugjati Palestinjani; ifaħħar u jifraħ lill-UNRWA tal-isforzi straordinarji tagħha, li bis-saħħa tagħha kien possibbli li jingħata bidu għas-sena skolastika 2015/2016 għall-istudenti rifuġjati Palestinjani;

26.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Knesset, lill-president u l-gvern tal-Iżrael, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-Awtorità Palestinjana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Eġittu, il-Ġordan u l-Libanu, u lill-Kummissarju Ġenerali tal-UNRWA.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0103.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0029.

(3)

ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 82.

Avviż legali