Proċedura : 2015/2834(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0876/2015

Testi mressqa :

B8-0876/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 155kWORD 73k
8.9.2015
PE565.844v01-00
 
B8-0876/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Belarussja (2015/2834(RSP))


Jiří Maštálka, Miloslav Ransdorf, Helmut Scholz, Kateřina Konečná f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Belarussja (2015/2834(RSP))  
B8‑0876/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-UE ssospendiet ir-relazzjonijiet uffiċjali tagħha mal-awtoritajiet Belarussi wara l-elezzjonijiet parlamentari tal-2012, u billi ddaħħlu sanzjonijiet f'diversi stadji mill-2004 sal-lum b'reazzjoni għas-sitwazzjoni umana u demokratika fil-pajjiż;

B.     billi l-Parlament Ewropew attwalment m'għandu ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu; billi d-djalogu parlamentari ġie sostitwit bi djalogu mas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari mar-rappreżentanti tal-oppożizzjoni politika;

C.     billi f'Marzu 2012 il-Kummissjoni varat id-Djalogi Ewropej dwar il-Modernizzazzjoni mas-soċjetà Belarussa;

D.     billi l-Gvern Belarussu esprima kontinwament l-interess tiegħu f'normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea; billi r-relazzjonijiet bilaterali bejn ħafna Stati Membri u l-Belarussja tjiebu; billi l-Belarussja ffaċilitat in-negozjati dwar il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna li ġie ffirmat f'Minsk;

E.     billi f'Marzu 2015, fil-kuntest tad-Djalogu dwar il-Modernizzazzjoni, l-UE u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Belarussja kellhom laqgħa li fiha – għall-ewwel darba mill-2009 – ġew diskussi kwistjonijiet, fosthom ir-riforma elettorali, il-ġudikatura u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-Belarussja esprimiet id-disponibbiltà tagħha li terġa' tibda d-Djalogu bejn l-UE u l-Belarussja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u li tilqa' lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem;

F.     billi fit-22 ta' Awwissu l-President tal-Belarussja, Alexander Lukashenko, ħareġ ordni "bbażata fuq il-prinċipju tal-umanitarjaniżmu" biex jinħelsu sitt priġunieri politiċi, inkluż l-ex kandidat presidenzjali tal-oppożizzjoni, Mikola Statkevich;

G.     billi r-Rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, Miklós Haraszti, (A/HRC/29/43) żvela li ma kien hemm ebda titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja;

H.     billi l-Belarussja hija membru tal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika; billi r-Russja hija s-sieħeb kummerċjali ewlieni tal-Belarussja u jirrappreżenta kważi nofs il-kummerċ internazzjonali tal-Belarussja;

I.      billi l-piena kapitali għadha tintuża fil-Belarussja, u billi fl-2014 tliet persuni nqatlu, filwaqt li tħabbret sentenza tal-mewt oħra fit-18 ta' Marzu 2015;

J.      billi l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss huma skedati għall-15 ta' Novembru 2015;

 

1.      Huwa tal-fehma li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Belarussja għandu jiġi żblukkat;

2.      Huwa tal-fehma li l-politika ta' sanzjonijiet fil-fatt kienet kontroproduċenti u jappella biex is-sanzjonijiet jitneħħew mill-aktar fis possibbli;

3.      Jitlob li jiġu stabbiliti relazzjonijiet parlamentari normali bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Belarussja; huwa tal-fehma li dan huwa l-qafas xieraq għal djalogu komprensiv dwar kwistjonijiet ta' interess komuni, fosthom dawk fejn is-sħab ikollhom differenzi fundamentali;

4.      Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi joħolqu l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet presidenzjali liberi u ġusti; jissottolinja l-ħtieġa li l-forzi politiċi kollha jingħataw l-ispazju għal diskussjoni politika u li d-dritt għal-libertà ta' għaqda, ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni jiġi rispettat; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw it-trasparenza u l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċessi elettorali u, b'mod partikolari:

      (a)  joħolqu kummissjonijiet elettorali indipendenti u magħmula b'mod pluralistiku;

      (b)  jiżguraw għadd tal-voti trasparenti fl-elezzjonijiet, inkluża osservazzjoni sħiħa u miftuħa minn membri tal-kummissjoni elettorali u partijiet ikkonċernati oħra;

5.      Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jipproteġu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti minn fastidju, intimidazzjoni u vjolenza u jwettqu investigazzjoni, prosekuzzjoni u kastig fil-pront, imparzjali u bir-reqqa ta' kwalunkwe att ta' din ix-xorta;

6.      Itenni l-appelli tiegħu lill-Belarussja biex iddaħħal moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt bil-ħsieb tal-abolizzjoni tagħha; jistenna li din il-kwistjoni tiġi ttrattata b'mod effiċjenti fil-qafas tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn il-Belarussja u l-UE;

7.      Jilqa' d-disponibbiltà tal-awtoritajiet Belarussi li jerġgħu jibdew id-djalogu mas-sħab internazzjonali bħall-UE dwar problemi marbuta mad-drittijiet tal-bniedem; jappoġġa r-rakkomandazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem rigward l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem biex ikun żgurat is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mis-sistema internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b'konsultazzjoni wiesgħa mal-organizzazzjonijiet kollha tas-soċjetà ċivili li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u mal-pubbliku ġenerali;

8.      Jilqa' l-kontribut tal-Belarussja għan-negozjar tal-ftehimiet ta' Minsk; jitlob li l-potenzjal tal-Belarussja jintuża biex tingħeleb il-konfrontazzjoni bejn ir-Russja, l-Ukrajna u l-UE;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblej Parlamentari tal-OSKE u l-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Komunità ta' Stati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Belarussja

Avviż legali