Proċedura : 2015/2879(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0999/2015

Testi mressqa :

B8-0999/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2015 - 9.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0348

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 157kWORD 73k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0998/2015
5.10.2015
PE568.486v01-00
 
B8-0999/2015

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0761/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-piena tal-mewt 2015/2879(RSP))


Charles Tannock, Bernd Lucke, Ulrike Trebesius, Bernd Kölmel, Hans-Olaf Henkel, Joachim Starbatty, Jana Žitňanská, Ruža Tomašić, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-piena tal-mewt (2015/2879(RSP))  
B8‑0999/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt,

–       wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–       wara li kkunsidra s-salvagwardji tan-Nazzjonijiet Uniti li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' dawk li jiffaċċjaw il-piena tal-mewt,

–       wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod speċifiku l-Protokolli 6 u 13 tagħha,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-piena tal-mewt, inkluża dik tat-18 ta' Diċembru 2014 (A/RES/69/186),

–       wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar il-piena tal-mewt (O-000103/2015 – B8‑0761/2015),

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt madwar id-dinja hija waħda mill-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

B.     billi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt hija prekundizzjoni għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea;

C.     billi 101 pajjiż abolixxew il-piena tal-mewt għar-reati kollha, u billi l-għadd ta' pajjiżi li abolixxew il-piena tal-mewt f'liġijiethom jew fil-prattika żdied b'mod sinifikanti mill-1977 'il hawn;

D.     billi t-13-il Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru 2015 jiffoka speċifikament fuq is-sensibilizzazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga;

E.     billi l-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga żdied madwar id-dinja f'dawn l-aħħar tnax-il xahar; billi dan seħħ ukoll f'pajjiżi li temmew moratorji fuq l-użu tal-piena tal-mewt li kienu ilhom applikati żmien twil ;

F.     billi għadd ta' ċittadini ta' Stati Membri tal-UE jew sofrew l-eżekuzzjoni jew inkella qed jistennew l-eżekuzzjoni f'pajjiżi terzi għal reati relatati mad-droga;

1.      Jirrikonoxxi l-momentum internazzjonali li qiegħed jikber favur l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; jieħu nota, barra minn hekk, li tul dawn l-aħħar 20 sena kien hemm żieda sinifikanti fl-għadd ta' pajjiżi li abolixxew il-piena tal-mewt, jew inkella imponew moratorju fuq l-użu tagħha;

2.      Jieħu nota li, filwaqt li l-piena tal-mewt mhijiex illegali skont id-dritt internazzjonali, hemm pressjoni internazzjonali konsiderevoli biex tiġi abolita;

3.      Jieħu nota li, fl-2014, kien stmat li kważi 20 000 ruħ madwar id-dinja kienu taħt sentenza tal-mewt, li minnhom 2 466 ngħataw is-sentenza tul dik is-sena;

4.      Jieħu nota li, fl-2014, madwar id-dinja twettqu 607 eżekuzzjonijiet, tnaqqis ta' 22 % fuq is-sena ta' qabel; jieħu nota, barra minn hekk, li dawn iċ-ċifri ma jinkludux l-għadd ta' persuni li huwa mifhum li ngħataw l-eżekuzzjoni fiċ-Ċina, pajjiż li baqa' jwettaq aktar eżekuzzjonijiet mill-bqija tad-dinja kollha kemm hi, filwaqt li baqa' jgħaddi eluf ta' sentenzi tal-mewt;

5.      Jikkundanna l-użu tas-sentenza tal-mewt bħala għodda għas-soppressjoni tal-oppożizzjoni, jew inkella fuq il-bażi tat-twemmin reliġjuż, tal-omosesswalità, tal-adulterju, u ta' kwistjonijiet oħra li jitqiesu trivjali jew inkella li saħansitra lanqas biss jitqiesu li huma reati;

6.      Jappoġġja sforzi intiżi biex jiżguraw li l-pajjiżi li għad għandhom il-piena tal-mewt jirrispettaw l-istandards minimi tal-Unjoni Ewropea u standards internazzjonali oħra;

7.      Jinkoraġġixxi inizjattivi bilaterali u multilaterali bejn l-Istati Membri, l-UE, in-NU, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet reġjonali oħra dwar kwistjonijiet relatati mal-piena tal-mewt;

8.      Jappoġġja sforzi dinjija intiżi biex jirrestrinġu l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt f'dawk il-pajjiżi li għad għandhom il-piena kapitali, u b'hekk inaqqsu l-għadd ta' eżekuzzjonijiet li jitwettqu;

9.      Jesiġi li l-imputati li jiffaċċjaw proċessi għal reati suxxettibbli għall-piena tal-mewt jingħataw aċċess sħiħ għar-rappreżentanza legali u għal proċess ġust skont l-istandards internazzjonali aċċettati;

10.    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

 

Avviż legali