Proċedura : 2015/2879(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1001/2015

Testi mressqa :

B8-1001/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2015 - 9.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0348

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 162kWORD 74k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0998/2015
5.10.2015
PE568.488v01-00
 
B8-1001/2015

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0761/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-piena tal-mewt (2015/2879(RSP))


Cristian Dan Preda, Therese Comodini Cachia, Andrej Plenković, László Tőkés, Davor Ivo Stier, Miroslav Mikolášik, David McAllister, Dubravka Šuica, Michael Gahler, Patricija Šulin, Luděk Niedermayer, Adam Szejnfeld, Tomáš Zdechovský, Pavel Svoboda, Ivana Maletić, Jaromír Štětina, Roberta Metsola, Michaela Šojdrová, Anna Maria Corazza Bildt, Milan Zver, Francisco José Millán Mon, Jiří Pospíšil, Ramón Luis Valcárcel Siso, Lara Comi f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-piena tal-mewt (2015/2879(RSP))  
B8‑1001/2015

Il-Parlament Ewropew,

–       wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, b'mod partikolari dik tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt(1),

–       wara li kkunsidra l-Protokolli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–       wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–       wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

–       wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u t-Tieni Protokoll Fakoltattiv tiegħu,

–       wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mill-5 Kungress Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt li sar f'Madrid mit-12 sal-15 ta' Ġunju 2013,

–       wara li kkunsidra l-Istudju dwar l-impatt tal-problema dinjija tad-droga fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, maħruġ mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Settembru 2015;

–       wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.     billi l-piena tal-mewt tikkostitwixxi l-iktar kastig krudili, inuman u degradanti, li jikser id-dritt għall-ħajja kif minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u huwa wkoll att ta' tortura inaċċettabbli għal stati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem;

B.     billi l-Unjoni Ewropea għandha pożizzjoni qawwija u ta' prinċipju kontra l-piena tal-mewt, li tistabbilixxi bħala objettiv ewlieni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem moratorju universali bħala pass lejn l-abolizzjoni dinjija tal-piena kapitali;

C.     billi l-Jum Dinji kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru 2015 għandu l-għan li jkattar "is-sensibilizzazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga";

D.     billi l-piena tal-mewt m'għandha l-ebda effett deterrenti fuq il-kriminalità jew fuq it-traffikar tad-droga; billi l-maġġoranza enormi tal-individwi li jingħataw sentenza tal-mewt bi rbit ma' reati tad-droga huma fil-qiegħ nett tal-ġerarkija tat-traffikanti tad-droga;

E.     billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, iktar minn 160 stat membru tan-NU, li għandhom varjetà ta' sistemi ġuridiċi, tradizzjonijiet, kulturi u reliġjonijiet, jew abolixxew il-piena tal-mewt jew inkella ma japplikawhiex;

F.     billi l-aħħar ċifri juru li huwa magħruf li tal-anqas 2 466 ruħ f'55 pajjiż ingħataw sentenza tal-mewt fl-2014 – żieda ta' kważi 23 % fuq l-2013; billi 33 stat japplikaw il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, bir-riżultat li kull sena jseħħu madwar 1 000 eżekuzzjoni; billi s-sentenzi tal-mewt u l-eżekuzzjonijiet qed ikomplu b'rata allarmanti fl-2015;

G.     billi hemm tużżani ta' ċittadini Ewropej li qed jiffaċċjaw l-eżekuzzjoni f'pajjiżi terzi, ħafna minnhomm minħabba reati relatati mad-droga;

1.      Itenni l-kundanna tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġja bil-qawwa l-introduzzjoni ta' moratorju fuq il-piena tal-mewt, bħala pass lejn l-abolizzjoni tagħha; jenfasizza mill-ġdid li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem; jistqarr il-konvinzjoni profonda tiegħu li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tirrappreżenta standard etiku stabbilit;

2.      Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kollha, iseħħu fejn iseħħu; jibqa' mħasseb ħafna dwar l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt fuq il-minorenni u fuq il-persuni b'diżabbiltà mentali jew intellettwali, u jappella li prattiki bħal dawn, li jiksru standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jinqatgħu b'mod immedjat u definittiv; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar proċessi tal-massa reċenti li wasslu għal għadd enormi ta' sentenzi tal-mewt;

3.      Jibqa' għalkollox konvint li s-sentenzi tal-mewt m'għandhom l-ebda effett preventiv li jżomm lill-individwi milli jwettqu reati jew jisfaw vittmi tal-abbuż tad-droga; jappella lill-pajjiżi li jridu jżommu l-piena tal-mewt biex idaħħlu alternattivi għaliha fil-każ ta' reati relatati mad-droga, b'konċentrazzjoni partikolari fuq programmi għall-prevenzjoni tal-abbuż tad-droga;

4.      Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex jibqgħu jikkombattu l-użu tal-piena tal-mewt u lill-pajjjiżi li għadhom iwettqu l-piena tal-mewt iħeġġuhom jirrispettaw l-istandards minimi internazzjonali u jirrestrinġu l-kamp ta' applikazzjoni tal-piena tal-mewt u l-użu tagħha; iħeġġeġ lis-SEAE biex jibqa' viġilanti fir-rigward tal-iżviluppi fil-pajjiżi kollha u juża l-mezzi kollha ta' influwenza li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu;

5.      Itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga għandha ssir prekundizzjoni għall-politika tal-infurzar dwar id-droga;

6.      Jappoġġja lill-aġenziji tan-NU, lill-korpi reġjonali intergovernattivi u lill-NGOs kollha fl-isforzi ma jaqtgħu xejn tagħhom biex jinkoraġġixxu lill-istati jabolixxu l-piena tal-mewt; jitlob li l-Kummissjoni tibqa' tiffinanzja proġetti f'dan il-qasam permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

7.      Jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifiki reċenti tat-Tieni Protokoll Fakoltattiv tal-ICCPR, bil-għan tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, li wasslu biex l-għadd ta' stati partijiet jikber għal 81, u jappella lill-istati kollha li mhumiex partijiet fil-Protokoll biex jirratifikawh minnufih;

8.      Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari, f'dak li jirrigwarda l-għajnuna u l-appoġġ politiku, lil pajjiżi li jimxu 'l quddiem lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt jew li jinkoraġġixxu moratorju universali fuq il-piena kapitali;

9.      Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.

 

 

(1)

ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 5.

Avviż legali