Proċedura : 2015/2857(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1094/2015

Testi mressqa :

B8-1094/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/10/2015 - 10.8
CRE 29/10/2015 - 10.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0392

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 417kWORD 76k
23.10.2015
PE570.928v01-00
 
B8-1094/2015

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8‑1101/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-allokazzjoni mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni, li se ssir f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015 (WRC-15), tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġa l-iżvilupp futur ta' teknoloġija satellitari għall-implimentazzjoni ta' sistemi globali ta' rintraċċar tat-titjiriet (2015/2857(RSP))


Michael Cramer f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-allokazzjoni mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni, li se ssir f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015 (WRC-15), tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġa l-iżvilupp futur ta' teknoloġija satellitari għall-implimentazzjoni ta' sistemi globali ta' rintraċċar tat-titjiriet (2015/2857(RSP))  
B8‑1094/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-punt il-ġdid dwar ir-rintraċċar waqt it-titjira fl-aġenda tal-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni (WRC-15) li jmiss tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), li se ssir f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma intitolat 'Aircraft Tracking and Localisation Options', ippreżentat mill-UE lil-Laqgħa Multidixxiplinari tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) rigward ir-Rintraċċar Globali tat-12 u t-13 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li saru mil-Laqgħa Multidixxiplinari tal-ICAO msemmija hawn fuq rigward ir-Rintraċċar Globali,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 01/2014 tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-5 ta' Mejju 2014, intitolata 'Amendment of requirements for flight recorders and underwater locating devices',

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza maħruġa minn diversi awtoritajiet nazzjonali ta' investigazzjoni dwar is-sikurezza bl-għan li tiżdied is-sikurezza billi jiġi ffaċilitat l-irkupru ta' informazzjoni għall-finijiet ta' investigazzjonijiet dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u billi jittejbu l-prestazzjoni u l-ġestjoni tar-reġistraturi tat-titjira kif ukoll il-lokalizzazzjoni ta' ajruplani wara inċident fuq l-ilma(1),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għar-reġistraturi tat-titjira, l-apparat ta' lokalizzazzjoni taħt l-ilma u s-sistemi ta' rintraċċar tal-ajruplani(2),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-allokazzjoni mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni, li se ssir f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015 (WRC-15), tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġa l-iżvilupp futur ta' teknoloġija satellitari għall-implimentazzjoni ta' sistemi globali ta' rintraċċar tat-titjiriet (O-000118/2015 – B8‑1101/2015),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-traġedji tat-titjira AF447 tal-Air France (1 ta' Ġunju 2009) u t-titjira MH370 tal-Malaysia Airlines (8 ta' Marzu 2014) enfasizzaw il-ħtieġa li jiddaħħlu fis-seħħ sistemi ġodda biex tiġi determinata l-pożizzjoni ta' ajruplani tal-passiġġieri f'kull ħin, anke f'postijiet remoti;

B.  billi tali sistemi ta' sorveljanza tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) jagħmluha aktar faċli biex tiġi determinata l-pożizzjoni ta' ajruplan f'każ ta' mġiba mhux tas-soltu, emerġenza jew inċident;

C.  billi, fid-dawl tat-traġedji tat-titjiriet AF447 u MH370, tali sistemi m'għandhomx jiġu affettwati mit-telf ta' enerġija elettrika normali abbord u m'għandu jkun hemm ebda possibbiltà li dawn jiġu diżattivati matul it-titjira;

D.  billi tali sistemi jtejbu l-effikaċja ta' operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ u ta' investigazzjonijiet, peress li s-sistemi attwali ta' rintraċċar tat-titjiriet ikopru d-dinja b'mod parzjali biss;

E.  billi dawn is-sistemi jistgħu jkunu wkoll għodda importanti biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-kapaċità tal-ATM filwaqt li tittejjeb b'mod sinifikanti s-sikurezza tal-avjazzjoni u jitnaqqsu l-ispejjeż infrastrutturali;

F.  billi l-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-partijiet ikkonċernati, bdiet tistudja diversi opzjonijiet tekniċi, abbażi tal-prestazzjoni tagħhom, u pproponiet regoli dwar ir-rintraċċar tal-ajruplani b'implimentazzjoni gradwali;

G.  billi fost l-opzjonijiet possibbli li qed jitħaddmu u/jew jiġu studjati attwalment (pereżempju, is-Sorveljanza Dipendenti Awtomatika – Kuntratt (ADS-C), is-Sistema fl-Ajruplani ta' Komunikazzjoni, ta' Indirizzar u ta' Rapportar (ACARS), il-Link ta' Data bi Frekwenza Għolja), jidher li t-teknoloġija ta' Sorveljenza Dipendenti Awtomatika – Xandir (ADS-B), appoġġata minn komunikazzjonijiet satellitari, hija promettenti ħafna;

H.  billi t-teknoloġija ADS-B tista' tassisti s-sorveljanza tal-ATM barra ż-żoni bl-aktar densità għolja ta' popolazzjoni, fejn il-kopertura tar-radar hija limitata, impossibbli jew estremament għalja (inklużi l-oċeani u żoni terrestri mhux abitati);

I.  billi t-teknoloġija ADS-B b'appoġġ satellitari tiddependi fuq komunikazzjonijiet bejn l-ajruplani u kostellazzjoni ta' satelliti biex tingħata kapaċità ta' sorveljanza lill-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, u billi għal dan il-fini tista' teħtieġ l-allokazzjoni ta' banda tal-ispettru tar-radju speċifika protetta mill-interferenza;

J.  billi l-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni (WRC-15), skedata għal Novembru tal-2015 u organizzata mill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU), hija l-forum biex jiġi determinat liema servizzi tar-radju huma allokati lil baned tal-ispettru tar-radju speċifiċi;

K.  billi għandha tittieħed azzjoni biex ikun żgurat li l-iżvilupp tat-teknoloġija ADS-B ma jiġix ostakolat minn nuqqas ta' allokazzjoni f'waqtha ta' banda tal-ispettru tar-radju adatta;

1.  Jappoġġa l-azzjoni tal-Kummissjoni bl-għan li tiżviluppa malajr sistema globali ta' rintraċċar tat-titjiriet ibbażata fuq il-prestazzjoni li tagħti lill-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru l-possibbiltà li jiddeterminaw il-pożizzjoni ta' ajruplani tal-passiġġieri f'kull ħin, anke f'postijiet remoti;

2.  Jenfasizza li tali sistema għandha tibqa' effikaċi anke f'każ ta' telf tal-enerġija elettrika normali abbord, u m'għandu jkun hemm ebda possibbiltà li din tiġi diżattivata matul it-titjira;

3.  Jemmen li l-iżvilupp ta' tali sistema għandu jinkiseb permezz ta' kooperazzjoni b'saħħitha bejn il-partijiet ikkonċernati kollha (eż. l-industrija, il-linji tal-ajru, il-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, is-servizzi tas-sikurezza u s-salvataġġ, l-awtoritajiet ta' investigazzjoni dwar is-sikurezza u organizzazzjonijiet internazzjonali);

4.  Jinnota li t-teknoloġija ADS-B b'appoġġ satellitari, ibbażata fuq komunikazzjonijiet bejn l-ajruplani u s-satelliti, hija waħda mill-opzjonijiet promettenti għall-iżvilupp ta' sistema globali ta' sorveljanza tal-ATM;

5.  Jenfasizza li meta tiġi implimentata t-teknoloġija ADS-B huwa essenzjali li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru u li tiġi żgurata l-interoperabilità bejn teknoloġiji alternattivi sabiex jiġi evitat ksur tas-sikurezza u s-sigurtà;

6.  Jinnota li l-iżvilupp ta' teknoloġija ADS-B b'appoġġ satellitari jista' jeħtieġ l-allokazzjoni ta' banda tal-ispettru tar-radju adatta sabiex tiġi evitata kwalunkwe interferenza;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa – fid-dawl tal-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni li jmiss (WRC-15), li se ssir f'Ġinevra f'Novembru 2015 – rigward l-allokazzjoni tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġa l-iżvilupp futur ta' sistema globali bbażata fuq is-satelliti ta' rintraċċar tat-titjiriet;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Opinjoni 01/2014 tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-5 ta' Mejju 2014, p. 1, 'Referenza'.

(2)

Dokument tal-Kummissjoni RPS COM-AC DRC(2015) D040413/02 u l-Anness tiegħu.

Avviż legali