Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-1146/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-1146/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur

4.11.2015 - (2015/2933(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Wim van de Camp, Marian-Jean Marinescu, Deirdre Clune, Georges Bach, Markus Pieper f'isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1146/2015

Proċedura : 2015/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-1146/2015
Testi mressqa :
B8-1146/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

B8-1146/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur

(2015/2933(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (Riformulazzjoni)[1],

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fis-26 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni - Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur[3],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2012, l-ekonomija tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa sostniet direttament 2,6 miljun impjieg u qed tikkontribwixxi għal aktar minn 2,4% tal-PDG tal-UE;

B.  billi, mill-2012 'l hawn, il-linji tal-ajru Ewropej implimentaw u skedaw tnaqqis ta' aktar minn 20 000 impjieg;

C.  billi l-linji tal-ajru tal-UE qed iħabbtu wiċċhom ma' bosta sfidi kompetittivi, kemm fis-suq intern kif ukoll fis-suq estern;

D.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha imponew diversi regolamenti ġuridiċi u finanzjarji li b'mod unilaterali żiedu l-piżijiet fl-Ewropa fuq is-settur tal-avjazzjoni Ewropew (bħall-Iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet intra-UE, drittijiet tal-passiġġieri estiżi, taxxi nazzjonali, restrizzjonijiet fuq is-sigħat ta' tħaddim);

E.  billi, sa tmiem l-2015, il-Kummissjoni Ewropea biħsiebha tippreżenta Pakkett dwar l-Avjazzjoni li intiż biex jidentifika l-isfidi li jħabbat wiċċu miegħu s-settur tal-avjazzjoni fl-UE;

1.  Iqis li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni għandu jagħti spinta tassew meħtieġa lill-industrija tal-avjazzjoni Ewropea, għandu jtejjeb il-kompetittività tas-settur, iwassal għal kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni u jfassal strateġija twila għall-industrija tal-avjazzjoni;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tfassal Pakkett dwar l-Avjazzjoni, tqis u tinkludi l-ewwel qari tal-Parlament dwar l-Ajru Uniku Ewropew 2+ (SES 2 +) u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), kif ukoll ir-rapport tal-Parlament dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur;

3.  Jenfasizza li l-industrija tal-ajrunawtika hija kontributur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE, u hija marbuta mill-qrib mal-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-UE (eż., bilanċ pożittiv tal-esportazzjoni, teknoloġiji aktar nodfa għall-inġenji tal-ajru Ewropej, l-użu tas-SESAR, Ajru Uniku Ewropew (SES), ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza fl-ajru, katina ta' manutenzjoni) peress li tiġġenera fatturat ta' madwar EUR 100 biljun fis-sena, u tipprovdi madwar 500 000 impjieg dirett; jitlob, għaldaqstant, li jitfasslu politiki proattivi bil-għan li jingħata sostenn u tiġi żviluppata l-industrija tal-ajrunawtika;

4.  Jissottolinja l-fatt li l-kompetizzjoni hija marbuta direttament mal-innovazzjoni; jirrakkomanda, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tqis u tagħti appoġġ lill-innovazzjoni fl-oqsma tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (kontroll awtomatizzat tat-traffiku tal-ajru (ATC), ippjanar liberu ta' rotot), is-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS), soluzzjonijiet alternattivi għall-fjuwils, l-inġenji tal-ajru u d-disinn tal-magna (effiċjenza akbar, anqas storbju), is-sigurtà tal-ajruporti (soluzzjonijiet mingħajr kuntatt (touchless) u kontroll ta' sigurtà uniku), id-diġitalizzazzjoni u s-soluzzjonijiet multimodali (servizzi ta' groundhandling kompjuterizzati); jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tappoġġa soluzzjonijiet ambjentali globali, bħal miżura globali bbażata fuq is-suq bil-għan li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-emissjonijiet CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali, u jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni tabbanduna skemi reġjonali bħal tal-ETS tal-avjazzjoni, l-ekoloġizzazzjoni tal-ajruporti (taxiing ekoloġiku) u mudelli ġodda ta' negozju (bħall-Kapaċità ta' Distribuzzjoni Ġdida (New Distribution Capability (NDC)) tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA), l-ibbukkjar ta' titjiriet mingħajr korrispondenza awtomatika (self-connection) jew sistema integrata għall-ħruġ ta' biljetti);

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-kompetenzi tagħha u tneħħi l-piżijiet fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-UE minn fuq il-linji tal-ajru Ewropej bil-għan issaħħaħ il-kompetittività fis-settur tat-trasport bl-ajru Ewropew;

6.  Jenfasizza t-telf tal-kompetittività tal-ajruporti tal-UE meta mqabbla mal-ajruporti barra mill-UE; jitlob politika proattiva sabiex tissaħħaħ il-kapaċità u l-konnettività tal-ajruporti;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq rieżami tar-Regolament (KE) Nru 868/2004 rigward il-kawżi tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tagħha sa mhux aktar tard minn Ottubru 2015, u tneħħi l-ostakli kollha inkorporati fih bħala kundizzjonijiet sabiex tittrasformah f'għodda effikaċi kontra d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tal-avjazzjoni;

8.  Jiddeplora l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 868/2004 li jikkonċerna l-protezzjoni kontra l-issussidjar u l-atti mhux ġusti tal-prezzijiet fis-settur tat-trasport bl-ajru qatt ma ġie infurzat, u jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 868/2004 sabiex tħares il-kompetizzjoni ġusta fir-relazzjonijiet tal-avjazzjoni esterni tal-UE u ssaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, tipprevjeni l-kompetizzjoni inġusta b'mod aktar effikaċi, tiżgura r-reċiproċità u telimina l-prattiki inġusti, inklużi sussidji u għajnuna mill-istat mogħtija lil linji tal-ajru minn pajjiżi terzi li joħolqu distorsjoni fis-suq, u dan bil-għan li ttejjeb l-istrateġija politika fil-livell Ewropew sabiex dan il-kunflitt jissolva malajr, prinċipalment abbażi tal-applikazzjoni ta' klawsola trasparenti dwar 'il-kompetizzjoni ġusta';

9.  Jinnota li l-ajruporti Ewropej qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet kompetittivi sinifikanti, kemm mil-linji tal-ajru kif ukoll mill-ajruporti kompetituri, u dan qed iwassal biex l-utenti ma jħallsux l-ispiża sħiħa tal-infrastruttura; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tqis dawn l-iżviluppi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-imposti tal-ajruporti;

10.  Jenfasizza l-importanza tal-ajruporti żgħar u reġjonali fl-Unjoni bħala mod ieħor biex titnaqqas il-konġestjoni fl-ajruporti l-kbar u fl-ajruporti ċentrali permezz ta' konnessjonijiet indiretti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tippreżenta pjan strateġiku fit-tul tal-UE li jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet tal-ajruporti reġjonali fl-UE, peress li l-konnettività tal-ajru għandha tiġi promossa u għandha ssir waħda mill-pilastri tal-istrateġija tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi;

11.  Jenfasizza li n-negozjati ta' ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni mas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE bħall-pajjiżi ġirien, il-pajjiżi BRIC u ASEAN, il-Ġappun u t-Turkija, għandhom jikkostitwixxu għan strateġiku, u li tali negozjati għandhom jinbdew jew jiġu aċċellerati; josserva li dan għandu jipprovdi opportunitajiet ġodda għat-trasportaturi bl-ajru tal-UE, iżid it-trasparenza finanzjarja u jissalvagwardja l-kompetizzjoni ġusta u għaldaqstant għandu jiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji tal-ajru Ewropej mal-kompetituri tagħhom minn pajjiżi terzi; jinsisti li, bil-għan li dawn il-ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni isiru effikaċi fil-prattika, jeħtieġ li tiġi inkluża klawsola ta' salvagwardja li tiddefinixxi reat u l-konsegwenzi legali f'każ li din il-klawsola tinkiser u s-soluzzjoni tat-tilwim;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim tal-UE dwar l-ajru mal-Pajjiżi tal-Golf mill-aktar fis possibbli; jinsisti li t-trasparenza tal-finanzjament u klawsola b'saħħitha fir-rigward tal-kompetizzjoni ġusta jeħtieġu jkunu fil-qalba ta' tali ftehim;

13.  Jinnota li s-settur tat-trasport bl-ajru mhuwiex regolat fuq bażi globali, peress li mhuwiex kopert mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja mal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) sabiex tagħti spinta lir-regolazzjoni globali biex ikun hemm regoli applikabbli ġusti f'dak li jikkonċerna l-kompetittività; jissottolinja l-importanza li fi ħdan l-ICAO ikun hemm regoli li dwarhom hemm qbil globali, u dan bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-avjazzjoni; jirrikonoxxi li l-ICAO hija impenjata għall-iżvilupp ta' mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew permezz tal-adozzjoni tal-pakkett tal-SES2+ u permezz tal-implimentazzjoni sħiħa u t-tħaddim ta' blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali (FAB), u billi jispeċifikaw linji gwida għall-għajnuna mill-istat jew permezz ta' implimentazzjoni aħjar u approvazzjoni aktar rapida ta' proċeduri ta' pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju, peress li l-frammentazzjoni li teżisti fl-ispazju tal-ajru Ewropew tikkostitwixxi piż kbir fuq it-trasportaturi tal-ajru Ewropej;

15.  Jistenna li Pakkett dwar l-Avjazzjoni se jkollu jipprevedi leġiżlazzjoni sikura li hija direttament marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-avjazzjoni, peress li jeħtieġ li l-UE tuża l-firxa sħiħa ta' għodod interni u esterni disponibbli biex tiddefendi l-industrija Ewropea tal-avjazzjoni b'mod aktar effikaċi kontra prattiki inġusti;

16.  Jitlob it-titjib u l-armonizzazzjoni tal-katina ta' sikurezza billi jiġu impjegati u jinżammu ħaddiema tas-sengħa, imħarrġa sew u kapaċi jadattaw ruħhom;

17.  Jirrakkomanda li DĠ MOVE u DĠ EMPL jaħdmu flimkien u li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jinkludi dispożizzjonijiet soċjali, kif diskuss waqt il-konferenza ta' livell għoli bit-titolu "Aġenda soċjali għat-trasport", organizzata mill-Kummissjoni fl-4 ta' Ġunju 2015;

18.  Jirrakkomanda li jiġi definit il-kunċett ta' "post prinċipali ta' negozju" sabiex il-liċenzja ta' tħaddim tingħata mill-istat jekk il-volum ta' trasport tal-ajru fih ikun sostanzjali u anki fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol, u dan billi jiġu allinjati d-definizzjonijiet ta' "bażi tas-servizz" skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 83/2014 u r-Regolament (UE) 465/2012; jirrakkomanda, barra minn hekk, it-taqsir tal-perjodu transitorju u l-kjarifika tas-sitwazzjoni tal-ekwipaġġi tal-ajru li jkollhom bażijiet ta' servizz multipli;

19.  jirrakkomanda li ssir reviżjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija sabiex jiġi promoss l-impjieg dirett bħala l-mudell standard u jiġi limitat l-użu tal-impjieg atipiku;

20.  Jissuġġerixxi miżuri biex tiġi miġġielda ż-żieda ta' prattiki kummerċjali soċjalment problematiċi bħall-"bnadar ta' konvenjenza" u tal-użu ta' forom atipiċi ta' impjieg bħal impjieg indipendenti fittizju, skemi pay-to-fly u kuntratti mingħajr sigħat stabbiliti (zero hours); iqis li dawn għandhom jiġu projbiti għax dawn għandhom potenzjalment implikazzjonijiet fuq is-sigurtà; jitlob li tingħata definizzjoni riveduta tal-"post prinċipali tan-negozju" ta' kumpanija, li tirrikjedi li l-linji tal-ajru jevidenzjaw attivitajiet tal-avjazzjoni sostanzjali f'pajjiż;

21.  Jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-programm SESAR, li jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, il-fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru, il-linji tal-ajru u l-ajruporti, kif ukoll impenn finanzjarju min-naħa tagħhom; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm approċċ ta' sistema totali tal-oqsma kollha tal-avjazzjoni li tkopri l-fażijiet kollha tat-titjira minn mindu tibda fuq l-art, bi rwol aktar b'saħħtu għall-EASA fl-ambjent tas-SES-SESAR fil-kuntest tas-sistema tal-UE-EASA li tirregola s-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u l-prestazzjoni;

22.  Jilqa' l-intenzjoni li jiżdiedu r-responsabilitajiet tal-EASA, u għaldaqstant jistenna li r-Regolament emendat (KE) Nru 216/2008 (ir-Regolament Bażiku) jiżgura l-istabbiliment ta' sistema komprensiva ta' ġestjoni tas-sikurezza u li l-EASA tiġi fdata bl-aspetti ta' sikurezza tal-miżuri ta' sigurtà tal-UE u l-aspetti ta' sikurezza tat-trasport spazjali kummerċjali u tal-inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod; jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-istatus ta' awtorità unika tal-avjazzjoni fl-Ewropa lill-EASA minħabba l-firxa wiesgħa ta' responsabilitajiet li se jiġu assenjati lilha mil-leġiżlatur;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-EASA fix-xena internazzjonali għall-istess livell bħall-kontropartijiet ewlenin tagħha, bħall-Awtorità Federali tal-Avjazzjoni (FAA), u biex tiżgura r-rikonoxximent uffiċjali tagħha fi ħdan l-ICAO, bil-għan li jkun hemm pożizzjoni unika tal-UE biex jiġi żgurat livell ogħla ta' sikurezza għaċ-ċittadini tal-UE fid-dinja kollha, flimkien mal-kompetittività u l-esportazzjonijiet tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakli regolatorji għas-sorveljanza tat-traffiku tal-ajru satellitari sabiex tippermetti servizzi tas-salvataġġ tal-ħajja għaċ-ċittadini tal-UE, u jitlob lill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) tagħmel l-allokazzjoni tal-ispettru meħtieġa peress li l-ICAO identifikat is-satellita ADS-B bħala dik it-teknoloġija li tista' tgħin it-traċċar tat-titjir u s-sorveljanza tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) barra miż-żoni l-aktar popolati, fejn forom oħra ta' teknoloġiji ta' sorveljanza ATM terrestri huma limitati; jinnota li tista' tkun ta' għajnuna lill-gvernijiet, lill-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru (ANSP) u lil-linji tal-ajru fl-Ewropa u madwar id-dinja li tiżdied l-effiċjenza u l-kapaċità tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni, u tittejjeb b'mod sinifikanti is-sikurezza tal-avjazzjoni, u dan kollu filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-infrastruttura u li l-ispazju tal-ajru Ewropew jingħatalu saff ieħor ta' sorveljanza li tista' ssaħħaħ dak attwali;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri bil-għan li ttejjeb il-valutazzjoni medika tal-bdoti u l-aġenti tas-sigurtà, u l-proċeduri ta' dħul u ħruġ relatati mal-bibien tal-kabina tal-bdot, wara li tkun saret valutazzjoni tar-riskju fir-Rapport tat-Task Force tal-EASA;

26.  Jinsisti fuq "sigurtà bbażata fuq ir-riskju" għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija minflok miżuri bbażati fuq ir-reazzjoni, fuq approċċ ġust u bilanċjat għall-kwistjoni sensittiva tas-sikurezza tal-avjazzjoni sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-Istati Membri minn naħa waħda u jkunu evitati esperjenzi mhux sodisfaċenti għall-passiġġieri fl-ajruporti min-naħa l-oħra, u fuq it-tisħiħ tas-sistema ta' Servizz ta' Sigurtà tal-Avjazzjoni (AVSEC) u tal-Grupp ta' Partijiet Ikkonċermati dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni (SAGAS) sabiex jinħolqu miżuri ta' sigurtà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, twettaq studju tal-fattibbiltà dwar l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontrolli minn qabel fl-Ewropa ekwivalenti għal dak li qed isir fl-Istati Uniti;

27.  Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji jżommu baġit kompetittiv għall-EASA li jikkunsidra dawn ir-responsabilitajiet ġodda sabiex ikunu disponibbli għodod flessibbli u effikaċi għall-kumpaniji tat-trasport bl-ajru tal-UE biex dawn ikunu jistgħu jikkompetu fil-livell dinji; barra minn hekk, jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu s-sostenn finanzjarju pubbliku għas-sigurtà tal-avjazzjoni u finanzjament pubbliku tas-sigurtà tal-avjazzjoni – kif isir normalment f'reġjuni oħra tad-dinja, inklużi l-Istati Uniti – bil-għan li jippermettu lill-ajruporti Ewropej isaħħu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom billi jnaqqsu l-imposti tal-ajruporti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-ikkompletar tal-baġit oriġinali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), li ġie affettwat mill-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet kollha msemmija hawn fuq fil-Pakkett Leġiżlattiv dwar l-Avjazzjoni tagħha li għandu jiġi ppreżentat sa tmiem l-2015;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.