Proċedura : 2015/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1147/2015

Testi mressqa :

B8-1147/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2015 - 16.2
CRE 11/11/2015 - 16.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 139kWORD 69k
4.11.2015
PE570.961v01-00
 
B8-1147/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur  (2015/2933(RSP))


Karima Delli f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur (2015/2933(RSP))  
B8-1147/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-settur tat-trasport huwa l-uniku settur li, mill-1998, żied l-emissjonijiet tiegħu ta' sustanzi niġġiesa (bi kważi 30 %);

B.  billi, fl-2012, is-settur tat-trasport bl-ajru kellu 2,6 miljun impjieg dirett fl-Ewropa u kien jikkonsisti fi 2,4 % tal-PDG tal-UE;

C.  billi, mill-2008, fis-settur tat-trasport bl-ajru Ewropew tqaċċtu ħafna postijiet ta' xogħol, li ammontaw għal aktar minn 20 000;

D.  billi s-settur tat-trasport bl-ajru għadu jirrappreżenta 3 % tal-emissjonijiet internazzjonali ta' CO2 fil-livell dinji;

E.  billi l-emissjonijiet fis-settur tat-trasport bl-ajru żdiedu bi 30 % bejn l-1990 u l-2004; billi ċ-ċifra għall-emissjonijiet għal kull passiġġier fis-settur tnaqqset bi 80 % matul dawn l-aħħar sittin sena;

F.  billi l-21 Konferenza tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti li se ssir dalwaqt f'Pariġi (COP21) tikkostitwixxi kwistjoni fundamentali għall-Unjoni Ewropea;

G.  billi l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) intrabtet li tnaqqas l-emissjonijiet netti ta' CO2 mit-trasport bl-ajru b'50 % sal-2050 meta mqabbel mal-livelli tal-2005;

1.  Iqis li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni, mistenni li jiġi ppreżentat fl-aħħar ta' din is-sena, irid jiżviluppa s-settur tat-trasport bl-ajru Ewropew, fir-rispett tal-impenji tal-UE u tal-objettivi ambjentali;

2.  Jissottolinja l-bżonn ta' tassazzjoni u kumpens ġusti għall-kumpaniji tal-ajru f'dak li għandu x'jaqsam mal-objettivi Ewropej marbuta mal-emissjonijiet; isostni l-ħolqien ta' taxxa jew imposta internazzjonali fuq il-kerosin li japplika għat-titjiriet bil-għan li jitnaqqsu l-konsum ta' kerosin u l-emissjonijiet ta' CO2, il-partikuli u l-emissjonijiet ta' NOx, kif ukoll tat-tranji ta' kondensazzjoni, u l-introduzzjoni ta' VAT fuq il-biljetti tal-ajru transkonfinali Ewropej;

3.  Ifakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni fil-bżonn ta' deċiżjoni rapida rigward ir-rieżami tar-regolamenti dwar l-Ajru Uniku Ewropew u dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, kif ukoll tal-implimentazzjoni tagħhom;

4.  jitlob li l-"bażi tas-servizz" tkun ir-regola fil-qasam tad-dritt tax-xogħol; jirrakkomanda li tiġi ċċarata d-definizzjoni ta' "sede prinċipali tal-attività" fir-rigward tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u tad-dritt tax-xogħol;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji biex tevita, min-naħa tal-kumpaniji "low-cost", kull prattika soċjali mhux ekwa askapitu tal-protezzjoni soċjali tal-impjegati u tad-drittijiet tal-passiġġieri; jesiġi li l-Kummissjoni ddaħħal "aġenda soċjali" fil-Pakkett dwar l-Avjazzjoni tagħha u tiggarantixxi ħidma trasversali bejn id-direttorati ġenerali kompetenti;

6.  Jagħmel appell għal miżuri fuq livell tal-UE intiżi li jikkumbattu ż-żieda fil-prattiki soċjali ta' ħsara, bħall-"bnadar ta' konvenjenza" kif ukoll l-użu ta' impjiegi atipiċi bħall-programmi "pay-to-fly" jew l-impjiegi indipendenti fittizji; jappella għall-projbizzjoni tal-kuntratti mingħajr sigħat stabbiliti għax dawn għandhom potenzjalment implikazzjonijiet fuq is-sigurtà;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi rieżami tar-Regolament 868/2004 u tal-kawżi għala ma ġiex implimentat, jekk possibbli fil-qafas tal-Pakkett dwar l-Avjazzjoni;

8.  Jiddispjaċih bil-fatt li r-Regolament 868/2004 qatt ma ġie implimentat, u jappella għar-rieżami tiegħu mill-aktar fis possibbli bil-għan li tiġi mvinċija l-prassi ta' prezzijiet ta' bejgħ mhux ekwi fl-Ewropa u tkun promossa kompetizzjoni intra- u intermodali ġusta u sostenibbli b'mod aktar effiċjenti, ħalli tkun żgurata r-reċiproċità u jinqatgħu l-prattiki mhux ekwi;

9.  Iħeġġeġ lill-UE tinnegozja, b'mod kemm jista' jkun malajr, ftehim fil-qasam tal-avjazzjoni mal-Istati tal-Golf bil-għan li tiġi garantita aktar trasparenza fil-finanzjamenti u tkun infurzata kompetizzjoni ġusta u sostenibbli fl-Ewropa; jissottolinja l-bżonn, biex fin-negozjati kollha mas-sħab tal-UE, tkun garantita trasparenza finanzjarja u jkunu salvagwardati l-istandards soċjali;

10.  Jilqa' pożittivament l-intenzjoni biex jiżdiedu r-responsabilitajiet tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u li jiġi rieżaminat ir-Regolament Bażiku (Regolament (KE) Nru 216/2008) bil-għan li tkun infurzata s-sikurezza fl-Ewropea fuq il-bażi tar-rispett tal-istandards soċjali;

11.  Jevidenzja l-importanza tal-interkonnessjoni bejn l-ajruporti fl-Ewropa; Jappella għal bidla fil-mentalità dwar l-infurzar ta' infrastrutturi ġodda, fil-kuntest ta' bilanċ ekonomiku u ambjentali;

12.  Jappella għall-implimentazzjoni totali ta' programm SESAR trasparenti u tal-inizjattiva Clean Sky, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-innovazzjoni u s-sostenibilità fis-settur tat-trasport bl-ajru bil-għan li tinbena industrija effiċjenti li tniġġes ftit;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Avviż legali