Proċedura : 2015/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1148/2015

Testi mressqa :

B8-1148/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2015 - 16.2
CRE 11/11/2015 - 16.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0394

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 158kWORD 92k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1146/2015
4.11.2015
PE570.962v01-00
 
B8-1148/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur (2015/2933(RSP))


Gesine Meissner, Pavel Telička, Dominique Riquet, Ramon Tremosa i Balcells f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur (2015/2933(RSP))  
B8-1148/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar l-Istabbiliment ta' Żona Ewropea ta' Avjazzjoni Komuni(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/12/KE tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur(3),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (riformulazzjoni)(4),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-allokazzjoni mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni, li se ssir f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015 (WRC-15), tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġa l-iżvilupp futur ta' teknoloġija satellitari għall-implimentazzjoni ta' sistemi globali ta' rintraċċar tat-titjiriet(6),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 90, 100(2) u (218) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-"Pakkett dwar l-Avjazzjoni" leġiżlattiv li jmiss tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2012 l-ekonomija tat-trasport bl-ajru fl-UE sostniet 5,5 miljun impjieg u kkontribwiet aktar minn 2,6 % tal-PDG tal-UE;

B.  billi fl-2014 l-għadd ta' passiġġieri li vvjaġġaw bl-ajru fl-UE fl-2014 ammonta għal 849,4 miljun, żieda ta' 4,4 % meta mqabbel mal-2013 u ta' 16,9 % meta mqabbel mal-2009;

C.  billi, mill-2012 'l hawn, il-linji tal-ajru Ewropej implimentaw u skedaw tnaqqis ta' aktar minn 20 000 impjieg;

D.  billi l-linji tal-ajru Ewropej qed joperaw f'ambjent li jinbidel malajr u dejjem aktar kompetittiv fis-swieq interni kif ukoll f'dawk esterni;

E.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jtejbu ċerti regolamenti ġuridiċi u finanzjarji, bħal dawk li għandhom x'jaqsmu ma' taxxi nazzjonali u lokali u li jillimitaw is-sigħat operattivi, jekk iridu jneħħu l-piżijiet mhux meħtieġa fl-Ewropa għas-settur Ewropew tal-avjazzjoni;

F.  billi, sa tmiem l-2015, il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta Pakkett dwar l-Avjazzjoni li jipprova jidentifika u jindirizza l-isfidi li jħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-avjazzjoni tal-UE;

It-titjib tal-kompetittività tal-industrija tal-avjazzjoni

1.  Iqis li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni għandu jipprovdi spinta li hija tassew meħtieġa għall-industrija Ewropea tal-avjazzjoni, għandu jtejjeb il-kompetittività tas-settur, iwassal għal kundizzjonijiet aktar ekwi ta' kompetizzjoni u jistabbilixxi strateġija fit-tul għall-industrija tal-avjazzjoni tal-Ewropa;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis u tinkludi l-pożizzjonijiet tal-Parlament fl-ewwel qari dwar l-Ajru Uniku Ewropew 2+ (SES2+) u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) (T7-0220/2014 u T7-0151/2014) meta tkun qed tabbozza l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni;

3.  Jenfasizza li l-industrija tal-ajrunawtika hija kontributur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE u hija marbuta mill-qrib mal-kompetittività fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE (eż. bilanċ pożittiv tal-esportazzjoni, teknoloġiji aktar nodfa għall-inġenji tal-ajru Ewropej, l-implimentazzjoni tas-SESAR, l-Ajru Uniku Ewropew (SES), ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza tal-ajru, katina ta' manutenzjoni), peress li tiġġenera fatturat ta' madwar EUR 100 biljun fis-sena u ssostni madwar 500 000 impjieg dirett; jitlob, għaldaqstant, li jitfasslu politiki proattivi sabiex jiġi żviluppat ambjent favorevoli għall-industrija tal-ajrunawtika;

4.  Jissottolinja l-fatt li l-innovazzjoni hija prerekwiżit għal industrija Ewropa tal-avjazzjoni kompetittiva; jirrakkomanda, għalhekk, li l-Kummissjoni tappoġġa l-innovazzjoni fl-oqsma tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (kontroll tat-traffiku tal-ajru awtomatizzat (ATC), l-ippjanar liberu tar-rotot), sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPASs), soluzzjonijiet ta' karburant alternattiv, disinn tal-inġenji tal-ajru u tal-magni (effiċjenza akbar, inqas storbju), tas-sigurtà tal-ajruporti (soluzzjonijiet touchless, teknoloġija avvanzata ta' screening ta' sigurtà, kontroll ta' sigurtà uniku), tad-diġitalizzazzjoni u tas-soluzzjonijiet multimodali (sevizzi kompjuterizzati ta' ground handling); jirrakkomanda wkoll li tappoġġa soluzzjonijiet ambjentali globali, bħal miżura globali bbażata fuq is-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali, u li tallinja skemi reġjonali, bħall-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS) tal-avjazzjoni bl-għan li jinġabru fi skema globali, l-ajruporti aktar ekoloġiċi (taxiing ekoloġiku) u mudelli kummerċjali ġodda (bħall-Kapaċità Ġdida ta' Distribuzzjoni (NDC) tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA), l-awtokonnessjoni jew il-ħruġ ta' biljetti integrat);

5.  Jiddeplora l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 868/2004 dwar il-protezzjoni kontra l-prattiki inġusti ta' pprezzar fis-settur tat-trasport bl-ajru fil-fatt kien inadegwat u ineffikaċi f'termini tal-kamp ta' applikazzjoni tiegħu; Jitlob lill-Kummissjoni toħroġ mill-aktar fis possibbli analiżi tal-kawżi tan-non implimentazzjoni tiegħu u tirrevedi r-Regolament sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni ġusta b'mod aktar effikaċi, tiġi żgurata r-reċiproċità u jiġu eliminati l-prattiki inġusti, inklużi s-sussidji u l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil-linji tal-ajru minn ċerti pajjiżi terzi li jgħawġu s-suq; jenfasizza li l-għan għandu jkun li tittejjeb l-istrateġija politika fil-livell Ewropew sabiex dan il-kunflitt jiġi riżolt malajr, prinċipalment abbażi tal-applikazzjoni ta' klawsola trasparenti u ta' "kompetizzjoni ġusta"; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tindirizza l-kunċett ta' "kontroll effettiv" tal-linji tal-ajru;

6.  Jiddeplora l-ħela ta' flus il-kontribwenti meta jintużaw bħala appoġġ għal infrastrutturi li jonqsu milli jilħqu l-aspettattivi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tistabbilixxi lista pubblika ta' ajruporti li ma tlestewx jew huma abbandunati u ta' ajruporti ineffiċjenti;

7.  Jinnota li l-ajruporti Ewropej qed jaffaċċjaw pressjonijiet kompetittivi sinifikanti – kemm mil-linji tal-ajru kif ukoll mill-ajruporti li jikkompetu ma' xulxin; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tqis dawn l-iżviluppi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar dwar l-Imposti tal-Ajruporti;

8.  Jitlob li jsiru sforzi akbar fi ħdan il-Kunsill biex tiġi approvata l-proposta għal regolament dwar is-slots sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tal-ajruporti u biex it-trasport bl-ajru fl-Ewropa jkun jista' jaħdem bla xkiel, fil-kuntest tal-fatt li t-traffiku mistenni jirdoppja sal-2030;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-ajruporti żgħar u reġjonali fl-Unjoni għall-konnettività reġjonali; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tippreżenta pjan strateġiku fit-tul tal-UE li jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għall-ajruporti reġjonali fl-UE, peress li l-konnettività bl-ajru għandha tiġi promossa u għandha ssir wieħed mill-pilastri tal-istrateġija tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi;

Id-dimensjoni internazzjonali

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja u tikkonkludi mill-iktar fis possibbli ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni mas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE, bħall-pajjiżi tal-viċinat, il-pajjiżi BRIC u ASEAN, il-Messiku, il-Ġappun u t-Turkija, u l-Istati tal-Golf, sabiex tipprovdi opportunitajiet ġodda għat-trasportaturi bl-ajru tal-UE u biex tiżgura kundizzjonijiet aktar ekwi ta' kompetizzjoni billi tissaħħaħ it-trasparenza finanzjarja u tiġi ssalvagwardjata l-kompetizzjoni ġusta;

11.  Jinnota li s-settur tat-trasport bl-ajru mhuwiex regolat fuq bażi dinjija peress li għadu mhuwiex suġġett tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; jenfasizza l-importanza ta' regoli miftiehma globalment fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni; huwa preokkupat ferm dwar in-nuqqas ta' progress fl-ICAO lejn l-iżvilupp ta' mekkaniżmu effikaċi dinji bbażat fuq is-suq;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew permezz tal-adozzjoni tal-pakkett dwar l-SES2+ u permezz tal-implimentazzjoni sħiħa u t-tħaddim ta' Blokok ta' Spazju tal-Ajru Funzjonali (FABs), peress li l-frammentazzjoni li teżisti fl-ispazju tal-ajru Ewropew hija piż kbir fuq it-trasportaturi tal-ajru Ewropej;

13.  Jistenna li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jindirizza u jiżgura l-integrazzjoni sħiħa tal-ajruporti fin-netwerk Ewropew tat-trasport; ifakkar fil-ħtieġa li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni attwali u futura dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, u jħeġġeġ lill-Kunsill iressaq il-pożizzjoni tiegħu, peress li kemm il-passiġġieri kif ukoll it-trasportaturi tal-ajru jixtiequ ċarezza rigward ir-regoli;

L-aġenda soċjali fis-settur tal-avjazzjoni

14.  Jissottolinja l-fatt li xi kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-avjazzjoni jista' jkollhom impatt fuq is-sikurezza tat-titjiriet; jirrakkomanda li DĠ MOVE u DĠ EMPL jaħdmu flimkien u li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jinkludi dispożizzjonijiet soċjali u jipprovdi s-salvagwardji meħtieġa, kif diskuss waqt il-konferenza ta' livell għoli "Aġenda soċjali għat-trasport" li ġiet organizzata fl-4 ta' Ġunju 2015 mill-Kummissjoni;

15.  Jitlob it-titjib u l-armonizzazzjoni tal-katina tas-sikurezza billi jiġu impjegati u jinżammu ħaddiema tas-sengħa, imħarrġa sew u kapaċi jadattaw ruħhom;

16.  Jirrakkomanda li jiġi definit il-kunċett ta' "post prinċipali ta' negozju" sabiex il-liċenzja ta' tħaddim tingħata minn stat jekk il-volum ta' trasport bl-ajru fih ikun sostanzjali u jekk, fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u d-dritt tax-xogħol, l-allinjament tad-definizzjoni ta' "Bażi tas-Servizz" skont ir-Regolament (UE) 83/2014 u r-Regolament (UE) 465/2012; jirrakkomanda wkoll li jitqassar il-perjodu transitorju u li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni tal-ekwipaġġi li jkollhom diversi bażijiet ta' servizz;

17.  Jinnota l-isfidi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija (2008/104/KE) u jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiskrutina l-applikazzjoni attwali tagħha fis-settur;

18.  Huwa konxju dwar iż-żieda ta' prattiki kummerċjali soċjalment problematiċi bħall-"bnadar ta' konvenjenza" u tal-użu ta' forom atipiċi ta' impjieg bħal impjieg indipendenti fittizju, skemi pay-to-fly u kuntratti mingħajr sigħat stabbiliti, li jista' jkollhom implikazzjonijiet għas-sikurezza; huwa tal-fehma li l-istandards soċjali għandhom jiġu rispettati fl-attivitajiet kollha tal-avjazzjoni;

L-iżgurar ta' livell għoli ta' sikurezza fl-ispazju tal-ajru Ewropew

19.  Jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-programm SESAR, li jirrikjedi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni, il-fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru, il-linji tal-ajru u l-ajruporti, kif ukoll impenn finanzjarju min-naħa tagħhom; jitlob, għalhekk, għal approċċ ta' sistema totali fl-oqsma kollha tal-avjazzjoni li jkopri l-fażijiet kollha tat-titjira minn mindu tibda fuq l-art, bi rwol aktar b'saħħtu għall-EASA fl-ambjent tas-SES-SESAR ta' sistema tal-UE-EASA li tirregola s-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u l-prestazzjoni;

20.  Jilqa' l-intenzjoni li jiżdiedu r-responsabbiltajiet tal-EASA u għaldaqstant jistenna li r-Regolament Bażiku emendat (Regolament (KE) Nru 216/2008) jiżgura l-istabbiliment ta' Sistema ta' Ġestjoni tas-Sikurezza komprensiva u li l-EASA tiġi fdata bl-aspetti tas-sikurezza tal-miżuri ta' sigurtà tal-UE u tat-trasport spazjali kummerċjali u tal-inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod; jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-istatus ta' awtorità unika tal-avjazzjoni fl-Ewropa lill-EASA, b'konformità mal-firxa wiesgħa ta' responsabbiltajiet li għandhom jiġu assenjati mil-leġiżlatur;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-EASA fix-xena internazzjonali għall-istess livell tal-kontropartijiet ewlenin tagħha, bħall-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni (FAA), u tiżgura r-rikonoxximent uffiċjali tagħha fl-ICAO, sabiex ikun hemm pożizzjoni unika tal-UE li tiżgura livell ogħla ta' sikurezza għaċ-ċittadini tal-UE, filwaqt li jiġu ssalvagwardjati l-kompetittività u l-esportazzjonijiet tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakli regolatorji għas-sorveljanza satellitari tat-traffiku tal-ajru sabiex tippermetti servizzi tas-salvataġġ tal-ħajja għaċ-ċittadini tal-UE, u jitlob lill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni biex tagħmel l-allokazzjoni tal-ispettru meħtieġ, peress li l-ICAO identifikat is-satellita ADS-B bħala dik it-teknoloġija li tista' tgħin it-traċċar tat-titjiriet, anke għal skopijiet ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) barra miż-żoni l-aktar popolati, fejn forom oħra ta' teknoloġiji ta' sorveljanza ATM terrestri huma limitati; jenfasizza li meta tiġi implimentata t-teknoloġija ADS-B jridu jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru u trid tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn teknoloġiji alternattivi sabiex jiġi evitat ksur tas-sikurezza u s-sigurtà; jenfasizza li tista' tkun ta' għajnuna għall-gvernijiet, il-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ANSPs) u l-linji tal-ajru fl-Ewropa u madwar id-dinja li jiżdiedu l-effiċjenza u l-kapaċità tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, biex b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni, u tittejjeb b'mod sinifikanti s-sikurezza tal-avjazzjoni, u dan kollu filwaqt li l-ispazju tal-ajru Ewropew jingħatalu saff ieħor ta' sorveljanza li jista' jżid dak attwali;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-EASA wara l-inċident tal-Germanwings bl-għan li tittejjeb il-valutazzjoni medika tal-ekwipaġġ u l-assistenza pprovduta lilhom;

24.  Jinsisti fuq "sigurtà bbażata fuq ir-riskju" għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija minflok miżuri bbażati fuq ir-reazzjoni, fuq approċċ ġust u bilanċjat għall-kwistjoni sensittiva tas-sikurezza tal-avjazzjoni sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-Istati Membri minn naħa waħda u jkunu evitati esperjenzi mhux sodisfaċenti għall-passiġġieri fl-ajruporti min-naħa l-oħra, u fuq it-tisħiħ tas-sistema ta' Servizz ta' Sigurtà tal-Avjazzjoni (AVSEC) u tal-Grupp ta' Partijiet Ikkonċernati dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni (SAGAS) sabiex jinħolqu miżuri ta' sigurtà; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, twettaq studju tal-fattibbiltà dwar l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontrolli minn qabel fl-Ewropa ekwivalenti għal dak li qiegħed isir fl-Istati Uniti;

25.  Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji jżommu baġit kompetittiv għall-EASA li jikkunsidra dawk ir-responsabbiltajiet ġodda, sabiex ikunu disponibbli għodod flessibbli u effikaċi għall-kumpaniji tat-trasport bl-ajru tal-UE biex dawn ikunu jistgħu jikkompetu f'livell dinji; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-ikkompletar tal-baġit oriġinali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), li ġie affettwat mill-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet kollha msemmija hawn fuq fil-Pakkett Leġiżlattiv dwar l-Avjazzjoni tagħha li għandu jiġi ppreżentat sa tmiem l-2015;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Kunsill jeżamina l-possibbiltajiet għar-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe tilwima attwali bejn l-Istati Membri attwali li qed timpedixxi bosta l-pakketti ta' leġiżlazzjoni marbuta mat-trasport bl-ajru;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 658.

(2)

ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 5.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0290.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0220.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2014)0221.

(6)

Testi adottati, P8_TA-PROV(2015)0392.

Avviż legali