Proċedura : 2015/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1149/2015

Testi mressqa :

B8-1149/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2015 - 16.2
CRE 11/11/2015 - 16.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 142kWORD 73k
4.11.2015
PE570.963v01-00
 
B8-1149/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur (2015/2933(RSP))


Daniela Aiuto, Peter Lundgren, Rosa D’Amato, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur (2015/2933(RSP))  
B8-1149/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu relatati mas-settur tal-avjazzjoni,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-pakkett leġiżlattiv li jmiss (il-"Pakkett dwar l-Avjazzjoni") li għandu jitressaq mill-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-għadd ta' passiġġieri li vjaġġaw bl-ajru fl-UE fl-2014 ammonta għal 849,4 miljuni, li jirrappreżentaw żieda ta' 4,4 % meta mqabbla mal-2013;

B.  billi l-għadd ta' titjiriet fl-Ewropa żdied b'1,7 % fl-2014, wara tnaqqis bejn l-2011 u l-2013, u mistenni jkompli jiżdied b'rata ta' tkabbir medja annwali ta' 2,5 % sal-2021;

C.  billi l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq is-settur għadu prominenti u kien hemm kważi tliet miljun titjira inqas fl-2014 fil-livell Ewropew milli inizjalment previst qabel ma bdiet il-kriżi ekonomika fl-2008, kif irrappurtat mir-Rapport ta' Rieżami tal-Prestazzjoni 2014 ippubblikat minn Eurocontrol;

D.  billi l-puntwalità tal-wasla fl-Ewropa naqset minn 84,0 % għal 83,7 % fl-2014 speċjalment minħabba deterjorament fit-tul ta' żmien f'termini ta' "turnaround" (operazzjonijiet bejn il-wasla u t-tluq tal-ajruplan fl-ajruport);

E.  billi fl-2014 u fl-2015 seħħew żewġ inċidenti gravi, bit-telfa traġika tat-titjiriet MH17 u Germanwings;

F.  billi għad hemm il-ħtieġa li tkompli titjieb id-data tas-sikurezza fir-rigward tal-kwalità u l-kompletezza, u billi l-proporzjon ta' inċidenti mhux klassifikati għadu għoli b'mod inaċċettabbli;

G.  billi fl-2014 seħħ bosta tibdil u ċaqliq mhux mistenni fil-flussi tat-traffiku bl-ajru;

H.  billi l-fjuwil u ż-żejt huma l-aktar fattur dominanti ta' spejjeż li jżid l-ispejjeż tal-operat tal-kumpaniji tal-ajru;

I.  billi r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 21/2014 żvela li investiment ffinanzjat mill-UE fl-ajruporti pproduċa valur baxx għall-flus, u li kienu ġew iffinanzjati wisq ajruporti (spiss qrib xulxin) u f'bosta każijiet l-infrastrutturi ffinanzjati mill-UE kienu kbar wisq;

1.  Jenfasizza li s-sikurezza tibqa' l-aktar aspett importanti fl-evoluzzjoni tas-sistema tal-avjazzjoni dejjem aktar kumplessa, u li l-Istati Membri, l-awtoritajiet u l-fornituri tas-servizzi għandhom itejbu l-prestazzjoni u l-kooperazzjoni tagħhom;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li titjieb is-sostenibbiltà tas-settur, billi tingħata spinta lill-kompetittività u jinstabu teknoloġiji innovattivi ġodda sabiex inaqqsu l-impatt ambjentali u tiżdied l-effiċjenza tas-servizzi;

3.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' innovazzjoni fis-settur tal-avjazzjoni, filwaqt li jitqiesu u jiġu appoġġjati innovazzjonijiet fl-oqsma tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (kontroll tat-traffiku tal-ajru awtomatizzat (ATC), ippjanar liberu ta' rotot), is-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPASs), is-soluzzjonijiet ta' fjuwil alternattivi, id-disinn tal-inġenji tal-ajru u tal-magni (aktar effiċjenza, inqas storbju), is-sigurtà tal-ajruporti (soluzzjonijiet "touchless", kontroll ta' sigurtà uniku) u d-diġitalizzazzjoni flimkien ma' soluzzjonijiet multimodali (servizzi kompjuterizzati ta' groundhandling); jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu appoġġjati soluzzjonijiet ambjentali globali, bħal miżura globali bbażata fuq is-suq biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali u tallinja skemi reġjonali bħall-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) fil-qasam tal-avjazzjoni, l-ekoloġizzazzjoni tal-ajruporti, l-awtokonnessjoni u s-sistema integrata għall-ħruġ tal-biljetti;

4.  Ifakkar li l-Istati Membri huma responsabbli biex jiżguraw l-aċċelerazzjoni u l-użu tal-monitoraġġ awtomatiku tad-data tas-sikurezza biex jikkumplementa r-rappurtar manwali;

5.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal razzjonalizzazzjoni aħjar tal-flussi tat-traffiku u tas-servizzi offruti mill-kumpaniji tal-ajru u mill-awtoritajiet ta' ġestjoni, sabiex tiġi limitata l-kwantità ta' skart u n-nuqqas ta' użu tar-riżorsi jew l-użu insuffiċjenti tagħhom, u jitnaqqsu l-kostijiet għall-konsumaturi;

6.  Jilqa' l-fatt li, fir-rigward tal-ANS (Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru), f'dawn l-aħħar erba' snin ma kien hemm l-ebda inċident relatat mal-ANS u li fl-2013 seħħ inċident wieħed biss li kkontribwixxa għalih l-ANS, iżda jfakkar li għadu meħtieġ li titjieb id-data tas-sikurezza fir-rigward tal-kwalità u l-kompletezza;

7.  Jiddeplora l-fatt li l-proporzjon ta' inċidenti mhux klassifikati jew mhux determinati għadu għoli (aktar minn 30 %), u jappella għal analiżi mtejba sabiex jinftiehmu l-iżbalji li seħħew fil-prestazzjoni tas-sikurezza u jinsiltu tagħlimiet għall-ġejjieni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara d-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), Eurocontrol u l-Awtoritajiet ta' Sigurtà Nazzjonali (ASN) sabiex tiżgura demarkazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet u d-dmirijiet fil-ġestjoni tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru;

9.  Jissottolinja li f'dawn l-aħħar snin il-kumpaniji u l-ajruporti Ewropej tilfu l-kompetittività meta mqabbla ma' kompetituri globali oħra, u li huwa meħtieġ li jiġi protett is-suq tal-avjazzjoni fl-Istati Membri, tiġi salvagwardata s-sjieda tal-kumpaniji u tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta u l-għajnuniet irregolari mill-Istat fl-Ewropa min-naħa tal-pajjiżi terzi;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu msaħħa l-hubs eżistenti għall-konnessjonijiet Ewropej u dinjija u fl-istess ħin jiġi żviluppat netwerk adegwat ta' konnettività lokali, b'ajruporti reġjonali interkonessi ma' modi oħra ta' trasport, sabiex jagħmluha aktar faċli għall-passiġġieri u għall-oġġetti jiġu trasportati fuq distanzi twal, saħansitra f'żoni li issa huma aktar diffiċli biex jintlaħqu;

11.  Jisħaq li għad iridu jsiru ħafna sforzi fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-taħriġ tal-impjegati; jenfasizza li fis-settur tal-avjazzjoni d-dumping soċjali għadu problema kbira;

12.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-periklu dejjem akbar li għalih l-Ewropa hija esposta minħabba l-bosta theddid ikkawżat mit-terroriżmu u l-gwerra mal-fruntieri Ewropej, u jitlob miżuri effikaċi biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-passiġġieri Ewropej;

13.  Jilqa' l-użu tal-RPASs fis-settur tal-avjazzjoni għal użu rikreattiv, ta' riċerka, tat-turiżmu u professjonali;

14.  Jiddeplora l-ħela tal-fondi tal-UE kif żvelat mill-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Speċjali Nru 21/2014 tagħha, u jitlob mekkaniżmu li jkun jista' jipprovdi kontroll indipendenti bil-għan li jidentifika u jikkastiga lil dawk responsabbli għal infiq irregolari li jinvolvi l-fondi tal-UE fis-settur tal-avjazzjoni;

15.  Jenfasizza li l-awtoritajiet Ewropej kollha għandhom jaġixxu b'mod indipendenti minn kull pajjiż terz fir-rigward tal-ġestjoni tad-data u l-informazzjoni fil-kuntest tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali