Proċedura : 2015/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1150/2015

Testi mressqa :

B8-1150/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2015 - 16.2
CRE 11/11/2015 - 16.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 410kWORD 75k
4.11.2015
PE570.964v01-00
 
B8-1150/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur (2015/2933(RSP))


Roberts Zīle, Jacqueline Foster f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur (2015/2933(RSP))  
B8-1150/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (riformulazzjoni)(1),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur(3),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2015 – Bidu Ġdid (COM(2014)0910),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-aktar data reċenti tal-Kummissjoni, is-settur tal-avjazzjoni jagħti kontribut vitali lill-ekonomija ġenerali u lill-impjiegi tal-UE, peress li joffri direttament u indirettament 5,1 miljun impjieg u jikkontribwixxi għal aktar minn 2,4 % tal-PGD tal-UE;

B.  billi, skont id-data tal-Eurostat, fl-2014, l-għadd ta' passiġġieri li vjaġġaw bl-ajru fl-UE kien jammonta għal 879,4 miljuni, li jirrappreżentaw żieda ta' 4 % bejn l-2013 u l-2014(4);

C.  billi l-pożizzjoni kompetittiva tal-linji tal-ajru tal-UE qed tħabbat wiċċha ma' bosta sfidi, kemm internament kif ukoll esternament;

D.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha imponew diversi regolamenti ġuridiċi u finanzjarji li żiedu unilateralment il-piżijiet għas-settur tal-avjazzjoni Ewropew (intra EU-ETS, taxxi nazzjonali, restrizzjonijiet fuq is-sigħat operattivi);

E.  billi l-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta Pakkett dwar l-Avjazzjoni sa tmiem l-2015 li se jidentifika l-isfidi li jħabbat wiċċu magħhom is-settur tal-avjazzjoni fl-UE;

1.  Iqis li Pakkett dwar l-Avjazzjoni għandu jtejjeb il-kompetittività tas-settur u joffri strateġija fuq medda twila ta' żmien għall-industrija tal-avjazzjoni tal-Ewropa;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni, hija u tabbozza l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni, tqis u tinkludi l-pożizzjonijiet fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew imsemmija hawn fuq dwar l-SES2+ u dwar l-ajrudromi, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru;

3.  Jenfasizza li l-industrija ajrunawtika hija kontributur ewlieni għat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE u marbuta mill-qrib mal-kompetittività tas-settur tal-avjazzjoni tal-UE (aktar esportazzjonijiet, teknoloġiji aktar nodfa, Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), Ajru Uniku Ewropew (SES), ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza fl-ajru, kif xieraq), u tiġġenera fatturat ta' madwar EUR 100 biljun fis-sena u bejn wieħed u ieħor 500 000 impjieg dirett; jitlob, għaldaqstant, li jitfasslu politiki proattivi sabiex jappoġġjaw u jiżviluppaw l-industrija ajrunawtika;

4.  Jissottolinja li l-innovazzjoni hija prerekwiżit għal industrija tal-avjazzjoni Ewropea kompetittiva; jirrakkomanda, għalhekk, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jappoġġjaw l-innovazzjoni fl-oqsma tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, is-sistemi ta' inġenju tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS), is-soluzzjonijiet ta' fjuwil alternattivi, is-sigurtà tal-ajruport, il-mudelli ġodda ta' negozju u s-sistema integrata għall-ħruġ tal-biljetti;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw politiki proattivi dwar il-kapaċità u l-konnettività addizzjonali, sabiex tittejjeb il-kompetittività tal-ajruporti tal-UE fil-konfront ta' ajruporti ta' pajjiżi terzi, u biex titjieb l-infrastruttura nazzjonali tagħhom ħalli jippermettu lil-linji tal-ajru tagħhom jikkompetu b'kundizzjonijiet aktar favorevoli;

6.  Jirrimarka li l-ajruporti Ewropej qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet kompetittivi sinifikanti – kemm mil-linji tal-ajru kif ukoll minn ajruporti li jikkompetu ma' xulxin; iħeġġeġ għaldaqstant lil-linji tal-ajru u lill-ajruporti jikkollaboraw sabiex isolvu kwistjonijiet li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruport;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jippromwovu l-importanza tal-ajruporti ż-żgħar u reġjonali fi ħdan l-UE kemm bħala mezz biex tiġi evitata l-konġestjoni f'ajruporti maġġuri permezz ta' konnessjonijiet indiretti kif ukoll biex titjieb il-konnettività;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonkludi b'urġenza ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni mas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE bħall-pajjiżi ġirien, il-pajjiżi BRIC, il-pajjiżi ASEAN, il-Ġappun, l-Istati tal-Golf u t-Turkija;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jaċċeleraw l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, permezz tal-adozzjoni tal-pakkett tal-SES2+ u permezz tal-implimentazzjoni sħiħa u t-tħaddim tal-Blokok ta' Spazju tal-Ajru Funzjonali (FABs), peress li n-nuqqas ta' implimentazzjoni tas-SES wassal għal konsegwenzi punittivi għat-trasportaturi tal-ajru Ewropej; jistieden lill-Istati Membri jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-istrajks tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC), li kkawżaw tħarbit serju għall-passiġġieri, billi jużaw teknoloġiji ġodda jew permezz ta' mekkaniżmi alternattivi ta' soluzzjoni għat-tilwim;

10.  Jenfasizza li s-settur tal-avjazzjoni jeħtieġ forza tax-xogħol ikkwalifikata u motivata ħafna, u li biex tkompli din it-tendenza u tikkompeti f'suq internazzjonali ferm kompetittiv, id-dispożizzjonijiet regolatorji kemm tal-UE kif ukoll dawk nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet tal-impjiegi u tax-xogħol għandhom jiġu osservati bis-sħiħ sabiex jiżguraw kundizzjonijiet, standards u prattiki tax-xogħol tajbin, filwaqt li jiġi rikonoxxut l-iżvilupp ta' mudelli ekonomiċi aktar kompetittivi;

11.  Jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-programm SESAR, li teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib u impenn finanzjarju min-naħa tal-Kummissjoni, fornituri ta' servizz ta' navigazzjoni bl-ajru, il-linji tal-ajru u l-ajruporti;

12.  Jistenna b'interess ir-reviżjoni tal-Kummissjoni tar-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) bħala parti mill-Pakkett dwar l-Avjazzjoni;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakli regolatorji għal sorveljanza bis-satellita tat-traffiku tal-ajru sabiex tippermetti servizzi tas-salvataġġ tal-ħajja għaċ-ċittadini tal-UE, u jitlob li l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT) tagħmel l-allokazzjoni tal-ispettru meħtieġa;

14.  Jappella biex l-approċċ ta' sigurtà tal-passiġġieri tqis aktar ir-riskji minflok l-approċċ attwali b'reazzjoni għall-avvenimenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq studju ta' fattibbiltà dwar l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontrolli minn qabel u ta' dħul fit-territorju Ewropew ekwivalenti għal dak li bħalissa qiegħed jiġi eżaminat fl-Istati Uniti;

15.  Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji jipprovdu r-riżorsi meħtieġa lill-EASA fid-dawl tar-responsabbiltajiet tagħha, filwaqt li jinnota li l-industrija tammonta għal 70 % tal-baġit tal-EASA; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-provvedimenti tal-baġit oriġinali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), li ntlaqat mill-istabbilment tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq fil-Pakkett Leġiżlattiv tal-Avjazzjoni tagħha li għandu jiġi ppreżentat sa tmiem l-2015;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0220.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0221.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0290.

(4)

http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/File:Thousand_passengers_carried_monthly_data_2013-2014.png

Avviż legali