Proċedura : 2015/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1151/2015

Testi mressqa :

B8-1151/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2015 - 16.2
CRE 11/11/2015 - 16.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 154kWORD 86k
4.11.2015
PE570.965v01-00
 
B8-1151/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur (2015/2933(RSP))


Curzio Maltese, Stelios Kouloglou, Paloma López Bermejo, Sofia Sakorafa, Kostas Chrysogonos f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur (2015/2933(RSP))  
B8-1151/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (riformulazzjoni)(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar il-Politika Esterna tal-UE dwar l-Avjazzjoni – Nindirizzaw l-Isfidi tal-Futur(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/12/KE tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-imposti tal-ajruporti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar l-Istabbiliment ta' Żona Ewropea ta' Avjazzjoni Komuni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta' Lisbona(3),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-allokazzjoni mill-Konferenza Dinjija dwar ir-Radjukomunikazzjoni (WRC-15), li se ssir f'Ġinevra mit-2 sas-27 ta' Novembru 2015, tal-banda tal-ispettru tar-radju meħtieġa biex tappoġġa l-iżvilupp futur ta' teknoloġija satellitari għall-implimentazzjoni ta' sistemi globali ta' rintraċċar tat-titjiriet(5),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni leġiżlattiv li jmiss tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2012, l-ekonomija tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa sostniet direttament 2,6 miljun impjieg u qed tikkontribwixxi għal aktar minn 2,4 % tal-PDG tal-UE;

B.  billi t-tnaqqis tal-impjiegi implimentat u programmat mil-linji tal-ajru Ewropej mill-2012 s'issa jaqbeż l-20 000;

C.  billi l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom itejbu għadd ta' regolamenti ġuridiċi u finanzjarji, bħall-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) fl-UE, id-drittijiet estiżi tal-passiġġieri, l-imposti u t-taxxi nazzjonali, it-tnaqqis tal-istorbju fl-ajruporti u r-restrizzjoni tas-sigħat ta' tħaddim;

D.  billi l-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta Pakkett dwar l-Avjazzjoni sa tmiem l-2015 li se jidentifika l-isfidi li jaffaċċja s-settur tal-avjazzjoni tal-UE;

1.  Jopponi kull tip ta' privatizzazzjoni u liberalizzazzjoni tas-settur tal-avjazzjoni Ewropew; jitlob lill-Istati Membri jappoġġaw linji tal-ajru nazzjonali;

2.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol jiġu mħarsa u msaħħa fil-qasam tal-avjazzjoni; jissottolinja l-fatt li l-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom impatt fuq is-sikurezza tat-titjiriet; jikkundanna kull tip ta' kriminalizzazzjoni tal-ħaddiema u tas-sindakalisti; jappoġġa l-ħaddiema fl-isforz tagħhom biex iżommu l-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom fi Stati Membri differenti;

3.  Jenfasizza li l-industrija ajrunawtika hija wieħed mill-kontributuri ewlenin għat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE u hija marbuta mill-qrib mal-qasam tal-avjazzjoni tal-UE billi tiġġenera dħul ta' madwar EUR 100 biljun fis-sena u madwar 500 000 impjieg dirett;

4.  Jitlob li l-katina tas-sikurezza tiġi mtejba u armonizzata billi tiġbed u żżomm ħaddiema tas-sengħa u mħarrġa sew, waqt li jiżgura li standards tat-taħriġ jiġu msaħħa, u li l-ammissjoni għall-professjoni (pereżempju għall-bdoti) ma tissarrafx f'tipi ta' impjieg li jistgħu jkunu ta' detriment għas-sikurezza tat-titjir, bħal skemi pay-to-fly (P2F);

5.  Jirrakkomanda li jiġi definit il-kunċett ta' "post prinċipali ta' negozju" sabiex il-liċenzja ta' tħaddim tingħata mill-istat jekk il-volum ta' trasport tal-ajru fih ikun sostanzjali u anki fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u d-dritt tax-xogħol, jiġu allinjati d-definizzjonijiet ta' "Bażi tas-Servizz" skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 83/2014 u r-Regolament (UE) Nru 465/2012; jirrakkomanda, barra minn hekk, it-taqsir tal-perjodu transitorju u l-kjarifika tas-sitwazzjoni tal-ekwipaġġi li jkollhom diversi bażijiet ta' servizz;

6.  Jirrakkomanda l-possibilità li assoċjazzjonijiet Ewropej tal-ħaddiema jinnegozjaw ftehimiet kollettivi tax-xogħol transnazzjonali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-konsumaturi fl-eventwalità tal-falliment ta' trasportatur tal-ajru;

8.  Jinnota l-isfidi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Xogħol Temporanju permezz ta' Aġenzija u jirrakkomanda li l-Kummissjoni twettaq reviżjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva sabiex tippromwovi l-impjieg dirett bħala mudell standard u tillimita l-użu ta' impjieg atipiku li jista' jkollu impatt negattiv fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni u jirriżulta fi prattiki inaċċettabbli u abbużivi;

9.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda ta' prattiki kummerċjali soċjalment problematiċi bħall-"bnadar ta' konvenjenza", il-prattiki żleali tal-linji tal-ajru low cost u l-użu ta' forom atipiċi ta' impjieg bħal impjieg indipendenti fittizju, skemi pay-to-fly u kuntratti mingħajr sigħat stabbiliti (zero hour contracts), li għandhom implikazzjonijiet għas-sikurezza u għandhom ikunu pprojbiti; huwa tal-fehma li l-istandards soċjali għandhom jiġu rispettati fl-attivitajiet tal-avjazzjoni kollha;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri bl-għan li titjieb il-valutazzjoni medika tal-bdoti, għall-istabbiliment ta' programmi ta' appoġġ bejn il-pari għall-bdoti, u għas-sigurtà, proċeduri ta' dħul u ħruġ li jikkonċernaw il-bibien tal-kabina tal-bdot, wara valutazzjoni tar-riskju deskritta fir-rapport mit-Task Force tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA);

11.  Jistenna li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jindirizza u jiżgura l-integrazzjoni sħiħa tal-ajruporti tan-netwerk tat-trasport Ewropew; ifakkar fil-ħtieġa li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jkun konsistenti mal-leġislazzjoni attwali u futura dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, inkluża d-direttiva proposta dwar reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri tal-UE (PNR), filwaqt li jħeġġeġ lill-Kunsill, minħabba l-kwistjoni ta' Ġibiltà, iressaq il-pożizzjoni tiegħu, peress li kemm il-passiġġieri kif ukoll it-trasportaturi tal-ajru jixtiequ ċarezza dwar ir-regoli;

12.  Jinnota li l-ajruporti Ewropej qegħdin jiffaċċaw pressjonijiet minn linji tal-ajru li ma jħallsux l-ispejjeż kollha tal-infrastruttura; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża dawn l-iżviluppi sabiex tipprepara qafas ġuridiku ġdid ibbażat fuq parametri komuni soċjali, ekonomiċi u ambjentali; iqis li ġestjoni pubblika tal-ajruporti tista' tkun għodda importanti biex jiġu solvuti l-biċċa l-kbira tal-problemi msemmija hawn fuq;

13.  Jistieden lill-Istati Membri, fil-kuntest tat-traffiku li mistenni li jirdoppja sal-2030, jagħmlu sforzi akbar biex itejbu l-istandards ambjentali fl-ajruporti, bħal tnaqqis tal-istorbju u tnaqqis tal-emissjonijiet;

14.  Jenfasizza l-fatt li konnessjonijiet tat-trasport bl-ajru huma relevanti għall-iżvilupp ekonomiku ġenerali tar-reġjuni kkonċernati, u jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex jenfasizzaw l-importanza tal-ajruporti żgħar u reġjonali li jibdlu titjiriet għal distanzi qosra fi trasport ferrovjarju meta dawn id-distanzi jkunu iqsar minn ħames sigħat ta' vjaġġar fl-Unjoni, peress li dan hu mod ieħor biex titneħħa l-konġestjoni tal-ajruporti kbar u l-ajruporti hub permezz ta' konnessjonijiet indiretti; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, biex tippreżenta pjan strateġiku fit-tul tal-UE li jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet ta' ajruporti reġjonali fil-kuntest tal-interkonnettività tal-ajruporti u l-ferroviji fl-UE, hekk kif il-konnettività bejn it-trasport tal-ajru u dak ferrovjarju għandu jiġi promoss;

15.  Jinnota li s-settur tat-trasport bl-ajru mhuwiex regolat b'mod globali, peress li mhuwiex kopert mid-WTO; jistieden lill-Kummissjoni biex tinnegozja mal-ICAO sabiex tagħmel pressjoni għal regolazzjoni dinjija; jissottolinja l-importanza ta' regoli maqbula b'mod globali fi ħdan l-ICAO, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni u sabiex jittieħdu miżuri biex jiġu stabbiliti miri adegwati qabel tmiem l-2016 li jistgħu jwasslu għat-tnaqqis meħtieġ fid-dawl tal-objettiv ta' 2°C;

16.  Jinnota l-intenzjoni li jiżdiedu r-responsabilitajiet tal-EASA, u għaldaqstant jistenna li r-Regolament emendat (KE) Nru 216/2008 (ir-Regolament Bażiku) jiżgura l-istabbiliment ta' sistema komprensiva ta' ġestjoni tas-sikurezza u li l-EASA se tiġi fdata bl-aspetti ta' sikurezza tal-miżuri ta' sigurtà tal-UE u l-aspetti ta' sikurezza tat-trasport spazjali kummerċjali u tal-inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti l-istatus ta' awtorità unika tal-avjazzjoni fl-Ewropa lill-EASA minħabba l-firxa wiesgħa ta' responsabilitajiet li se jiġu assenjati lilha mil-leġiżlatur;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-rwol tal-EASA fix-xena internazzjonali għall-istess livell bħal kontropartijiet ewlenin tagħha, bħall-Awtorità Federali tal-Avjazzjoni (FAA), u biex tiżgura r-rikonoxximent uffiċjali tagħha fi ħdan l-ICAO, sabiex ikun hemm pożizzjoni unika tal-UE biex jiġi żgurat livell ogħla ta' sikurezza għaċ-ċittadini tal-UE madwar id-dinja, flimkien mal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakli regolatorji għas-sorveljanza satellitari tat-traffiku tal-ajru sabiex tippermetti servizzi tas-salvataġġ tal-ħajja għaċ-ċittadini tal-UE u jitlob lill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) biex tagħmel l-allokazzjoni tal-ispettru meħtieġa peress li l-ICAO identifikat is-satellita ADS-B bħala dik it-teknoloġija li tista' tgħin it-traċċar tat-titjiriet u s-sorveljanza tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) barra miż-żoni l-aktar popolati, fejn forom oħra ta' teknoloġiji ta' sorveljanza ATM terrestri huma limitati; jinnota li tista' tkun ta' għajnuna għall-gvernijiet, il-fornituri ta' servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (l-ANSPs) u l-linji tal-ajru fl-Ewropa u madwar id-dinja li tiżdied l-effiċjenza u l-kapaċità tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni, u tittejjeb b'mod sinifikanti is-sikurezza tal-avjazzjoni, u dan kollu filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-infrastruttura u li l-ispazju tal-ajru Ewropew jingħatalu saff ieħor ta' sorveljanza li tista' żżid dak attwali;

19.  Jenfasizza li l-innovazzjoni hija prerekwiżit għall-industrija tal-avjazzjoni Ewropea u għaldaqstant jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra u tappoġġa innovazzjonijiet fl-oqsma tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (eż. ATC awtomatizzat, l-ippjanar liberu ta' rotot), soluzzjonijiet alternattivi ta' karburanti, disinn tal-inġenji tal-ajru u tal-magni (aktar effiċjenza, inqas storbju), sigurtà tal-ajruport (soluzzjonijiet "touchless", kontroll ta' sigurtà uniku), id-diġitalizzazzjoni flimkien ma' soluzzjonijiet multimodali, appoġġ għal soluzzjonijiet ambjentali globali u t-tnaqqis tal-marka tal-karbonju mis-settur tal-avjazzjoni billi jissaħħu l-miżuri implimentati mis-settur innifsu li jwasslu għal tnaqqis nett tal-emissjonijiet;

20.  Jenfasizza li n-negozjati ta' ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni mas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE bħall-pajjiżi ġirien, il-pajjiżi tal-ASEAN, il-Brażil, l-Indja, il-Messiku, il-Ġappun u t-Turkija, għandhom jikkostitwixxu għan strateġiku u li tali negozjati għandhom jiġu aċċellerati jew jinbdew meta dan ikun jidher realistiku; jirrimarka li dan għandu jipprovdi opportunitajiet ġodda għat-trasportaturi bl-ajru tal-UE u jtejjeb it-trasparenza finanzjarja; jinsisti li bl-għan li dawn il-ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni jsiru effikaċi fil-prattika, jeħtieġ li tiġi inkluża klawsola ta' salvagwardja li tiddefinixxi reat u l-konsegwenzi legali f'każ li din il-klawsola tinkiser;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim dwar l-ajru tal-UE mal-Istati tal-Golf malajr kemm jista' jkun sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għal-linji tal-ajru u l-ajruporti Ewropej;

22.  Jinsisti fuq "sigurtà bbażata fuq ir-riskju" għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija minflok miżuri bbażati fuq ir-reazzjoni u fuq approċċ ġust u bilanċjat għall-kwistjoni sensittiva tas-sikurezza tal-avjazzjoni sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-Istati Membri minn naħa waħda u jkunu evitati esperjenzi mhux sodisfaċenti għall-passiġġieri fl-ajruporti min-naħa l-oħra, u jitlob tisħiħ tas-sistema ta' AVSEC u SAGAS sabiex jinħolqu miżuri ta' sigurtà;

23.  Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji biex jinżamm baġit għall-EASA li jikkunsidra dawn ir-responsabilitajiet ġodda sabiex ikunu disponibbli għodod flessibbli u effikaċi għall-kumpaniji tat-trasport bl-ajru tal-UE;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet kollha msemmija hawn fuq fil-Pakkett Leġiżlattiv tal-Avjazzjoni tagħha li għandu jiġi ppreżentat sa tmiem l-2015;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 658.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0290.

(3)

ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 5.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0221.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0392.

Avviż legali