Proċedura : 2015/2933(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1152/2015

Testi mressqa :

B8-1152/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/11/2015 - 16.2
CRE 11/11/2015 - 16.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0394

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 151kWORD 88k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1146/2015
4.11.2015
PE570.966v01-00
 
B8-1152/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur (2015/2933(RSP))


Ismail Ertug f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett dwar l-Avjazzjoni futur (2015/2933(RSP))  
B8-1152/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2012, l-ekonomija tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa sostniet direttament 2,6 miljun impjieg u kkontribwiet għal aktar minn 2,4 % tal-PDG tal-UE;

B.  billi ġie implimentat u skedat tnaqqis ta' aktar minn 20 000 impjieg mil-linji tal-ajru Ewropej mill-2012 'il quddiem;

C.  billi l-linji tal-ajru tal-UE jiffaċċjaw bosta sfidi kompetittivi fis-swieq kemm interni kif ukoll esterni;

D.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha adottaw diversi regolamenti ġuridiċi u finanzjarji li għandhom impatt fuq is-settur Ewropeaw tal-avjazzjoni;

E.  billi l-Kummissjoni Ewropea għandha l-ħsieb li sa tmiem l-2015 tippreżenta Pakkett dwar l-Avjazzjoni li għandu l-għan li jidentifika l-isfidi li jħabbat wiċċu miegħu s-settur tal-avjazzjoni fl-UE;

1.  Iqis li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni għandu jagħti spinta tant meħtieġa għal industrija tal-avjazzjoni Ewropea aktar sostenibbli, għandu jtejjeb il-kompetittività tas-settur; isaħħaħ il-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-industrija ajrunawtika; jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq globali; u jfassal strateġija fit-tul għall-industrija tal-avjazzjoni tal-Ewropa;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis u tinkludi l-pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari dwar Ajru Uniku Ewropew 2+ (SES2+) u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) (T7-0220/2014 u T7-0151/2014) meta tkun qed tabbozza l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni;

3.  Jenfasizza li l-industrija tal-ajrunawtika hija kontributriċi ewlenija għat-tkabbir u l-impjiegi tal-UE u hija marbuta mill-qrib mal-kompetittività fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE (eż. bilanċ pożittiv tal-esportazzjoni, teknoloġiji aktar nodfa għall-inġenji tal-ajru Ewropej, l-użu tas-SESAR, is-SES, ftehimiet bilaterali dwar is-sikurezza tal-ajru, katina ta' manutenzjoni) peress li tiġġenera fatturat ta' madwar EUR 100 biljun fis-sena u ssostni madwar 500 000 impjieg dirett; jitlob għaldaqstant li jitfasslu politiki proattivi bil-għan li tiġi appoġġjata u żviluppata l-industrija tal-ajrunawtika;

4.  Jissottolinja l-fatt li l-innovazzjoni hija prerekwiżit għal industrija Ewropa tal-avjazzjoni kompetittiva; jirrakkomanda, għaldaqstant, li l-Kummissjoni tqis u tagħti appoġġ lill-innovazzjoni fl-oqsma tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (kontroll awtomatizzat tat-traffiku tal-ajru (ATC), l-ippjanar liberu ta' rotot), is-sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS), soluzzjonijiet ta' fjuwils alternattivi, id-disinn tal-inġenji tal-ajru u tal-magni (effiċjenza akbar, anqas storbju), is-sigurtà tal-ajruporti (soluzzjonijiet mingħajr kuntatt (soluzzjonijiet "touchless") u kontroll ta' sigurtà uniku (sigurtà "one-stop")), id-diġitalizzazzjoni, u s-soluzzjonijiet multimodali (servizzi ta' groundhandling kompjuterizzati); jirrakkomanda wkoll li hija tappoġġja wkoll soluzzjonijiet ambjentali globali bħalma hi miżura globali bbażata fuq is-suq bil-għan li jiġu indirizzati l-emissjonijiet ta' CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali, u tappoġġja wkoll skemi reġjonali (bħal pereżempju, l-EU ETS tal-avjazzjoni) bil-għan li dawn jingħaqdu fi skema globali, l-ekoloġizzazzjoni tal-ajruporti (taxiing ekoloġiku) u mudelli ġodda ta' negozju (bħalma huma l-Kapaċità ta' Distribuzzjoni Ġdida (NDC) tal-IATA, l-awtokonnessjoni jew ħruġ ta' biljetti integrat);

5.  Jenfasizza t-telf ta' kompetittività ta' linji tal-ajru u ajruporti tal-UE vis-à-vis t-trasportaturi u l-ajruporti ssussidjati ta' pajjiżi terzi; jitlob, f'dan il-kuntest, politika proattiva biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fuq is-sjieda, u jħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri jtejbu l-infrastruttura nazzjonali tagħhom biex jippermettu lil-linji tal-ajru tagħhom jikkompetu fuq termini aktar favorevoli;

6.  Jiddeplora l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 868/2004 dwar il-protezzjoni kontra l-prattiki inġusti ta' pprezzar fis-settur tat-trasport bl-ajru fil-fatt ħareġ inadegwat u ineffikaċi f'dak li hu l-kamp ta' applikazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni toħroġ analiżi tal-kawżi tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tiegħu sa mhux aktar tard minn Novembru 2015; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament (KE) Nru 868/2004 bil-għan li tiġi salvagwardjata l-kompetizzjoni ġusta fir-relazzjonijiet esterni tal-avjazzjoni tal-UE u tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, il-kompetizzjoni inġusta tiġi pprevenuta b'mod aktar effettiv, tiġi żgurata r-reċiproċità u jiġu eliminati l-prattiki inġusti, inklużi s-sussidji u l-għajnuna mogħtija mill-istat lil-linji tal-ajru minn ċerti pajjiżi terzi li jġibu distorsjoni tas-suq; jenfasizza li l-għan għandu jkun li tittejjeb l-istrateġija politika fil-livell Ewropew sabiex dan il-konflitt jiġi riżolt malajr, prinċipalment abbażi tal-applikazzjoni ta' klawsola trasparenti ta' "kompetizzjoni ġusta";

7.  Jinnota li l-ajruporti Ewropej qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' pressjonijiet kompetittivi sinifikanti – kemm minn linji tal-ajru u kemm minn ajruporti li jikkompetu magħhom; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni sabiex dawn l-iżviluppi teħodhom f'kunsiderazzjoni meta tkun qed timplimenta d-Direttiva dwar l-Imposti tal-Ajruporti u tipprovdu benefiċċji għall-partijiet ikkonċernati u l-passiġġieri kollha;

8.  Jitlob li jsiru sforzi akbar fi ħdan il-Kunsill biex jiġi approvat ir-regolament tas-slots propost bil-għan li tittejjeb il-prestazzjoni tal-ajruporti u t-trasport bl-ajru fl-Ewropa jkun jista' jitħaddem bla xkiel, fil-kuntest li t-traffiku mistenni li jirdoppja sal-2030;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-ajruporti żgħar u dawk reġjonali fi ħdan l-Unjoni u r-rwol sinifikanti tagħhom biex tiġi żgurata l-koeżjoni fost ir-reġjuni tal-UE; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, tippreżenta pjan strateġiku fit-tul tal-UE biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet għal ajruporti reġjonali fi ħdan l-UE, peress li l-koeżjoni reġjonali għandha tkun parti mill-istrateġija tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi;

10.  Jenfasizza li n-negozjar ta' ftehimiet komprensivi dwar l-avjazzjoni mas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE għandu jkun għan strateġiku u li tali negozjati għandhom jiġu varati jew aċċellerati; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfittex mandati komprensivi mill-Istati Membri malajr kemm jista' jkun bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji tal-ajru u l-ajruporti Ewropej, tiżgura r-reċiproċità u tinkludi klawsola effettiva tal-kompetizzjoni ġusta;

11.  Jinnota li s-settur tat-trasport bl-ajru mhuwiex regolat fuq bażi dinjija peress li mhuwiex suġġett tad-WTO; jenfasizza l-importanza ta' regoli li jkun sar qbil dwarhom b'mod globali fi ħdan l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni u l-impatt fuq il-klima. jirrikonoxxi li l-ICAO hija impenjata favur l-iżvilupp ta' mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew permezz tal-adozzjoni tal-pakkett tal-SES2+, minħabba li l-frammentazzjoni attwali tal-ispazju tal-ajru Ewropew hija piż maġġuri fuq it-trasportaturi tal-ajru Ewropej;

13.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni jkun konsistenti mal-leġislazzjoni attwali u futura dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, u jħeġġeġ lill-Kunsill iressaq il-pożizzjoni tiegħu, peress li kemm il-passiġġieri kif ukoll it-trasportaturi tal-ajru huma mxennqa għaċ-ċarezza dwar ir-regoli;

14.  Jenfasizza li l-Ewropa għandha wieħed mis-swieq tal-avjazzjoni l-aktar liberalizzati fid-dinja u li l-kompetizzjoni m'għandhiex iddgħajjef l-istandards soċjali sabiex tikseb vantaġġi kompetittivi;

15.  Jistenna li l-Pakkett dwar l-Avjazzjoni se jkollu jagħmel dispożizzjoni għal leġiżlazzjoni sikura li hija direttament marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-avjazzjoni, peress li l-UE teħtieġ tuża l-firxa sħiħa ta' għodod interni u esterni disponibbli biex tiddefendi l-industrija Ewropea tal-avjazzjoni b'mod aktar effettiv kontra l-prattiki inġusti;

16.  Jitlob it-titjib u l-armonizzazzjoni tal-katina tas-sikurezza huwa billi tiġi attirata u miżmuma forza ta' ħaddiema b'ħiliet, b'livell għoli ta' taħriġ u li jħarsu 'l quddiem permezz ta' kundizzjonijiet tajba tax-xogħol;

17.  Jirrakkomanda li d-DĠ MOVE u d-DĠ EMPL jaħdmu flimkien u li Pakkett dwar l-Avjazzjoni jkun jinkludi dispożizzjonijiet soċjali, kif diskussi waqt il-konferenza ta' livell għoli bl-isem “Aġenda Soċjali għat-trasport” organizzata mill-Kummissjoni fis-4 ta' Ġunju 2015;

18.  Jirrakkomanda li jiġi definit il-kunċett ta' "post prinċipali ta' negozju" sabiex il-liċenzja ta' tħaddim tingħata minn stat jekk il-volum ta' trasport bl-ajru fih ikun sostanzjali u anke, fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi ta' sigurtà soċjali u d-dritt tax-xogħol, l-allinjament tad-definizzjoni ta' "Bażi tas-Servizz" skont ir-Regolament (UE) 83/2014 u r-Regolament (UE) 465/2012; jirrakkomanda wkoll it-taqsir tal-perjodu transitorju u l-kjarifika tas-sitwazzjoni tal-ekwipaġġi tal-ajru li jkollhom bażijiet ta' servizz multipli;

19.  Jirrakkomanda li l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija tiġi riveduta bil-għan li jiġu promossi l-impjiegi diretti bħala l-mudell standard u jiġi limitat l-użu ta' impjiegi atipiċi;

20.  Jissuġġerixxi miżuri għall-ġlieda kontra ż-żieda fil-prattiki kummerċjali soċjalment problematiċi bħalma huma l-“bnadar ta' konvenjenza” u l-użu ta' forom atipiċi ta' impjieg bħal pereżempju li dak li jkun ikollu mpjieg għal rasu fittizju, l-iskemi pay-to-fly, u kuntratti mingħajr sigħat stabbiliti; iqis li dawn għandhom jiġu projbiti għax dawn għandhom implikazzjonijiet potenzjali għas-sigurtà; jitlob għal definizzjoni riveduta tal-"post prinċipali tan-negozju" ta' kumpanija li tkun tirrikjedi li l-linji tal-ajru jagħtu evidenza ta' attivitajiet tal-avjazzjoni sostanzjali f'pajjiż;

21.  Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tal-programm SESAR li jeħtieġ kooperazzjoni mill-qrib fost il-Kummissjoni, il-fornituri tas-servizz tan-navigazzjoni tal-ajru, il-linji tal-ajru u l-ajruporti, kif ukoll l-impenn finanzjarju min-naħa tagħhom; jitlob għalhekk għal approċċ ta' sistema totali fl-oqsma kollha tal-avjazzjoni li jkopri l-fażijiet kollha tat-titjira ibda minn fuq l-art, bi rwol aktar b'saħħtu tal-EASA fi ħdan l-ambjent tas-SES-SESAR ta' sistema UE-EASA li tirregola s-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent u l-prestazzjoni;

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni li jiżdiedu r-responsabilitajiet tal-EASA u għalhekk jistenna li r-Regolament Bażiku (216/2008) emendat jiżgura l-istabbiliment ta' Sistema ta' Ġestjoni tas-Sikurezza komprensiva u li l-EASA tiġi fdata bl-aspetti ta' sikurezza tal-miżuri ta' sigurtà tal-UE u tat-trasport spazjali kummerċjali u tal-inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod; Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-EASA l-istatus ta' awtorità tal-avjazzjoni unika fl-Ewropa, skont il-firxa wiesgħa ta' responsabilitajiet li għandhom jiġu assenjati mil-leġiżlatur;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tal-EASA fix-xena internazzjonali u tiżgura r-rikonoxximent uffiċjali tagħha fi ħdan l-ICAO, sabiex tiġi stabbilita vuċi Ewropea unika li tkun tiżgura livell ogħla ta' sikurezza għaċ-ċittadini tal-UE madwar id-dinja, filwaqt li jiġu salvagwardjati l-kompetittività u l-esportazzjonijiet tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakli regolatorji għas-sorveljanza satellitari tat-traffiku tal-ajru sabiex tippermetti servizzi tas-salvataġġ tal-ħajja għaċ-ċittadini tal-UE, u jitlob lill-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni tagħmel l-allokazzjoni meħtieġ tal-ispettru, peress li l-ICAO identifikat l-ADS-B bis-satellita bħala dik it-teknoloġija li tista' tgħin it-traċċar tat-titjiriet, anke għal skopijiet ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM), barra miż-żoni l-aktar popolati, fejn forom oħra ta' teknoloġiji ta' sorveljanza ATM terrestri huma limitat; jenfasizza li tista' tkun ta' għajnuna għall-gvernijiet, il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (l-ANSPs) u l-linji tal-ajru fl-Ewropa u madwar id-dinja biex iżidu l-effiċjenza u l-kapaċità tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, u b'hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-avjazzjoni, u jtejbu b'mod sinifikanti s-sikurezza tal-avjazzjoni, u dan kollu filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-infrastruttura u filwaqt li l-ispazju tal-ajru Ewropew jingħatalu saff ieħor ta' sorveljanza li tista' żżid dik attwali;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri bil-għan li ttejjeb il-valutazzjoni medika tal-bdoti u l-proċeduri tas-sigurtà, tad-dħul u tal-ħruġ fir-rigward tal-bibien tal-kabina tal-pilota, wara l-valutazzjoni tar-riskju fir-rapport tat-Task Force tal-EASA;

26.  Jinsisti fuq "sigurtà bbażata fuq ir-riskju" għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija minflok miżuri bbażati fuq ir-reazzjoni, fuq approċċ ġust u bilanċjat għall-kwistjoni sensittiva tas-sikurezza tal-avjazzjoni sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-Istati Membri minn naħa waħda u tiġi evitata esperjenzi mhux sodisfaċenti għall-passiġġieri fl-ajruporti min-naħa l-oħra, u fuq it-tisħiħ tas-sistema ta' Servizz ta' Sigurtà tal-Avjazzjoni (AVSEC) u tas-sistema tal-Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Interessati dwar is-Sigurtà ta' l-Avjazzjoni (SAGAS) sabiex jinħolqu miżuri ta' sigurtà;; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, twettaq studju ta' fattibbiltà dwar l-implimentazzjoni ta' sistema ta' kontrolli minn qabel fl-Ewropa ekwivalenti għal dak li qiegħed isir fl-Istati Uniti;

27.  Jistieden lill-awtoritajiet baġitarji jżommu baġit kompetittiv għall-EASA li jkun iqis dawn ir-responsabilitajiet ġodda, bil-għan li ijkun hemm disponibbli għodod flessibbli u effikaċi għall-kumpaniji tat-trasport bl-ajru tal-UE biex dawn ikunu jistgħu jikkompetu fil-livell dinji; barra minn hekk, jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu s-sostenn finanzjarju pubbliku għas-sigurtà tal-avjazzjoni – kif isir normalment f'reġjuni oħra tad-dinja, inklużi l-Istati Uniti – bil-għan li jippermettu lill-ajruporti Ewropej jagħtu spinta lill-pożizzjoni kompetittiva tagħhom billi jnaqqsu l-imposti tal-ajruporti tagħhom;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet kollha msemmija hawn fuq fil-Pakkett Leġiżlattiv dwar l-Avjazzjoni tagħha li għandu jiġi ppreżentat sa tmiem l-2015;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali