Proċedura : 2015/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1351/2015

Testi mressqa :

B8-1351/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2015 - 11.12
CRE 16/12/2015 - 11.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0461

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 515kWORD 90k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1351/2015
9.12.2015
PE573.389v01-00
 
B8-1351/2015

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-1110/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2935(RSP))


Birgit Sippel, Péter Niedermüller, Tanja Fajon, Sylvie Guillaume, Ana Gomes, Iliana Iotova, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Juan Fernando López Aguilar, Soraya Post, Vilija Blinkevičiūtė, Hugues Bayet, Petra Kammerevert, Miltiadis Kyrkos, Andrejs Mamikins, Emilian Pavel, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Elly Schlein, Daniele Viotti, Evelyne Gebhardt, Sergio Gutiérrez Prieto, Nikos Androulakis, Nicola Danti, Patrizia Toia, Miroslav Poche, Nicola Caputo, Demetris Papadakis, Elena Valenciano, Viorica Dăncilă, Costas Mavrides, Momchil Nekov, Isabella De Monte, Flavio Zanonato, Marc Tarabella, Edouard Martin, Eric Andrieu, Victor Boştinaru, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Maria Grapini, Tibor Szanyi, Brando Benifei, Miapetra Kumpula-Natri, Eva Kaili, Julie Ward f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2935(RSP))  
B8-1351/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni inċiż u mir-raba' sas-seba' inċiż tiegħu,

–  wara li kkunsidra b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3(3), it-tieni inċiż, 6 u 7 tat-TUE, kif ukoll l-artikoli tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-liġi tal-media fl-Ungerija(1) u tal-5 ta' Lulju 2011 dwar il-Kostituzzjoni Ungeriża Riveduta(2),

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-6 ta' Marzu 2013 mibgħuta mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, tan-Netherlands, tad-Danimarka u tal-Finlandja lill-President tal-Kummissjoni, José Manuel Barroso, li fiha jagħmlu appell għal mekkaniżmu biex titrawwem il-konformità mal-valuri fundamentali fl-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija(3),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu fil-plenarja tat-21 ta' Ottubru 2014 dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill u tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar l-iżgurar tar-rispett tal-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ tal-Kumitat għal-Libertajiet, il-Ġustizzja u l-Intern tat-22 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Novembru 2015 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa wara ż-żjara tiegħu fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata waqt id-dibattitu fil-plenarja li sar fil-Parlament fit-2 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-Att Ungeriż CXL tal- 2015 dwar l-immigrazzjoni tal-massa,

–  wara li kkunsidra l-Att Ungeriż CXLII tal-2015 dwar il-protezzjoni effiċjenti fil-fruntieri tal-Ungerija u dwar l-immigrazzjoni tal-massa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 36/2015 tal-Parlament Ungeriż dwar messaġġ lill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, adottat fit-22 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni tar-Raba' Emenda tal-Liġi Fundamentali tal-Ungerija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1941 (2013) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar talba għall-ftuħ ta' proċedura ta' monitoraġġ rigward l-Ungerija, ir-riżoluzzjoni ta' segwitu 2064 (2015) tagħha u r-riżoluzzjoni 2035 (2015) dwar il-protezzjoni tas-sikurezza tal-ġurnalisti u l-libertà tal-media fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 (O-000140/2015 – B8-1110/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (l-Artikolu 2 tat-TUE);

B.  billi nfiq pubbliku bil-għaqal u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE għandhom ikunu elementi ewlenin tal-politika tal-UE mmirati biex tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini billi tiżgura li l-flus tagħhom jintużaw b'mod korrett, effiċjenti u effikaċi;

C.  billi l-mod li bih jiġi implimentat l-istat tad-dritt fil-livell nazzjonali jiżvolġi rwol ewlieni fl-iżgurar tal-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u s-sistemi ġuridiċi tagħhom, u b'hekk huwa ta' importanza vitali biex jinħoloq spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, kif deskritt fl-Artikolu V tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);

D.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

E.  billi d-dritt għall-asil huwa garantit, fir-rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-rifuġjati u b'konformità mat-TUE u t-TFUE;

F.  billi l-iżviluppi reċenti fl-Ungerija qajmu tħassib dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fil-pajjiż, partikolarment fir-rigward tal-libertà u tal-pluraliżmu tal-media, tal-ġlieda kontra l-intolleranza u d-diskriminazzjoni, tad-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti, tal-applikanti għall-asil u tar-rifuġjati, tal-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, tal-libertà tal-edukazzjoni u tar-riċerka akkademika, tat-trattament indaqs tar-reliġjon u tat-twemmin, tar-restrizzjonijiet u tal-ostakli għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tad-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, inklużi r-Rom u l-persuni LGBTI, tal-indipendenza tal-ġudikatura u tal-ħafna allegazzjonijiet preokkupanti ta' korruzzjoni u ta' kunflitt ta' interessi li jimminaw l-istat tad-dritt;

G.  billi f'Lulju u f'Settembru 2015 il-Parlament Ungeriż adotta għadd ta' emendi marbuta, partikolarment, mal-liġi dwar l-asil, il-kodiċi penali, il-liġi dwar il-proċedura kriminali, il-liġi dwar il-fruntieri, il-liġi dwar il-pulizija u l-liġi dwar id-difiża nazzjonali; billi l-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni żvelat għadd ta' tħassib gravi fir-rigward tal-kompatibilità ta' tali emendi mad-dritt tal-UE u tal-impatt tagħhom fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-migranti, partikolarment għal dak li hu l-prinċipju ta' non-refoulement; billi fis-6 ta' Ottubru 2015 il-Kummissjoni bagħtet ittra amministrattiva lill-Gvern Ungeriż; billi l-Gvern Ungeriż wieġeb din l-ittra fl-4 ta' Novembru 2015;

H.  billi, fid-dikjarazzjoni tagħha mressqa fid-dibattitu fil-plenarja li sar fil-Parlament Ewropew fit-2 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet lesta tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi proċedimenti ta' ksur, biex tiżgura li l-Ungerija – u, bħalha, kwalunkwe Stat Membru ieħor – tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-dritt tal-UE u tirrispetta l-valuri tal-Unjoni kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi l-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt fir-rigward tal-Ungerija mhumiex sodisfatti f'din il-fażi;

1.  Itenni l-pożizzjoni li esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija;

2.  Ifakkar li vjolazzjoni gravi min-naħa ta' Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jkun jattiva l-proċedura tal-"Artikolu 7";

3.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-modifiki leġiżlattivi adottati dan l-aħħar fil-qasam tal-migrazzjoni, tal-asil u tal-liġi dwar il-fruntieri; jiddispjaċih bis-sensiela ta' miżuri li ttieħdu ta' malajr f'dawn l-aħħar xhur u li għamlu l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali estremament diffiċli, jekk mhux impossibbli, u kkriminalizzaw b'mod inġustifikat lill-migranti u lil dawk li jfittxu l-asil; jenfasizza t-tħassib tiegħu rigward ir-rispett tal-prinċipju ta' non-refoulement; itenni t-tħassib tiegħu fir-rigward tar-rikors dejjem aktar spiss għad-detenzjoni tal-persuni li jfittxu asil u l-użu ta' retorika ksenofoba li torbot lill-migranti mal-problemi soċjali jew mar-riskji għas-sigurtà, b'hekk l-integrazzjoni tal-ftit migranti li jinsabu fil-pajjżi ssir saħansitra aktar problematika;

4.  Jemmen li l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt tal-UE fil-prassi leġiżlattiva u amministrattiva tagħhom, u li kwalunkwe leġiżlazzjoni, inkluża d-dritt primarju ta' kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż kandidat, trid tirrifletti u tkun taqbel mal-valuri bażiċi Ewropej, jiġifieri l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

5.  Jiddeplora n-nuqqas ta' reazzjoni min-naħa tal-Kunsill għall-iżviluppi fl-Ungerija; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew jorganizzaw diskussjoni u jadottaw konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija;

6.  Jinnota li l-iżviluppi kostituzzjonali, ġuridiċi u politiċi taw lok għal tħassib dwar il-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali fl-Ungerija tul dawn l-aħħar snin, li tali żviluppi, meħuda flimkien, jistgħu jirrappreżentaw theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru; jemmen li l-Ungerija hija test għall-UE biex turi l-kapaċità u r-rieda tagħha li tirreaġixxi għat-theddid u għall-vjolazzjoni tal-valuri bażiċi tagħha stess min-naħa ta' Stat Membru; jiddispjaċih li l-assenza ta' azzjoni min-naħa tal-UE setgħet għenet żviluppi analogi f'ċerti Stati Membri oħrajn, bħall-Polonja, fejn jeżistu sinjali preokkupanti, simili għal dawk fl-Ungerija, li juru li l-istat tad-dritt huwa kompromess;

7.  Jiddispjaċih li, fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi fl-Ungerija, il-Kummissjoni, il-gwardjan tat-Trattati, għadha ma tqisx li l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt huma sodisfatti;

8.  Josserva li l-proċeduri ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni kontra l-Gvern Ungeriż jirrappreżentaw passi fid-direzzjoni t-tajba; ifakkar, madankollu, li minkejja li l-proċeduri ta' ksur huma strument importanti biex jiġi ttrattat it-tħassib relatat mal-istat tad-dritt, huma kisbu riżultati limitati inkwantu l-Kummissjoni tista' biss tniedi tali proċeduri fil-każijiet meta l-ksur jikkostitwixxi vjolazzjoni ta' dispożizzjoni speċifika tad-dritt tal-UE, u għaldaqstant mhux dejjem jistgħu jsibu rimedju effikaċi għall-vjolazzjonijiet sistematiċi tal-valuri fundamentali, kif ġibed l-attenzjoni l-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tattiva l-ewwel fażi tal-qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u għalhekk tagħti immedjatament bidu għall-proċess ta' monitoraġġ dettaljat dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, billi tivvaluta l-vjolazzjoni gravi u sistemika tal-valuri li fuqhom tissejjes l-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż l-impatt kombinat ta' għadd ta' miżuri li jimminaw l-istat tad-demokrazija, l-istati tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u tevalwa t-theddid sistemiku emerġenti fil-konfront tal-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru li jaf jevolvi f'riskju ċar ta' vjolazzjoni gravi fi ħdan is-sens tal-Artikolu 7 tat-TUE;

10.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għall-ħolqien ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, bħala strument għall-konformità mal-Karta u mat-Trattati, kif ukoll għall-eżekuzzjoni tagħhom, kif iffirmati mill-Istati Membri kollha, fuq il-bażi ta' indikaturi komuni u oġġettivi, u twettaq valutazzjoni annwali imparzjali tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri kollha, indiskriminatament u fuq bażi ugwali, bl-involviment ta' evalwazzjoni min-naħa tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, flimkien ma' mekkaniżmi vinkolanti u korrettivi xierqa, bil-għan li jimlew il-lakuni eżistenti u jippermettu reazzjoni awtomatika u gradwali għall-vjolazzjoni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali fil-livell tal-Istati Membri;

11.  Jitlob li jinħoloq Uffiċċju Ewropew tal-Prosekutur Pubbliku b'saħħtu u indipendenti biex jiġġieled il-frodi kontra l-baġit Ewropew u l-approprjazzjoni indebita tal-fondi Ewropej, inkluż fl-Ungerija; josserva d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 li tissospendi diversi kuntratti fi tmien programmi ta' finanzjament tal-UE minħabba l-użu ta' kriterju tal-għażla restrittiv iżżejjed fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku fl-Ungerija; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-investigazzjonijiet kollha u tagħmel użu sħiħ mill-għodod leġiżlattivi eżistenti kollha, bil-għan li tiżgura l-użu trasparenti u xieraq tal-fondi tal-UE fl-Ungerija abbażi tad-dritt tal-UE;

12.  Jilqa' pożittivament ir-reġistrazzjoni ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej min-naħa tal-Kummissjoni fit-30 ta' Novembru 2015 li tagħmel appell lill-Kummissjoni tattiva l-Artikolu 7 tat-TUE u tressaq il-kwistjoni Ungeriża quddiem il-Kunsill; jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex jabbozza rapport speċifiku dwar l-Ungerija f'konformità mal-Artikolu 83(1)(a) tar-Regoli ta' Proċedura, bil-għan li tiġi adottata proposta motivata li tistieden lill-Kunsill jaġixxi skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE u tkun iddeterminata l-eżistenza ta' riskju ċar ta' vjolazzjoni gravi tal-valuri min-naħa ta' Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 2 tat-TUE;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

 

(1)

ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 154.

(2)

ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 17.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0315.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0227.

Avviż legali