Proċedura : 2015/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1352/2015

Testi mressqa :

B8-1352/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0474

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 423kWORD 85k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1348/2015
9.12.2015
PE573.394v01-00
 
B8-1352/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2973(RSP))


Maria Heubuch, Heidi Hautala, Bodil Valero, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2973(RSP))  
B8-1352/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi tat-28 ta' Awissu 2000,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Burundi u b'mod partikolari l-Artikolu 96 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 2248 (2015) tat-12 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta' Novembru 2015 mill-Viċi Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Jan Eliasson, il-President tal-Unjoni Afrikana, Nkosazana Dlamini-Zuma, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (UA) tat-13 ta' Ġunju, tas-17 ta' Ottubru u tat-13 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant fil-31 ta' Mejju u fis-6 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tas-17 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015 li jikkonċerna l-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu, tat-18 ta' Mejju, tat-22 ta' Ġunju u tas-16 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi(2),

–  wara li kkunsidra l-ittra approvata mill-Kunsill fis-26 ta' Ottubru 2015 li titlob li jinfetħu l-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Burundi għandu storja reċenti ta' gwerra ċivili, vjolenza politika mifruxa, sottożvilupp u faqar;

B.  billi l-President Pierre Nkurunziza beda t-tielet mandat presidenzjali, b'ħafna jgħidu li dan imur kontra l-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi;

C.  billi t-tħabbira tal-kandidatura tiegħu u ż-żmien ta' qabel l-elezzjonijiet kienu jikkonċidu mal-oppressjoni serja tal-oppożizzjoni tal-Burundi, tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, tal-atturi tas-soċjetà ċivili u l-midja, inkluż il-qtil tal-mexxej tal-oppożizzjoni Zedi Feruzi;

D.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali, leġiżlattivi u lokali fil-Burundi saru f’Ġunju u f’Lulju 2015, u t-tnejn ġew ibbojkottjati mill-oppożizzjoni; billi l-Unjoni Afrikana (UA) u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra qiesu li dawn l-elezzjonijiet ma kinux liberi u ġusti, minħabba diversi każijiet ta' oppressjoni tal-oppożizzjoni;

E.  billi l-Gvern tal-Burundi injora d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adotatti mill-UA u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) fit-13 ta' Ġunju 2015 u s-6 ta' Lulju 2015 rispettivament, li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom kieku kienet twitti t-triq lejn elezzjonijiet kredibbli u inklużivi;

F.  billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), il-ġlied bejn il-pulizija u l-attivisti tal-oppożizzjoni u bejn gruppi armati ħasdu l-ħajja ta' 200 persuna mis-26 ta' April 2015 'l hawn, b'terz minn dawn f'Ottubru biss;

G.  billi gruppi ta' żgħażagħ armati b'rabtiet mal-partit fil-gvern iwerwru u jheddu b'mod sistematiku lil dawk il-persuni li huwa mifhum li jappoġġaw lill-oppożizzjoni jew li jikkritikaw lill-gvern;

H.  billi qtil immirat qed iseħħ fuq bażi regolari; billi kien hemm attentat ta' qtil fuq il-Kap tal-Persunal tal-armata tal-Burundi; billi individwu qrib ħafna tal-President Nkurunziza li huwa wkoll ġeneral magħruf tal-Burundi nqatel f'attakk b'rokit fuq il-karozza tiegħu fil-belt kapitali Bujumbura; billi forzi tal-pulizija kienu fil-mira u nqatlu; billi ġie rrappurtat li tal-anqas disa' ċivili nqatlu mill-unità tal-pulizija API fit-13 ta' Ottubru 2015;

I.  billi, skont in-NU, aktar minn 200 000 Burundjan ġew spustati internament minħabba l-vjolenza li għaddejja jew ħarbu lejn pajjiżi ġirien;

J.  billi fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar hemm riskju kbir li l-kunflitti interni jinfirxu lejn pajjiżi ġirien;

K.  billi bosta vuċijiet prominenti li esprimew kritika marru fl-eżilju, u lkoll ġew mhedda wara li tkellmu kontra t-tielet mandat tal-President Nkurunziza;

L.  billi politiċi ewlenin irrikorrew għad-diskors ta' mibegħda etnika, f'reġjun li għadu affettwat mill-ġenoċidju tar-Rwanda tal-1994;

M.  billi uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti indikaw riskju ta' ġenoċidju fil-Burundi;

N.  billi l-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (AUPSC) appella sabiex jitkompla kemm jista' jkun malajr il-proċess ta' medjazzjoni taħt it-tmexxija tal-President Yoweri Museveni tal-Uganda u biex il-Gvern tal-Burundi u l-partijiet interessati kkonċernati l-oħra kollha jikkooperaw bis-sħiħ mal-medjatur; billi l-AUPSC impona sanzjonijiet immirati kontra dawk kollha li qed jikkontribwixxu għall-vjolenza u li qed jimpedixxu li tissolva din il-kriżi, u ddeċieda li jniedi investigazzjoni dettaljata dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi oħra kontra ċ-ċivili fil-Burundi u li jsejjaħ osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u esperti militari addizzjonali; billi l-AUPSC ħeġġeġ lill-UA tħaffef u tiffinalizza l-ippjanar ta' kontinġenza għal sejħa possibbli ta' missjoni mmexxija mill-Afrika għall-prevenzjoni tal-vjolenza;

O.  billi fit-30 ta' Novembru 2015 is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Ban Ki Moon għamel tliet proposti lill-Kunsill tas-Sigurtà, fejn irrakkomanda reviżjoni tal-mandat tal-preżenza tan-NU fil-Burundi abbażi tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni, bil-għan li jkun hemm possibbiltà għal missjoni ta' żamma tal-paċi f'każ li l-kriżi tmur għall-agħar;

P.  billi l-UE appellat għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, b'segwitu għan-nuqqas ta' konformità min-naħa tal-Burundi mal-elementi essenzjali tal-ftehim, jiġifieri d-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt; billi dawn il-konsultazzjonijiet bdew fit-8 ta' Diċembru 2015;

Q.  billi l-UA, l-UE u l-Istati Uniti imponew iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-ivvjaġġar fuq il-mexxejja tal-gvern u tal-oppożizzjoni, li l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħhom jikkontribwixxu biex tkompli l-vjolenza u jostakolaw is-sejbien ta' soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Burundi;

R.  billi, permezz tad-Digriet 530/1597, l-awtoritajiet tal-Burundi ssospendew l-attivitajiet ta' 10 organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri ACAT-Burundi, APRODH, AMINA, FOCODE, FORSC, Fontaine-ISOKO, Maison Shalom, PARCEM, RCP u SPPDF, u mblukkaw il-kontijiet bankarji tagħhom;

1.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi, li għal darb'oħra hemm il-periklu li twassal għal gwerra ċivili u għal aktar instabilità għar-reġjun diġà instabbli tal-Lagi l-Kbar; jistieden lill-Gvern tal-Burundi, lill-forzi tas-sigurtà u lill-forzi tal-oppożizzjoni biex iżommu l-moderazzjoni kemm jista' jkun;

2.  Iqis li l-President Nkurunziza huwa primarjament responsabbli għad-deterjorament serju tas-sitwazzjoni politika fil-Burundi, u jistiednu jidħol immedjatament fi djalogu serju mal-forzi tal-oppożizzjoni fil-Burundi sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali; tali soluzzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha u tikkonforma mal-Kostituzzjoni tal-Burundi;

3.  Iqis li l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali li saru f'Ġunju u f'Lulju 2015 ma kinux liberi u ġusti, u li l-awtoritajiet tal-Burundi ostakolaw sistematikament il-kampanji tal-forzi tal-oppożizzjoni billi impedixxew id-dimostrazzjonijiet pubbliċi u heddew lill-politiċi tal-oppożizzjoni u lill-atturi tas-soċjetà ċivili, fatt li wassal għal bosta każijiet ta' tluq f'eżilju;

4.  Jikkundanna l-oppressjoni akuta kontra l-forzi tal-oppożizzjoni fil-Burundi, it-terrur li qed jinfirex mill-milizzja żagħżugħa tal-partit Imbonerakure li jinsab fil-gvern, u t-trażżin tal-midja indipendenti;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi jiżguraw li dawn l-avvenimenti jiġu investigati kompletament, u li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; jilqa' t-twaqqif, min-naħa tal-Avukat Ġenerali tal-Burundi, ta' kummissjoni ta' inkjesta li tinvestiga l-qtil tal-API tat-13 ta' Ottubru 2015;

6.  Jikkundanna l-qtil tal-Ġeneral Adolphe Nshimirimana, l-attentat ta' qtil tal-Prim Ġeneral Niyongabo, u l-attakki u l-qtil imwettqa mill-forzi tas-sigurtà tal-Burundi;

7.  Jappella għad-diżarm immedjat tal-milizzja ta' Imbonerakure;

8.  Ifakkar fl-obbligi tal-Burundi taħt il-Ftehim ta' Cotonou għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-valuri demokratiċi u l-istat tad-dritt; ifakkar li tali drittijiet huma stabbiliti wkoll fil-Kostituzzjoni tal-Burundi;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Burundi jirrispettaw u jħarsu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha tal-Burundi, inkluża l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-għaqda ta' sostenituri tal-oppożizzjoni, li jilliberalizzaw il-midja mingħajr dewmien, li jħallu lill-mexxejja tal-oppożizzjoni li jinsabu f'eżilju jirritornaw lejn pajjiżhom, li jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha mingħajr kundizzjonijiet, u li jtemmu l-fastidju fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-AUPSC li jniedi investigazzjoni dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, u li jimponi sanzjonijiet immirati kontra dawk li jikkontribwixxu biex tiżdied il-vjolenza fil-pajjiż; jilqa' t-talba tiegħu għal ippjanar ta' kontinġenza ta' missjoni possibbli għaż-żamma tal-paċi mmexxija mill-Afrika biex tiġi evitata l-vjolenza, u jistieden lis-SEAE janalizza kif jista' jappoġġa tali missjoni;

11.  Jilqa' l-fatt li l-UA sejħet osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u esperti militari biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jenfasizza l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni magħhom sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-mandat tagħhom; jistieden barra minn hekk lill-Qorti Kriminali Internazzjonali biex, fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħha, tinvestiga l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem li twettaq matul il-kriżi reċenti;

12.  Jilqa' l-bidu tal-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou u l-adozzjoni ta' restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi għaċ-ċittadini tal-Burundi mill-UA, l-UE u l-Istati Uniti;

13.  Jilqa' u jappoġġa l-isforzi ta' medjazzjoni min-NU, l-UA u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, u jitlob li dawn jiġu intensifikati;

14.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-eżodu kontinwu ta' rifuġjati lejn il-pajjiżi ġirien, u jtenni l-appoġġ tiegħu għall-organizazzjonijiet umanitarji li jinsabu fir-reġjun;

15.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li fil-Burundi reġa' tfaċċa mill-ġdid id-diskors ta' mibegħda, u jistieden lill-atturi jkunu moderati;

16.  Jappella li jiġi rtirat id-Digriet 530/1597 li jipprevedi s-sospensjoni provviżorja tal-attivitajiet ta' 10 organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li jitneħħa immedjatament l-iffriżar fuq il-kontijiet tal-bank tagħhom, sabiex dawn l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw liberament l-attivitajiet tagħhom;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi u lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-gvernijiet tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.

 

(1)

ĠU L 257, 2.10.2015, p. 1.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0275.

Avviż legali