Proċedura : 2015/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1353/2015

Testi mressqa :

B8-1353/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0474

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 428kWORD 86k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1348/2015
9.12.2015
PE573.395v01-00
 
B8-1353/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2973(RSP))


Mariya Gabriel, Davor Ivo Stier, Cristian Dan Preda, Bogdan Brunon Wenta, Michael Gahler, Maurice Ponga, Joachim Zeller, Eleni Theocharous, Kinga Gál, Anna Záborská, Fernando Ruas, Elisabetta Gardini, Lorenzo Cesa, Lara Comi, József Nagy, Ramón Luis Valcárcel Siso f'isem il-Grupp PPE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2973(RSP))  
B8-1353/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 2248 (2015) tat-12 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta’ Novembru 2015 mill-Viċi Segretarju Ġenerali tan-NU, Jan Eliasson, il-President tal-Unjoni Afrikana, Nkosazana Dlamini-Zuma, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (KPSUA) tat-13 ta’ Ġunju, tas-17 ta' Ottubru u tat-13 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tal-24 ta' Ottubru 2015 tat-Tim tal-Mibgħuta Internazzjonali għar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar tal-Afrika b'appoġġ tal-communiqué tal-KPSUA dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija lokali tal-UE tad-9 ta' Ottubru 2015 dwar il-kriżi politika u ta' sigurtà fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar il-miżuri ristrettivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi(1),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tat-23 ta' Lulju 2015 tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, b'segwitu tal-elezzjoni presidenzjali fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-7 ta' Lulju 2015 tas-Segretarju Ġenerali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tan-NU fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-24 ta' Ġunju 2015 tal-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari tal-AKP dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tas-26 ta' Ġunju 2015 tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu, it-18 ta' Mejju, it-22 ta' Ġunju u tas-16 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa mill-Kapijiet ta' Stat tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant fil-31 ta' Mejju 2015 f'Dar es Salaam, it-Tanzanija,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Burundi u partikolarment l-Artikolu 96 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni tal-Burundi u l-Artikolu 7(3) tal-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni jistipula li president jista' jibqa' fil-kariga għal żewġ manadati biss; billi l-President Pierre Nkurunziza ilu fil-kariga sa mill-2005, peress li ġie elett mill-ġdid fl-2010 f'elezzjoni li ġiet ibbojkottjata mill-oppożizzjoni wara li din akkużat lill-gvern b'intimidazzjoni;

B.  billi l-President Nkurunziza ħabbar, fis-26 ta' April 2015 li kien se jikkontesta għat-tielet mandat, biex b'hekk xeħet lill-pajjiż fl-iktar kriżi politika profonda sa minn tmiem il-gwerra ċivili; billi l-pulizija użaw forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, li rriżultat f'ħafna mwiet; billi fit-28 ta' Mejju 2015 l-UE ssospendiet il-missjoni elettorali peress li ma ntlaħqux l-kondizzjonijiet minimi aċċettabbli biex jitwettqu elezzjonijiet demokratiċi; billi Pierre Nkurunziza kien elett mill-ġdid fis-26 ta' Awwissu 2015 wara proċess elettorali li ġie meqjus bħala mhux inklussiv u mhux kredibli mill-komunità internazzjonali;

C.  billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) mill-anqas 198 persuna nqatlu sa minn April 2015, inkluż l-eżekuzzjoni sommarja ta' disa' ċivili fit-13 ta' Ottubru 2015 fil-viċinat ta' Bujumbura ta' Ngarara, allegatament minn membri tal-pulizija; billi wara talba mis-Segretarju Ġenerali tan-NU, l-Avukat Ġenerali tal-Burundi stabbilixxa kumitat ta' inkjesta;

D.  billi hu stmat li aktar minn 200 000 persuna ħarbu mill-Burundi u qed ifittxu rifuġju fil-pajjiżi ġirien; billi f'Lulju 2015, minħabba s-sitwazzjoni umanitarja li qed tmur għall-agħar fil-pajjiż, l-UE saħħet l-assistenza umanitarja tagħha u mmobilizzat EUR 4.5 miljun aaddizzjonali għall-benefiċċju tal-popolazzjonijiet spustati;

E.  billi l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem indikaw iż-żieda dejjem akbar ta' vjolenza b'motivazzjoni politika u l-impunità fil-pajjiż, sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem li qed tiggrava b'mod serju, b'eżekuzzjonijiet sommarji u extraġudizzjarji, arresti u detenzjonijiet arbitrarji, inkluż dawk ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, atti ta' tortura, theddid u intimidazzjoni, prinċipalment mill-awtoritajiet governanti; billi l-ebda wieħed minn dawn l-atti mhu qed jiġi investigat u l-anqas min wettaqhom mhu qed jittella' l-qorti;

F.  billi f’dawn l-aħħar ġimgħat il-gvern kien qed ikompli jinforza l-ħakma tiegħu fuq il-midja u l-gazzetti indipendenti; billi bosta ġurnalisti ġew imsawta b'mod serju mill-pulizija u sofrew fastidju ġudizzjarju; billi fit-23 ta’ Novembru 2015 il-Ministeru tal-Intern tal-Burundi għalaq l-attivitajiet tal-gruppi tas-soċjetà ċivili u tal-NGOs ewlenin;

G.  billi l-Burundi kien wieħed mill-ewwel pajjiżi li daħal f’ċiklu elettorali fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar, flimkien mar-Rwanda u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u għalhekk kien mistenni li jservi ta' eżempju għar-rispett tal-ordnijiet internazzjonali u kostituzzjonali li hu meħtieġ għad-demokratizzazzjoni sostenibbli, il-paċi u l-iżvilupp fir-reġjun;

H.  billi l-Unjoni Afrikana dan l-aħħar nediet investigazzjoni dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi u għamlet appell għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet immirati; billi kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Uniti adottaw sanzjonijiet immirati u individwali;

I.  billi fis-26 ta’ Ottubru 2015 l-UE talbet il-ftuħ ta’ konsultazzjonijiet skont l- Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou, biex tinvestiga n-nuqqas ta’ rispett tal-elementi essenzjali tal-Ftehim, partikolarment id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt;

J.  billi l-istaġnar politiku fil-Burundi u s-sitwazzjoni tas-sigurtà u dik ekonomika li sejra għall-agħar qed joħolqu konsegwenzi serji fuq il-popolazzjoni u jirrappreżentaw riskju għall-istabilità tar-reġjun kollu kemm hu;.

K.  billi l-komunità internazzjonali għandha rwol sinifikanti fir-reġjun bħala l-garanti l-Ftehimiet ta’ Arusha; billi s’issa, madankollu, l-isforzi reġjonali u sotto-reġjonali kollha mmirati biex jindirizzaw il-kriżi u jirrestawraw id-djalogu bejn il-forzi politiċi kollha ma ħallewx ir-riżultati mistennija;

L.  billi, fl-1 ta’ Awwissu 2015 membri tal-oppożizzjoni politika u l-gruppi tas-soċjetà ċivili ltaqgħu f’Addis Ababa biex joħolqu l-Kunsill Nazzjonali għar-Restawr tal-Ftehimiet ta' Arusha u l-Istat tad-Dritt;

M.  billi fit-23 ta’ Settembru 2015 il-President Nkurunziza iffirma digriet għall-ħolqien ta’ Kummissjoni Nazzjonali għad-Djalogu Inter-Burundian biex tmexxi n-negozjati għal sitt xhur; billi s-soċjetà ċivili esprimiet xettiċiżmu qawwi fir-rigward tal-kisbiet potenzjali ta’ din il-Kummissjoni;

N.  billi fil-31 ta’ Novembru 2015, f’ittra lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li appellat għal miżuri għall-prevenzjoni tal-atroċitajiet tal-massa fil-Burundi, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki Moon, elenka tliet possibilitajiet ta' intervent fil-pajjiż, inkluża l-possibilità ta' operazzjoni għaż-żamma tal-paċi;

O.  billi l-UE tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-baġit annwali tal-Burundi, b'madwar nofs il-baġit annwali ġej mill-għajnuna internazzjonali, u reċentement allokat EUR 432 miljun lill-Burundi — wieħed li l-ifqar pajjiżi fid-dinja — mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020;

P.  billi l-attakki kontra persunal umanitarju qed jiżdiedu;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward is-sitwazzjoni gravi tas-sigurtà u politika fil-Burundi, kif ukoll is-sitwazzjoni umanitarja li qed tiddeterjora b’mod rapidu fil-pajjiż; jitlob għall-waqfien immedjat tal-vjolenza u l-intimidazzjoni politika tal-avversari u d-diżarm immedjat tal-gruppi armati kollha alleati ma' partiti politiċi; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi;

 

2.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Burundi dwar l-obbligi tagħhom biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali, kif stipulat fil-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe użu ta’ forza kontra dimostranti paċifiċi u mhux armati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-pulizija u minn uffiċjali tal-Istat, u biex min huwa responsabbli jagħti kont ta’ għemilu; jappella lill-awtoritajiet tal-Burundi jieħdu l-miżuri neċessarji kollha għad-demilitarizzazzjoni tal-gruppi armati kollha f'kuntest ta' rispett strett tad-dritt internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-preżenza ta’ ħafna żgħażagħ fi ħdan dawn il-gruppi armati, u għalhekk jitlob approċċ speċifiku fil-każ tagħhom u fuq il-komunità internazzjonali biex tipprovdi appoġġ għall-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom sabiex tippromwovi l-parteċipazzjoni tagħhom fi proċess politiku paċifiku;

4.  Jitlob lill-gvern tal-Burundi jkompli l-proċess ta’ demokratizzazzjoni fil-pajjiż u biex jirrispettaw, jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini tagħha u biex jirrispetta l-libertajiet fundamentali, b’mod partikulari l-libertà tal-espressjoni;

5.  Jenfasizza, għal darb'oħra, li huwa biss permezz ta' djalogu u kunsens, bil-parteċipazzjoni tal-Gvern tal-Burundi, tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili bi qbil mal-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, li tista' tinstab soluzzjoni politika dejjiema fl-interess tas-sigurtà għall-poplu kollu tal-Burundi; jilqa’ u jappoġġa, għalhekk, l-isforzi ta’ medjazzjoni mwettqa mill-UA, mill-Komunità Afrikana tal-Lvant (EAC) u min-NU, kif ukoll mill-Konsulent Speċjali tan-NU għall-Burundi maħtur dan l-aħħar; jistieden lill-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u l-medjatur biex jagħtu attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni tan-nisa u l-inklużjoni tagħhom fid-djalogu politiku u fir-ritorn għall-kalma;

6.  Ifakkar li s-sħubija tal-UE mal-Burundi hija rregolata bil-Ftehim ta' Cotonou, u li l-partijiet kollha huma marbuta li jirrispettaw u jimplimentaw it-termini ta' dak il-Ftehim, b'mod partikolari r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jinnota li l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 96 turi wkoll l-impenn tal-UE, mhux biss lejn id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, iżda wkoll lejn il-poplu Burundjan;

7.  Jilqa’ l-iskjerament mill-UA ta’ osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u esperti militari biex jissorveljaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jenfasizza l-importanza li tikoopera magħhom sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-mandat tagħhom; jistieden lill-UA u lin-NU jikkunsidraw l-iskjerament ta’ missjoni għaż-żamma tal-paċi jekk is-sitwazzjoni tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi tkompli tiggrava;

8.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fluss dejjem akbar ta’ rifuġjati mill-Burundi fil-pajjiżi ġirien; itenni l-appoġġ u s-solidarjetà tiegħu mal-organizzazzjonijiet umanitarji kollha li joperaw fuq il-post, kif ukoll mal-pajjiżi ospitanti ġirien; jilqa’ b’sodisfazzjon, għalhekk, l-impenn tal-UE biex iżżid l-appoġġ finanzjarju u l-għajnuna umanitarja sabiex tindirizza l-bżonnijiet urġenti ta’ dawn il-popolazzjonijiet;

9.  Jistieden lill-UA u lill-UE jqisu b'mod serju id-dimensjoni reġjonali u jevitaw kwalunkwe distabilizzazzjoni ulterjuri tar-reġjun, b’mod partikolari billi jinżamm djalogu politiku permanenti bejn il-pajjiżi tar-reġjun, mhux biss fuq livell statali iżda wkoll bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u fuq il-livelli amministrattivi u politiċi;

10.  Itenni l-appoġġ tiegħu għal sanzjonijiet immirati approvati mill-UE, f’konformità mad-deċiżjonijiet li saru min-naħa tal-UA u n-NU, b’reazzjoni għad-deterjorazzjoni tal-istat tad-dritt u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Gvern tal-Burundi, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar, lill-Unjoni Afrikana, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan.

 

(1)

ĠU L 257, 2.10.2015, p. 1.

Avviż legali