Proċedura : 2015/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1356/2015

Testi mressqa :

B8-1356/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0474

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 431kWORD 86k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1348/2015
9.12.2015
PE573.398v01-00
 
B8-1356/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2973(RSP))


Lola Sánchez Caldentey, Marie-Christine Vergiat, Eleonora Forenza, Barbara Spinelli, Patrick Le Hyaric, Matt Carthy, Martina Anderson, Lynn Boylan, Liadh Ní Riada, Malin Björk, Jiří Maštálka, Estefanía Torres Martínez, Xabier Benito Ziluaga, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Kateřina Konečná f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2973(RSP))  
B8-1356/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou u l-klawsola dwar id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi tat-28 ta' Awissu 2000,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Burundi u b'mod partikolari l-Artikolu 96 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta' Novembru 2015 mill-Viċi Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Jan Eliasson, il-President tal-Unjoni Afrikana, Nkosazana Dlamini-Zuma, u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-missjonijiet u l-oqsma prijoritarji ta' azzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) u l-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) fil-Burundi, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġlieda kontra l-ġuħ u l-malnutrizzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dwar il-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Burundi huwa wieħed mill-pajjiżi l-inqas żviluppati fid-dinja; billi kważi nofs (45 %) l- 10.6 miljun abitant tiegħu huma ta' 15-il sena jew inqas (bi tfal taħt it- 5 snin jirrappreżentaw 19.9 % tal-popolazzjoni); billi bejn l-2013 u l-2014 il-Burundi niżel żewġ postijiet, mill-178 sal-180 post, fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP); billi erbgħa minn kull ħames persuni fil-Burundi jgħixu b'inqas minn USD 1.25 kuljum, u billi 66.9 % tal-popolazzjoni tgħix taħt is-soll tal-faqar;

B.  billi l-ftehim ta' paċi tal-2006 temm kunflitt li dam 13-il sena u ħalla mill-inqas 300 000 ruħ mejta;

C.  billi l-iżvilupp politiku ewlieni matul il-perjodu mill-2013 sal-2015 kien l-elezzjoni presidenzjali li saret fil-21 ta' Lulju 2015, li fiha l-President Pierre Nkurunziza kiseb it-tielet mandat tiegħu; billi dan jikkostitwixxi ksur tal-Ftehimiet ta' Arusha, li jiddikjaraw li l-President tar-Repubblika "għandu jiġi elett għal terminu ta' ħames snin, li jista' jiġġedded darba" u li "ħadd ma jista' jservi iktar minn żewġ termini bħala president" (Artikolu 7(3)); billi r-ripressjoni fuq il-partiti tal-oppożizzjoni qed tiġi rafforzata; billi għal din ir-raġuni l-Unjoni Afrikana (UA) irrifjutat li tibgħat osservaturi biex isegwu l-elezzjonijiet, l-UE ssospendiet il-missjoni elettorali tagħha lejn il-Burundi, u l-oppożizzjoni tal-Burundi ddeċidiet li tibbojkottja l-elezzjonijiet;

D.  billi l-kandidatura tal-President Nkurunziza għat-tielet mandat u l-rielezzjoni sussegwenti tiegħu wara l-elezzjonijiet tal-21 ta' Lulju 2015 tefgħu lill-pajjiż fl-iktar kriżi politika profonda tiegħu minn tmiem il-gwerra ċivili; billi skont in-NU mill-inqas 250 ruħ inqatlu u eluf indarbu u aktar minn 200 000 ġew spustati minn April 2015;

E.   billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u organizzazzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-bniedem, kien hemm vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem motivati politikament, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u atti ta' vjolenza fil-pajjiż kemm fil-perjodu ta' qabel l-elezzjoni kif ukoll wara, fejn attivisti tal-oppożizzjoni, NGOs, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti b'mod partikolari kienu fil-mira; billi hemm perċezzjoni mifruxa li dawn l-atti huma fil-parti l-kbira tagħhom, iżda mhux esklussivament, marbuta mal-istituzzjonijiet tal-istat; billi r-responsabilità ewlenija biex tiġi żgurata l-istabilità fil-Burundi u tiġi protetta l-popolazzjoni tal-Burundi, fuq il-bażi tar-rispett tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali, hija kompitu tal-Gvern tal-Burundi;

F.  billi l-President tal-Uganda Yoweri Museveni, f'isem il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC), qed iwettaq sforzi ta' medjazzjoni b'appoġġ sħiħ tal-UA, l-UE u n-NU, sabiex jiġi promoss id-djalogu fi ħdan il-Burundi sabiex tinstab soluzzjoni konsenswali u paċifika għall-kriżi fil-Burundi;

1.  Jiddikjara ruħu ferm imħasseb dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi, u jenfasizza li din jista' jkollha konsegwenzi diżastrużi għar-reġjun kollu kemm hu; jitlob li l-Patt dwar is-Sigurtà, l-Istabilità u l-Iżvilupp fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar u l-Protokoll dwar Non-Aggressjoni u Difiża Reċiproka fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar jiġu osservati;

2.  Jikkundanna l-attakki vjolenti reċenti u ż-żieda fil-każijiet ta' vjolazzjonijiet u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-assassinji, l-assassinji extraġudizzjarji, vjolazzjonijiet tal-integrità fiżika tal-persuni, l-atti ta' tortura u trattament ieħor krudili, inuman u/jew degradanti, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali, u l-vjolazzjonijiet tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni, kif ukoll il-prevalenza tal-impunità;

3.  Jitlob li l-vjolenza, il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-intimidazzjoni politika tas-soċjetà ċivili u l-avversarji jieqfu immedjatament, kif ukoll id-diżarm immedjat tal-gruppi armati kollha alleati ma' partiti politiċi, f'konformità stretta mal-liġi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jiddispjeċih, b'mod partikolari, dwar il-preżenza ta' ħafna żgħażagħ fi ħdan il-gruppi armati li qed joperaw fil-Burundi u jistieden, għalhekk, lill-komunità internazzjonali tagħti attenzjoni speċifika lill-appoġġ tal-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fi proċess politiku paċifiku;

5.  Jitlob li l-partijiet kollha fil-Burundi jżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li thedded il-paċi u s-sigurtà fil-pajjiż; jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet pubbliċi kollha li għandhom l-għan li jinċitaw vjolenza jew il-mibegħda lejn gruppi differenti tas-soċjetà Burundjana, li għandhom il-potenzjal li jaggravaw it-tensjoni attwali, u jistieden lill-atturi kollha jibqgħu lura milli jagħmlu tali dikjarazzjonijiet;

6.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja u t-trawwim tal-għaqda nazzjonali u jitlob li minnufih jerġa' jinbeda djalogu nazzjonali trasparenti, li jinkludi lill-Gvern, il-partiti tal-oppożizzjoni u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

7.  Jenfasizza li dan id-djalogu, immirat lejn il-kisba ta' paċi, sigurtà u stabilità dejjiema u l-kisba mill-ġdid tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, fl-interessi taċ-ċittadini tal-Burundi, għandu jkun ibbażat fuq il-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni Burundjana;

8.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-numru ta' vittmi u każijiet ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtati mill-bidu tal-kriżi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Burundjani jwettqu fil-pront investigazzjoni rigoruża dwar iċ-ċirkostanzi u l-motivi wara dawn id-delitti u jiżguraw li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; itenni li ma jista' jkun hemm l-ebda impunità għal dawk responsabbli għal vjolazzjonijiet jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali li l-popolazzjoni tal-Burundi kollha kemm hi qed taffaċċja, u b'mod partikolari r-refuġjati u l-persuni spustati, li se jkomplu jiżdiedu minħabba l-problemi ta' sigurtà fil-pajjiż stess u t-tensjonijiet fil-pajjiżi ġirien; itenni l-appoġġ tiegħu għall-organizzazzjonijiet umanitarji kollha li joperaw fuq il-post, kif ukoll mal-pajjiżi ospitanti ġirien; jappella lill-komunità internazzjonali u l-aġenziji umanitarji biex ikomplu jipprovdu assistenza lil dawk kollha li issa huma refuġjati u persuni spustati bħala riżultat tal-kunflitt; jilqa' l-impenn tal-UE biex iżżid l-appoġġ finanzjarju u l-għajnuna umanitarja sabiex tindirizza l-bżonnijiet urġenti ta' dawn il-popli;

10.  Jitlob li l-abbozz ta' liġi dwar l-NGOs jiġi rivedut sabiex jinġieb f'konformità ma' standards internazzjonali u l-obbligi tal-Burundi, u biex jingħataw garanziji sabiex jiġi rispettat id-dritt ta' protesta paċifika u sabiex il-forzi ta' sigurtà u ta' difiża tal-pajjiż jagħmlu użu proporzjonat tal-forza; jitlob li jitħassar id-Digriet 530/1597 li jipprevedi s-sospensjoni provviżorja tal-attivitajiet ta' 10 organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u li jitneħħa immedjatament l-iffriżar tal-kontijiet bankarji tagħhom, sabiex dawn l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom liberament; jiddenunzja s-sitwazzjoni ta' Pierre Claver Mbonimpa (attivist tad-drittijiet tal-bniedem arrestat fl-2014 għax ikkritika l-fatt li żgħażagħ Burundjani kienu qed jiġu armati u jintbagħtu għal taħriġ militari fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo), li ġie midrub serjament b'tiri ta' arma tan-nar f'Bujumbura fit-3 ta' Awwissu 2015 u li ibnu u r-raġel tat-tifla tiegħu nqatlu f'Ottubru 2015;

11.  Huwa tal-fehma li l-kriżi attwali tista' tingħeleb biss permezz ta' djalogu politiku fil-livell nazzjonali u reġjonali u taħt l-ebda ċirkostanza m'għandha tintuża bħala skuża għal intervent militari ġdid fir-reġjun; jinnota li l-UE talbet il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou biex tinvestiga n-nuqqas ta' rispett tal-elementi essenzjali tal-Ftehim, partikolarment id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, u li dawn il-konsultazzjonijiet se jibdew fit-8 ta' Diċembru 2015;

12.  Iħeġġeġ lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) u l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni sabiex jinġabru xhieda u evidenza rilevanti;

13.  Huwa partikolarment imħasseb dwar il-livelli drammatiċi ta' diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI fil-Burundi u l-kriminalizzazzjoni tagħhom; jinnota għal darb'oħra li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jiffurmaw parti mil-libertà ta' espressjoni u mid-dritt tal-persuni għal ħajja privata, kif stabbilit solennement mil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li bis-saħħa tagħha għandhom jiġu rrispettati l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u l-libertà tal-espressjoni għandha tiġi ggarantita; jistieden, għalhekk, lill-Assemblea Nazzjonali u lill-Gvern tal-Burundi jħassru l-artikoli tal-kodiċi penali li jiddiskriminaw kontra l-persuni LGBTI;

14.  Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimmobilizzaw il-fondi meħtieġa biex tiġi indirizzata l-kriżi umanitarja fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar biex jaħdmu mill-qrib mal-entitajiet tan-NU u biex iżidu l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA), skont prinċipji miftiehma f'livell internazzjonali dwar l-effikaċja tal-iżvilupp, sabiex jiġu indirizzati l-għeruq tal-inugwaljanza, il-faqar u problemi ta' malnutrizzjoni kronika u biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

15.  Huwa tal-fehma li l-problemi tal-Burundi jistgħu jiġu solvuti biss billi ċ-ċittadini kollha jingħataw drittijiet ugwali, jiġu rranġati kwistjonijiet marbuta mal-kontroll ta' art agrikola fertili u l-qgħad u l-faqar, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-faqar, l-inugwaljanza ekonomika u d-diskriminazzjoni, il-garanzija tar-responsabilità tan-negozju u l-konformità ma' standards ambjentali u soċjali u d-drittijiet tal-bniedem, u l-promozzjoni ta' riformi soċjali, politiċi u ekonomiċi sabiex jinħoloq stat ħieles, demokratiku u stabbli fejn id-dinjità tal-bniedem tista' tissaħħaħ;

16.  Iqis li n-nuqqas ta' aċċess tal-persuni għar-riżorsi naturali tal-pajjiż, l-inugwaljanza dejjem tikber fl-introjtu, il-qgħad li qed jiżdied, il-kundizzjonijiet soċjali li qegħdin imorru għall-agħar u t-tifqir huma ostakli għall-istabilità u għandhom ikunu prijoritajiet assoluti fil-futur immedjat;

17.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsegwu b'mod effettiv il-prinċipju ta' Koerenza Politika għall-Iżvilupp fl-azzjonijiet kollha tagħhom fir-rigward tal-Burundi, sabiex jiżguraw li dawn ikunu allinjati korrettament u ma jimminawx l-objettivi tat-tnaqqis tal-faqar u l-kisba tal-SDGs;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tal-AKP-UE, il-Komunità Afrikana tal-Lvant u l-gvernijiet tal-istati membri tagħha, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

(1)

ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.

Avviż legali