Proċedura : 2015/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1357/2015

Testi mressqa :

B8-1357/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0474

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 425kWORD 88k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1348/2015
9.12.2015
PE573.400v01-00
 
B8-1357/2015

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2973(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini, Laura Agea f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2973(RSP))  
B8-1357/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi tat-28 ta' Awissu 2000,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà tal-Espressjoni,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Burundi tal-2005,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta' Novembru 2015 mill-Viċi Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Jan Eliasson, il-President tal-Unjoni Afrikana, Nkosazana Dlamini-Zuma, u l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-komunikat dwar il-Burundi adottat mill-Unjoni Afrikana matul l-515-il laqgħa tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà li saret fit-13 ta' Ġunju 2015 fil-livell tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern,

–  wara li kkunsidra l-komunikat dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi adottat mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant matul it-3 Summit tal-Kapijiet tal-Istat tas-6 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Lulju 2015 mill-VP/RGħ, Federica Mogherini f'isem l-UE wara l-elezzjoni presidenzjali fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni attribwibbli lill-Kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Burundi, tal-20 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-28 ta’ Awwissu 2015 mit-Tim ta' Mibgħuta u Rappreżentanti Internazzjonali fuq il-Lagi l-Kbar tal-Afrika dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1763 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Ottubru 2015 dwar il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet mal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou (COM(2015)0500),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Ottubru 2015 tad-Delegazzjoni tal-UE fil-Burundi dwar il-kriżi politika u ta' sigurtà fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali tal-Burundi saru fid-29 ta' Ġunju u l-21 ta' Lulju 2015 rispettivament, minkejja l-bojkott minn 17-il grupp tal-oppożizzjoni, it-tluq tal-osservaturi elettorali tal-Unjoni Afrikana u tal-UE, u d-dikjarazzjonijiet tal-komunità internazzjonali dwar il-fatt li l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti kienu għadhom ma ġewx stabbiliti;

B.  billi Pierre Nkurunziza ġie elett President tal-Burundi għat-tielet mandat b'69.4 % tal-voti u l-partit fil-gvern rebaħ 77 mill-100 siġġu disponibbli fl-Assemblea Nazzjonali;

C.  billi t-tielet mandat tal-President tal-Burundi, Pierre Nkurunziza, jikkostitwixxi ksur kemm tal-Ftehim ta' Paċi u Rikonċiljazzjoni ta' Arusha għall-Burundi tat-28 ta' Awwissu 2000 kif ukoll tal-Artikolu 7(3) tal-Protokoll II dwar id-Demokrazija u l-Governanza Tajba b'mod partikolari, u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, partikolarmentl-Artikolu 96 tagħha, li jiddikjara li l-President jiġi 'elett għal mandat ta' ħames snin, li jista' jiġġedded darba biss. Ħadd ma jista' jservi iktar minn żewġ mandati presidenzjali';

D.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partiti tal-oppożizzjoni li bbojkottjaw l-elezzjonijiet ilmentaw dwar il-vjolenza u l-intimidazzjoni mill-Imbonerakure (il-milizzja taż-żgħażagħ tal-partit fit-tmexxija CNDD-FDD), l-użu preġudikat ta' istituzzjonijiet statali, in-nuqqas ta' indipendenza tal-kummissjoni elettorali nazzjonali indipendenti tal-Burundi (CENI) u l-istrateġiji tal-gvern sabiex jitnaqqsu l-inklużività tal-proċess elettorali;

E.  billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Burundi (MENUB) ddikjarat li l-ambjent elettorali globali ma kienx iwassal għal proċess elettorali inklużiv, liberu u kredibbli;

F.  billi l-Gvern tal-Burundi injora d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) adottati fit-13 ta' Ġunju 2015 u fis-6 ta' Lulju 2015 rispettivament, li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom kienet twitti t-triq għal elezzjonijiet kredibbli u inklużivi;

G.  billi l-kandidatura tal-President Nkurunziza għat-tielet mandat u l-elezzjoni mill-ġdid sussegwenti tiegħu tefgħu lill-pajjiż fi kriżi politika serja kkaratterizzata minn firxa ta' vjolenza fil-pajjiż; billi, s'issa, il-kriżi wasslet għal aktar minn 240 mewt, u biex eluf ta' persuni ġew midruba, u aktar minn 200 000 Burundjan ħarbu lejn il-pajjiżi ġirien, kif iddokumentat mill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati;

H.  billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn, kien hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem motivat politikament, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u atti ta' vjolenza fil-pajjiż kemm fil-perjodu ta' qabel l-elezzjoni kif ukoll wara, fejn l-attivisti tal-oppożizzjoni, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti b'mod partikolari kienu fil-mira, inkluż Pierre Claver Mbonimpa; billi hemm perċezzjoni mifruxa li huma l-aktar, iżda mhux esklużivament, marbuta mal-istituzzjonijiet tal-istat; billi r-responsabbiltà ewlenija biex tiġi żgurata s-sigurtà fil-Burundi u tiġi protetta l-popolazzjoni tal-Burundi, bir-rispett dovut għall-istat tad-dritt, għad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, hija f'idejn il-Gvern tal-Burundi;

I.  billi r-rifuġjati Burundjani fl-istati ġirien ikkawżaw emerġenzi umanitarji fir-Rwanda, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u t-Tanzanija, fejn ġiet rappurtata tifqigħa tal-kolera;

J.  billi l-Unjoni Afrikana enfasizzat l-fatt li l-kriżi attwali jista' jkollha konsegwenzi katastrofiċi jekk ma tissolviex b'mod paċifiku peress li l-kundizzjonijiet tas-sigurtà u l-instabbiltà jista' jkollhom effett residwu fil-pajjiżi ġirien, u b'hekk joħolqu theddida kbira għar-reġjun kollu;

K.  billi, fl-1 ta' Ottubru 2015, il-Kunsill adotta restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi kontra erba' persuni li l-attivitajiet tagħhom jimminawid-demokrazija jew jostakolaw it-tiftix ta' soluzzjoni politika għall-kriżi attwali fil-Burundi, b'mod partikolari permezz ta' atti ta' vjolenza, ta' repressjoni jew ta' inċitament għall-vjolenza, inkluż b'atti li jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-Unjoni Afrikana u l-Istati Uniti adottaw miżuri simili;

L.  billi, fis-26 ta' Ottubru 2015, l-UE talbet il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Sħubija UE-AKP fl-eventwalità ta' ksur ta' elementi essenzjali ta' dan il-Ftehim, b'mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt; billi dawn il-konsultazzjonijiet bdew fit-8 ta' Diċembru 2015;

M.  billi, permezz tad-Digriet 530/1597, l-awtoritajiet tal-Burundi ssospendew l-attivitajiet ta' 10 organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, jiġifieri ACAT-Burundi, APRODH, AMINA, FOCODE, FORSC, Fontaine-ISOKO, Maison Shalom, PARCEM, RCP u SPPDF, u mblukkaw il-kontijiet bankarji tagħhom;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi li għaddejja fil-Burundi, l-eskalazzjoni tal-vjolenza u s-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fil-pajjiż; jikkundanna bil-qawwa kull att ta' vjolenza, repressjoni, intimidazzjoni, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi kostituzzjonali mwettqa minn kwalunkwe parti;

2.  Jistieden lill-atturi kollha tal-Burundi biex jagħmlu l-isforzi kollha neċessarji biex jirrestawraw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jidħlu fi djalogu bl-għan li tinkiseb soluzzjoni politika dejjiema u inklużiva permezz ta' proċess inter-Burundjan imsejjes fuq il-Ftehim ta' Arusha; ifakkar fir-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili f'tali djalogu;

3.  Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha u lill-mexxejja politiċi biex jieħdu pożizzjoni kontra l-attivitajiet kollha li għandhom l-għan li jinċitaw jew li jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u vjolenza, peress li s-soluzzjoni għal din il-kriżi għandha tkun waħda paċifika u politika;

4.  Jitlob għal tmiem immedjat tal-vjolenza, tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-intimidazzjoni politika kontra l-avversarji u għad-diżarm immedjat tal-gruppi armati kollha marbuta ma' partiti politiċi, b'konformità stretta mal-liġi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;

5.  Jirrimarka, b'mod partikolari, dwar il-preżenza ta' ħafna żgħażagħ fi ħdan il-gruppi armati li qed joperaw fil-Burundi u jistieden lill-komunità internazzjonali biex tagħti attenzjoni speċifika lill-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom u lill-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fi proċess politiku paċifiku;

6.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe manipulazzjoni ta' etniċità kemm mill-gvern kif ukoll mill-oppożizzjoni u b'mod partikolari kwalunkwe diskors li jirrifletti l-lingwaġġ li ntuża fir-Rwanda waqt il-ġenoċidju tal-1994; jistieden lill-atturi politiċi kollha biex iżommu lura minn kwalunkwe dikjarazzjoni li tista' tinċita vjolenza jew mibegħda lejn gruppi differenti tas-soċjetà tal-Burundi;

7.  Jappoġġja l-isforzi ta' medjazzjoni mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, l-Unjoni Afrikana u n-Nazzjonijiet Uniti biex jitjieb id-djalogu politiku dwar il-kwistjonijiet kontroversjali kollha;

8.  Ifakkar lill-awtoritajiet Burundjani fl-obbligu tagħhom li jiżguraw is-sigurtà fi ħdan it-territorju tal-pajjiż u jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ċivili u politiċi u l-libertajiet fundamentali, kif previst fil-Kostituzzjoni tal-Burundi, il-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u strumenti internazzjonali u reġjonali oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Ifakkar li l-Burundi, bħala waħda mill-partijiet kontraenti tal-Ftehim ta' Cotonou, għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet kollha tagħha, inklużi dawk li għandhom x'jaqsmu mal-Artikoli 8 u 9 dwar id-djalogu politiku u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kollha u l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet soċjali fundamentali u d-demokrazija; jilqa' d-deċiżjoni tal-UE li titlob il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet dwar il-każijiet ta' nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt kif imsemmi fl-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

10.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-impatt soċjoekonomiku, marbut mas-sigurtà u l-lat umanitarju tal-kriżi fil-pajjiż u fir-reġjun kollu peress li jista' jipperikola l-istabbiltà reġjonali u jwassal għal eskalazzjoni tal-vjolenza u aktar tixrid ta' mard infettiv;

11.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni diffiċli tar-rifuġjati Burundjani li ħarbu minn pajjiżhom wara l-bidu tal-kriżi; jistieden lill-komunità internazzjonali tipprovdi assistenza umanitarja adegwata;

12.  Jitlob li s-Senat tal-Burundi japprova bil-ħeffa l-liġi l-ġdida dwar il-midja adottata unanimament mill-Assemblea Nazzjonali fl-4 ta' Marzu 2015 li tippermetti li tiġi promulgata u ratifikata; jitlob lill-Gvern tal-Burundi biex jiddekriminalizza reati tal-midja u biex jiżgura l-libertà u l-indipendenza sħaħ tal-midja;

13.  Jitlob li jitħassar id-Digriet 530/1597 li jipprevedi s-sospensjoni provviżorja tal-attivitajiet ta' 10 organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u li jitwaqqaf immedjatament l-iffriżar tal-kontijiet bankarji tagħhom, sabiex dawn l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom b'mod liberu;

14.  Jitlob għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjoni ta' dawk li ġew arrestati talli eżerċitaw id-drittijiet demokratiċi u politiċi tagħhom, inklużi l-avversarji politiċi, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

15.  Jilqa' l-fatt li l-UA bagħtet osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u esperti biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jenfasizza l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni magħhom sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-mandat tagħhom; jistieden barra minn hekk lill-Qorti Kriminali Internazzjonali biex, fl-ambitu tal-ġuriżdizzjoni tagħha, tinvestiga l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem li twettaq matul il-kriżi reċenti;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex tiġi ddevjata l-għajnuna għall-Burundi minn appoġġ baġitarju ċentrali biex jiżdied l-appoġġ finanzjarju lis-soċjetà ċivili u biex jiffukaw primarjament fuq problemi umanitarji kif ukoll soċjoekonomiċi;

17.  Jenfasizza li dawk li huma direttament jew indirettament involuti f'atti vjolenti u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għandhom jinżammu responsabbli individwalment u jitressqu quddiem qorti, filwaqt li jiġi evitat trattament inuman u degradanti; jappoġġja restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fl-UE u miżuri tal-iffriżar tal-assi kontra persuni, entitajiet jew korpi Burundjani involuti fl-ippjanar, it-tmexxija jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja;

18.  Jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni li huma biss id-djalogu u l-kunsens, ibbażati fuq ir-rispett tal-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, li se jagħmluha possibbli li tinstab soluzzjoni politika dejjiema, li tkun tiżgura l-konsolidazzjoni tal-paċi, kif ukoll it-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill AKP-UE, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tal-Burundi, lill-gvernijiet tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, lill-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0275.

(2)

ĠU L 257, 2.10.2015, p. 37.

Avviż legali