Proċedura : 2015/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1358/2015

Testi mressqa :

B8-1358/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2015 - 11.12
CRE 16/12/2015 - 11.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0461

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 425kWORD 84k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1351/2015
9.12.2015
PE573.402v01-00
 
B8-1358/2015

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-1110/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 (2015/2935(RSP))


Louis Michel, Sophia in ‘t Veld, Cecilia Wikström, Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić

f'isem il-grupp ALDE


Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 (2015/2935(RSP))  
B8-1358/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni inċiż u mir-raba' sas-seba' inċiż tiegħu,

–  wara li kkunsidra b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3(3), it-tieni inċiż, l-Artikoli 6 u 7 tat-TUE, kif ukoll l-artikoli tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB), il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, il-Kumitat tal-Ministri, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta’ Novembru 2015 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, wara ż-żjara tiegħu fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-ewwel djalogu annwali tal-Kunsill dwar l-istat tad-dritt, li sar fis-17 ta’ Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament fit-2 ta’ Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Ġunju 2015 (O-000140/2015 – B8-1110/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f'soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (Artikolu 2 tat-TUE);

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea hija parti mil-liġi primarja tal-UE u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi ta' kwalunkwe raġuni bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal xi minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.  billi bl-adeżjoni mal-Unjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jirrispettaw il-valuri fundaturi tal-Unjoni Ewropea kif imnaqqxa fit-Trattati u fil-Karta; billi l-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma jistax għalhekk jiġi invokat mill-Kummissjoni biex tiġġustifika n-nuqqas ta’ reazzjoni lejn il-ksur ta’ dawn il-valuri minn Stat Membru;

D.  billi d-dritt għall-asil huwa garantit, b'rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-rifuġjati u b'konformità mat-TUE u t-TFUE;

E.  billi l-inizjattivi u l-interferenzi reċenti mill-Gvern Ungeriż, b'mod partikolari matul dawn l-aħħar 12-il xahar, wasslu għal deterjorament serju u sistemiku tal-istat tad-dritt fir-rigward tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, il-ġlieda kontra l-intolleranza u d-diskriminazzjoni, id-drittijiet tal-immigranti, dawk li jfittxu asil u r-rifuġjati, il-libertà tal-għaqda u ta' assoċjazzjoni, il-libertà tal-edukazzjoni u r-riċerka akkademika, it-trattament ugwali tar-reliġjon u t-twemmin, ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-ostakli għal dawn l-attivitajiet, id-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn xi minoranza, inklużi r-Rom u l-LGBTI, l-indipendenza tal-ġudikatura u ħafna allegazzjonijiet preokkupanti ta' korruzzjoni u knoflitti ta' interess li jimminaw l-istat tad-dritt;

F.  billi l-Kummissjoni naqset milli twieġeb għat-talba tal-Parlament, skont ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, li jingħata bidu għal proċess ta' sorveljanza fid-dettall fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija;

G.  billi l-istrumenti adottati mill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib u ssaħħaħ il-koerenza baġitarja u ekonomika tal-Istati Membri jikkuntrastaw man-nuqqas ta’ rieda tagħha li ġenwinament u b’mod xieraq tiżgura l-konformità sħiħa min-naħa tal-Istati Membri mal-valuri fundaturi tal-UE; billi dan l-approċċ ta' konformità doppja jista’ severament jipperikola l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fl-UE; billi l-intransiġenza ġustifikabbli tal-UE rigward il-valuri tar-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali hija kruċjali biex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-Unjoni kemm internament kif ukoll fix-xena internazzjonali;

H.  billi f’Lulju u Settembru 2015 il-Parlament Ungeriż adotta numru ta’ emendi, li għandhom x’jaqsmu b’mod partikolari mal-liġi dwar l-asil, il-kodiċi penali, il-liġi dwar il-proċedura kriminali, il-liġi dwar il-fruntiera, il-liġi dwar il-pulizija u l-liġi dwar id-difiża nazzjonali; billi l-valutazzjoni preliminarja tal-Kummissjoni enfasizzat għadd ta’ punti ta’ tħassib u mistoqsijiet dwar is-sustanza u l-implimentazzjoni ta’ dawk l-emendi; billi fis-6 ta’ Ottubru 2015 il-Kummissjoni bagħtet ittra amministrattiva lill-Gvern Ungeriż; billi l-Gvern Ungeriż wieġeb għal dik l-ittra f’Novembru 2015;

I.  billi, fl-istqarrija tagħha mressqa fid-dibattitu fil-plenarja li sar fil-Parlament Ewropew fit-2 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet lesta tuża l-mezzi kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi proċedimenti ta' ksur, biex tiżgura li l-Ungerija – u, bħalha, kwalunkwe Stat Membru ieħor – tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-dritt tal-UE u tirrispetta l-valuri tal-Unjoni kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE; billi l-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi attivat il-qafas tal-istat tad-dritt rigward l-Ungerija jew l-Artikolu 7 tat-TUE mhumiex issodisfati f’dan l-istadju;

1.  Itenni l-pożizzjoni li esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija;

2.  Ifakkar li ksur serju min-naħa ta' Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jattiva l-proċedura tal-"Artikolu 7";

3.  Jiddenunzja d-dispożizzjonijiet ġuridiċi li ġew adottati ta' malajr f'dawn l-aħħar xhur u li għamlu l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali estremament diffiċli u kkriminalizzaw b'mod inġustifikabbli lir-rifuġjati, lill-migranti u lil dawk li jfittxu asil; iħeġġeġ lill-Gvern Ungeriż jerġa’ lura għall-proċeduri normali u jirrevoka l-miżuri tal-kriżi, peress li l-influss eċċezzjonali ta’ rifuġjati waqaf; jikkundanna r-rikors għad-detenzjoni li qed jiżdied ta’ dawk li jfittxu asil, il-migranti u r-rifuġjati, inklużi minorenni, u l-użu ta’ retorika ksenofobika li torbot lill-migranti ma’ problemi soċjali jew it-terroriżmu, inkluż permezz ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni mmexxija mill-gvern u konsultazzjonijiet nazzjonali, li b’hekk komplew iżidu mal-ambjent ostili u ksenofobiku u jnaqqsu s-solidarjetà;

4.  Jemmen li l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt tal-UE fil-prattika leġiżlattiva u amministrattiva tagħhom, u li l-leġiżlazzjoni kollha, inkluża l-liġi primarja ta' kwalunkwe Stat Membru jew pajjiż kandidat, għandha tirrifletti u tkun konformi mal-valuri bażiċi Ewropej, jiġifieri l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

5.  Jiddeplora għal darb'oħra n-nuqqas ta' reazzjoni min-naħa tal-Kunsill għall-iżviluppi l-aktar riċenti li seħħew fl-Ungerija; iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Kunsill Ewropew jorganizzaw diskussjoni u jadottaw konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija;

6.  Jinnota li dawn l-iżviluppi wasslu għal tħassib rigward il-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija matul is-snin li għaddew, li, ikkunsidrati flimkien, jistgħu jirrappreżentaw theddida sistemika li qed titfaċċa għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru; huwa tal-opinjoni li, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissjoni quddiem il-Parlament fit-2 ta’ Diċembru 2015, il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-qafas tal-istat tad-dritt u l- Artikolu 7(1) huma rispettati bis-sħiħ; jemmen li l-Ungerija tippreżenta test biex l-UE tagħti prova tal-kapaċità u r-rieda tagħha li tirreaġixxi għat-theddid għall-valuri fundaturi tagħha stess u għall-ksur tagħhom min-naħa ta' Stat Membru; jinnota bi tħassib li żviluppi f'xi Stati Membri oħra juru sinjali inkwetanti ta' mminar tal-istat tad-dritt simili għal dak fl-Ungerija; jiddispjaċih li n-nuqqas ta’ rieda politika li baqgħet turi l-Kummissjoni li tindirizza b’mod xieraq is-sitwazzjoni fl-Ungerija qed joħloq preċedent fir-rigward ta’ Stati Membri oħra li qed jadottaw xejriet inkwetanti simili fir-rigward tar-rispett għall-istat tad-dritt; jemmen li dan iqajjem tħassib serju fir-rigward ta' kemm l-Unjoni hija kapaċi tiżgura r-rispett kontinwu għall-kriterji politiċi ta’ Kopenħagen ladarba Stat Membru jkun aderixxa mal-Unjoni;

7.  Jiddispjaċih li l-approċċ attwali meħud mill-Kummissjoni jiffoka prinċipalment fuq l-aspetti tekniċi marġinali tal-leġiżlazzjoni filwaqt li jinjora x-xejriet, il-mudelli u l-effett ikkombinat tal-miżuri; jemmen li l-proċedimenti ta' ksur, b'mod partikolari, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet naqsu milli jwasslu għal bidliet reali u milli jindirizzaw is-sitwazzjoni b'mod aktar wiesa'; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tattiva l-ewwel stadju tal-qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u b'hekk tagħti bidu minnufih għal proċess ta' monitoraġġ fil-fond dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija, li jivvaluta l-potenzjal ta' ksur serju sistemiku tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż l-impatt ikkombinat ta' għadd ta' miżuri li jdgħajfu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u li jivvaluta t-tfaċċar ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt f'dak l-Istat Membru li tista' tiżviluppa f'riskju ċar ta' ksur serju skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tat-TUE;

8.  Iqis li l-Kummissjoni sal-lum naqset milli taġixxi skont id-dmirijiet tagħha bħala gwardjana tat-Trattati u l-interessi u l-valuri komuni tal-Unjoni; jiddeplora l-fatt li, bin-nuqqas tagħha milli teżamina jew tirrispondi b'mod adegwat għall-preokkupazzjonijiet espressi ripetutament mill-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament, il-Kummissjoni qed timmina l-prinċipju ta' kooperazzjoni reċiproka sinċiera fost l-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 13 tat-TUE;

9.  Jilqa' r-reġistrazzjoni ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li tistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-attivazzjoni tal-Artikolu 7 tat-TUE għall-allegat ksur min-naħa tal-Ungerija tal-valuri fundamentali tal-UE; jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex ifassal rapport speċifiku dwar l-Ungerija f'konformità mal-Artikolu 83 tar-Regoli ta' Proċedura bil-għan li tiġi adottata proposta motivata li tistieden lill-Kunsill jaġixxi skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0227.

Avviż legali