Proċedura : 2015/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1360/2015

Testi mressqa :

B8-1360/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2015 - 11.12
CRE 16/12/2015 - 11.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 408kWORD 68k
9.12.2015
PE573.405v01-00
 
B8-1360/2015

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-1110/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2935(RSP))


Timothy Kirkhope, Beatrix von Storch, Angel Dzhambazki, Helga Stevens, Jussi Halla-aho, Branislav Škripek, Zdzisław Krasnodębski f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija (2015/2935(RSP))  
B8-1360/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet dwar il-valuri u l-libertajiet fundamentali li jinsabu fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, adottati mill-Kunsill fl-1998,

–  wara li kkunsidra t-Trattati tal-UE, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3 u 6 tat-TUE u l-Artikolu 2(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu li kellu waqt il-plenarja tad-19 ta' Mejju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija(1),

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tal-Kummissjoni tal-5 ta' Novembru 2015, wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 (O-000140/2015 – B8-1110/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi valutazzjoni preliminari min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea żvelat li uħud mill-elementi tal-leġiżlazzjoni Ungeriża jqajmu kwistjonijiet ta' kompatibilità mal-acquis tal-UE dwar l-asil u l-fruntieri u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi fl-4 ta' Novembru 2015 waslet tweġiba mill-awtoritajiet Ungeriżi;

C.  billi, fit-tweġiba tagħha għall-mistoqsija orali tal-Parlament adottata mill-Kumitat LIBE fl-10 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni qalet li, f'dan l-istadju, il-kundizzjonijiet biex jiġi attivat il-qafas tal-istat tad-dritt fir-rigward tal-Ungerija mhumiex issodisfati;

D.  billi l-Kummissjoni qed tissorvelja b'mod attiv is-sitwazzjoni fl-Ungerija u diġà tat bidu għal proċeduri ta' ksur u proċeduri li jippreċedu l-ksur f'każijiet fejn qieset li huwa neċessarju;

E.  billi l-Kummissjoni informat ripetutament lill-Parlament li hija lesta li tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura li l-Istati Membri jkunu konformi mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE;

F.  billi l-Qafas tal-Istat ta' Dritt huwa intiż biex jindirizza theddid sistematiku emerġenti għall-istat tad-dritt fi Stat Membru qabel ma jilħaq livelli li jkunu jirrikjedu rikors għall-Artikolu 7 tat-TUE;

1.  Jinnota li l-Istati Membri kollha huma rikjesti li jirrispettaw id-dritt tal-UE, u li l-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru għandha tkun kompatibbli mal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

2.  Jinnota li l-Istati Membri għandhom ukoll kompetenza sovrana li jistabbilixxu l-liġijiet proprji tagħhom u li jkollhom id-dibattiti u l-konsultazzjonijiet demokratiċi tagħhom mal-elettorat fil-livell nazzjonali; jenfasizza li dan il-prinċipju jiddefendi s-sovranità ta' gvern elett demokratikament;

3.  Jappoġġa r-rwol tal-Kummissjoni, bħala gwardjan tat-Trattati, hija u tiżgura li l-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluża dik tal-Ungerija, tibqa' konformi maż-żewġ Trattati tal-UE u mal-valuri demokratiċi u d-drittjiet tal-bniedem bażiċi Ewropej;

4.  Jisħaq li kwalunkwe evalwazzjoni u analiżi mwettqa mill-Kummissjoni u l-Parlament fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri individwali għandha tkun ibbilanċjata u bbażata fuq il-fatti;

5.  Jinnota r-riassigurazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew li hija se tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni fl-Ungerija;

6.  Jistieden lill-Gvern Ungeriż u lill-Kummissjoni jaħdmu mill-qrib flimkien fi spirtu ta' kooperazzjoni fuq kwalunkwe kwistjoni fil-ġejjieni li jħossu li tista' tirrikjedi evalwazzjoni jew analiżi ulterjuri;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President tal-Ungerija.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0227.

Avviż legali