Proċedura : 2015/2935(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-1361/2015

Testi mressqa :

B8-1361/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/12/2015 - 11.12
CRE 16/12/2015 - 11.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0461

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 503kWORD 80k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-1351/2015
9.12.2015
PE573.406v01-00
 
B8-1361/2015

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-1110/2015

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 (2015/2935(RSP))


Marie-Christine Vergiat, Cornelia Ernst, Malin Björk, Barbara Spinelli, Patrick Le Hyaric, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Xabier Benito Ziluaga, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Helmut Scholz f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju 2015 (2015/2935(RSP))  
B8-0000/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni inċiż u mir-raba' sas-seba' inċiż tiegħu,

–  wara li kkunsidra, b'mod partikolari, l-Artikoli 2, 3(3), it-tieni inċiż, l-Artikoli 6 u 7 tat-TUE, kif ukoll l-artikoli tat-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000, ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija(1), tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija(2), tas-16 ta' Frar 2012 dwar il-ġrajjiet politiċi reċenti fl-Ungerija(3) u tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-liġi Ungeriża dwar il-midja(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 bit-titolu "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Novembru 2015 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, wara ż-żjara tiegħu lill-Ungerija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-dibattitu plenarju li sar fil-Parlament fit-2 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ġunju -0001402015 (O-0001402015 – B8-1110/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi, huma valuri universali, u billi dawn il-valuri jinsabu minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE bħala valuri Ewropej komuni għall-Istati Membri kollha li l-prinċipji tagħhom huma l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabilità, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali;

C.  billi d-dritt għall-asil huwa garantit, bir-rispett dovut għar-regoli tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 u l-Protokoll tagħha tal-31 ta' Jannar 1967 dwar l-istatus tar-refuġjati u f'konformità mat-TUE u t-TFUE;

D.  billi, matul is-snin, inizjattivi mill-gvern Ungeriż wasslu biex is-sitwazzjoni teħżien f'dak li jikkonċerna d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, l-aktar fir-rigward tas-setgħa u l-għamla tal-Qorti Kostituzzjonali, il-liġijiet elettorali u r-restrizzjonijiet fuq l-organizzazzjoni tal-kampanji elettorali min-naħa tal-oppożizzjoni, l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-ġudikatura, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, l-ostruzzjonijiet għall-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-limitazzjonijiet fuq l-aċċess għall-informazzjoni u l-libertà tal-midja, id-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti, tal-persuni li jfittxu asil u tar-refuġjati, atti u diskorsi ta' mibgħeda kontra uħud mill-gruppi bħar-Roma, il-Lhud, il-persuni LGBTI, il-migranti, persuni mingħajr saqaf fuq rashom u persuni oħra fqar;

E.  billi l-Kummissjoni naqset milli twieġeb għat-talba tal-Parlament, skont ir-riżoluzzjoni tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, biex tagħti bidu għal proċess ta' sorveljanza fid-dettall dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija;

F.  billi f'Lulju u f'Settembru 2015, il-Parlament Ungeriż adotta għadd ta' emendi leġiżlattivi, marbuta b'mod partikolari mal-asil, il-kodiċi penali, il-proċedura kriminali, il-fruntieri, il-pulizija u d-difiża nazzjonali; billi l-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni xeħtet dawl fuq għadd ta' punti ta' tħassib u mistoqsijiet dwar is-sustanza u l-implimentazzjoni ta' dawk l-emendi; billi fis-6 ta' Ottubru 2015 il-Kummissjoni bagħtet ittra amministrattiva lill-Gvern Ungeriż; billi l-gvern Ungeriż wieġeb għal din l-ittra;

G.  billi, fl-istqarrija tagħha mressqa fid-dibattitu fil-plenarja li sar fil-Parlament Ewropew fit-2 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet lesta tuża l-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inklużi proċedimenti ta' ksur, biex tiżgura li l-Ungerija – u, bħalha, kwalunkwe Stat Membru ieħor – tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-dritt tal-UE u tirrispetta l-valuri tal-Unjoni kif minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE;

H.  billi l-Kummissjoni tqis li, f'dan l-istadju, ma jeżistux il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-attivazzjoni tal-Qafas tal-Istat tad-Dritt fir-rigward tal-Ungerija;

1.  Itenni l-pożizzjoni li esprima fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija;

2.  Jikkundanna s-sensiela ta' miżuri li ttieħdu ta' malajr f'dawn l-aħħar xhur u li għamlu l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali estremament diffiċli u kkriminalizzaw b'mod inġustifikat lill-migranti u lil persuni li jfittxu asil; jikkundanna l-użu dejjem aktar frekwenti tad-detenzjoni fil-konfront ta' persuni li jfittxu asil u ta' retorika ksenofobika li tassoċja lill-migranti ma' problemi soċjali jew riskji ta' sigurtà, li jagħmlu l-integrazzjoni tal-ftit migranti li baqa' fil-pajjiż saħansitra aktar problematika;

3.  Ifakkar li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri kollha trid tirrifletti u tkun konformi mal-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

4.  Jikkundanna l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri u n-nuqqas ta' reazzjoni mill-Kunsill għal dawn l-iżviluppi inkwetanti, fosthom fl-Ungerija; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew jorganizzaw dibattitu u jadottaw il-konklużjonijiet b'mod partikolari dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija mill-aktar fis possibbli;

5.  Jinnota li dawn l-iżviluppi wasslu għal tħassib dwar il-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali fl-Ungerija tul is-snin, li, meta jitqiesu flimkien, jistgħu jkunu sinjal ta' theddida sistemika emerġenti għall-istat tad-dritt f'dan l-Istat Membru; jemmen li l-Ungerija qed tgħaqqad każijiet ta' ksur tad-drittijiet li qed iseħħu fi Stati Membri oħra u bħala tali tikkostitwixxi test għall-UE biex turi l-kapaċità u r-rieda tagħha li tirreaġixxi għat-theddid u l-ksur tal-valuri bażiċi tagħha stess min-naħa ta' Stat Membru; jinnota bi tħassib li xi żviluppi fi Stati Membri oħra, bħall-Polonja, Franza, is-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka, qed juru sinjali inkwetanti ta' nuqqas ta' osservanza tal-istat tad-dritt;

6.  Jikkundanna l-fatt li l-approċċ attwali meħud mill-Kummissjoni jiffoka prinċipalment fuq l-aspetti marġinali u tekniċi tal-leġiżlazzjoni filwaqt li jinjora x-xejriet u l-mudelli; jemmen li l-proċedimenti ta' ksur, b'mod partikolari, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet naqsu milli jwasslu għal tibdil reali jew li jindirizzaw is-sitwazzjoni b'mod aktar ġenerali; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex tattiva l-ewwel stadju tal-qafas tal-UE biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, u b'hekk li tagħti bidu minnufih għal proċess fil-fond ta' monitoraġġ fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali b'mod partikolari fl-Ungerija, billi tevalwa ksur potenzjali sistemiku serju tal-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni skont l-Artikolu 2 tat-TUE, inkluż l-impatt kombinat ta' għadd ta' miżuri li jaggravaw is-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u billi tevalwa l-ħolqien ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt f'dak l-Istat Membru li tista' tiżviluppa f'riskju ċar ta' ksur serju skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tat-TUE;

7.  Jikkundanna n-nuqqas ta' azzjoni mill-Kummissjoni dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali filwaqt li, fl-istess ħin, tat bidu għal proċeduri kontra Stati Membri biex tobbligahom jimponu miżuri ta' awsterità minkejja l-konsegwenzi soċjali drammatiċi u l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

8.  Itenni bil-qawwa r-rakkomandazzjonijiet li għamel lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni fl-Ungerija: standards u prattiki fl-Ungerija, b'mod partikolari fir-rigward tal-arkitettura ġdida tad-drittijiet tal-bniedem maħluqa mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-adeżjoni li jmiss tal-UE mal-KEDB, il-ħtieġa urġenti li tiġi indirizzata l-hekk imsejħa "dilemma ta' Copenhagen" u l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

9.  Jinnota r-reġistrazzjoni ta' Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li tistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-attivazzjoni tal-Artikolu 7 tat-TUE għall-allegat ksur tal-valuri fundamentali tal-UE min-naħa tal-Ungerija; jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex ifassal rapport speċifiku dwar l-Ungerija f'konformità mal-Artikolu 83 tar-Regoli ta' Proċedura bil-għan li tiġi adottata proposta motivata li tistieden lill-Kunsill jaġixxi skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ungerija, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0227.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0315.

(3)

ĠU C 249 E, 30.8.2013, p. 27.

(4)

ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 154.

Avviż legali