Proċedura : 2015/2988(RPS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0040/2016

Testi mressqa :

B8-0040/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI TA' RIŻOLUZZJONI
PDF 427kWORD 85k
12.1.2016
PE575.938v01-00
 
B8-0040/2016

imressqa skont l-Artikolu 106(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni (UE) .../... ta' XXX li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (D042120/03 – 2015/2988(RPS))


Matthias Groote, Gerben-Jan Gerbrandy, Bas Eickhout, Merja Kyllönen, Piernicola Pedicini f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni (UE) .../... ta' XXX li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (D042120/03 – 2015/2988(RPS))  
B8-0040/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni (D042120/03),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi(1), b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija fit-28 ta' Ottubru 2015 mill-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur (TCMV) stabbilit bl-Artikolu 40(1) tad-Direttiva 2007/46/KE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2008 dwar il-kwalità tal-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta' ċerti inkwinanti atmosferiċi(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2013 bit-titolu "Programm għall-Arja Nadifa għall-Ewropa" (COM(2013)0918),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(4)(e) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni(5),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2), (3) u (4)(c) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-tniġġis tal-arja jikkawża iktar minn 430 000 mewta bikrija fl-Unjoni kull sena u spejjeż stmati ta' EUR 940 biljun fis-sena minħabba l-effetti tiegħu fuq is-saħħa; billi l-ossidi tan-nitroġenu (NOx) huma sustanzi niġġiesa ewlenin li jikkawżaw, inter alia, il-kanċer tal-pulmun, l-ażma u ħafna mard respiratorju, kif ukoll degradazzjoni ambjentali bħall-ewtrofikazzjoni u l-aċidifikazzjoni; billi l-emissjonijiet tal-vetturi diżil huma sors ewlieni tal-NOx f'żoni urbani fl-Ewropa; billi l-analiżi reċenti dwar it-tniġġis tal-arja mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tattribwixxi 75 000 mewta bikrija lill-emissjonijiet tal-NO2 fl-Ewropa, bi 93 % tal-iskorrimenti kollha jsiru viċin it-toroq(6);

B.  billi r-Regolament (KE) Nru 715/2007, li jistabbilixxi l-istandards tal-emissjonijiet Euro 5 u Euro 6, jeħtieġ li l-manifatturi jgħammru l-vetturi tagħhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' emissjonijiet tal-"użu normali" (l-Artikolu 5(1));

C.  billi l-Premessa 5 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, maqbula f'Diċembru 2006, tiddikjara dan li ġej: "Hemm bżonn ta' sforzi kontinwi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-vetturi sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE rigward il-kwalità tal-arja. Għal dik ir-raġuni, l-industrija għandha tingħata informazzjoni ċara dwar il-valuri ta' limitu għall-emissjonijiet fil-ġejjieni. Għalhekk, apparti l-Euro 5, dan ir-Regolament jinkludi l-istadju Euro 6 tal-valuri ta' limitu għall-emissjonijiet"; u billi l-Premessa 6 ta' dan ir-Regolament tiddikjara dan li ġej: "B'mod partikulari, hemm bżonn ta' tnaqqis konsiderevoli tal-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu biex tittejjeb il-kwalità tal-arja u biex ikun hemm konformità mal-valuri ta' limitu għat-tniġġis. Dan jeħtieġ li, fl-istadju Euro 6, jintlaħqu valuri ta' limitu ambizzjużi, mingħajr ma' jkun
hemm l-obbligu li jiġu abbandunati l-vantaġġi tal-magni diżil f'dak li għandu x'jaqsam mal-konsum tal-fjuwil u mal-emissjonijiet ta' idrokarburi u tal-monossidu tal-karbonju. Jekk jiġi stabbilit pass ta' dan it-tip għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ossidu tan-nitroġenu fi stadju bikri, tingħata sigurtà għall-ippjanar fit-tul, fl-Ewropa kollha għall-manifatturi ta' vetturi";

D.  billi l-valur ta' limitu tal-Euro 6 għall-emissjonijiet tal-NOx minn vetturi diżil huwa 80 mg/km, applikabbli għal tipi ġodda mill-1 ta' Settembru 2014 u għall-vetturi kollha mibjugħa mill-1 ta' Settembru 2015;

E.  billi l-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 jiddikjara dan li ġej: "Il-Kummissjoni għandha tibqa' tirrevedi l-proċeduri,
it-testijiet u r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 5(3) kif ukoll iċ-ċikli
ta' ttestjar użati biex jitkejlu l-emissjonijiet. Jekk mir-reviżjoni jirriżulta li dawn m'għadhomx xierqa jew ma jirriflettux aktar is-sitwazzjoni reali tal-emissjonijiet, għandhom ikunu adattati b'tali mod li jirriflettu b'mod xieraq l-emissjonijiet iġġenerati mis-sewqan attwali fit-toroq"; billi d-dispożizzjoni hija akkumpanjata mill-Premessa 15, li tiddikjara dan li ġej: "Il-Kummissjoni għandha żżomm taħt konsiderazzjoni l-bżonn li tirrevedi ċ-Ċiklu l-Ġdid tas-Sewqan Ewropew (New European Drive Cycle) bħala proċedura ta' ttestjar li
tipprovdi l-bażi għar-regolamenti dwar emissjonijiet għall-approvazzjoni tat-tip KE. L-aġġornament jew is-sostituzzjoni taċ-ċikli ta' ttestjar jistgħu jkunu meħtieġa biex jirriflettu l-bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet tal-vetturi u l-imġiba tas-sewwieqa. Reviżjonijiet jistgħu jkunu meħtieġa biex jiżguraw li l-emissjonijiet fid-dinja reali jikkorrispondu għal dawk imkejla fl-approvazzjoni tat-tip. L-użu ta' sistemi portable ta' kejl ta' emissjonijiet u l-introduzzjoni ta' kunċett regolatorju ta' "m'għandux jinqabeż" għandhom jiġu kkunsidrati wkoll";

F.  billi, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, l-abbozz ta' miżuri ta' implimentazzjoni adottati taħt din id-dispożizzjoni, skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju (RPS), huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh; billi, f'dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa biss biex tissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007, u mhux biex temenda l-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament;

G.  billi l-Kummissjoni żviluppat abbozz ta' miżuri ta' implimentazzjoni ġodda bil-ħsieb li jiġi emendat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008(7) billi tadatta l-proċeduri tat-test sabiex ikunu jirriflettu b'mod adegwat l-emissjonijiet iġġenerati minn sewqan reali fit-triq; billi żewġ pakketti ta' miżuri, kull wieħed f'abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007, ġew approvati mit-TCMV fid-19 ta' Mejju 2015 u fit-28 ta' Ottubru 2015 rispettivament;

H.  billi l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni (UE) .../... ta' XXX li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (minn hawn' il quddiem "l-abbozz ta' miżura") jipprovdi li bil-għan li jitwaqqfu r-rekwiżiti tal-emissjonijiet tas-sewqan reali (RDE) kwantitattivi, "inċertezzi tekniċi u statistiċi dwar il-proċeduri tal-kejl għandhom jiġu kkunsidrati"; billi l-abbozz ta' miżura tippermetti wkoll marġni "b'kont meħud tal-inċertezzi fil-kejl addizzjonali relatati li l-applikazzjoni ta' Sistemi Portable ta' Kejl ta' Emissjonijiet (PEMS)";

I.  billi, skont l-abbozz ta' miżura, il-manifatturi se jkunu meħtieġa jiżguraw li, waqt l-approvazzjoni tat-tip u tul il-ħajja ta' vettura, l-emissjonijiet li joħorġu f'test RDE ma jaqbżux ċerti "limiti ta' valur li ma għandhomx jinqabżu (NTE)"; billi l-valuri ta' limitu NTE huma espressi bħala l-limiti tal-emissjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 715/2007 multiplikati b'fattur ta' konformità u funzjoni ta' trasferiment;

J.  billi, abbażi ta' analiżi miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iżball PEMS medju attwali tal-kejl hu 18.75 %, li jikkorrispondi għal fattur ta' konformità massimu ta' 1.2; billi l-analiżi tal-iżbalji tal-JRC ikkonkludiet li l-proċedura tal-ittestjar RDE tista' tintroduċi marġni ta' inċertezza tal-kejl sa massimu ta' 30 %, jiġifieri 25 mg NOx/km għal-limitu tal-Euro 6 bħala "l-agħar każ marġni", ekwivalenti għal fattur ta' konformità ta' 1.3; billi dawn it-tolleranzi jew l-inċertezzi inizjali tal-proċedura ta' kejl tal-emissjonijiet huma mistennija li jsiru inqas maż-żmien grazzi għall-progress tekniku;

K.  billi l-abbozz tal-miżura approvata mit-TCMV fit-28 ta' Ottubru 2015 se jintroduċi "fattur ta' konformità temporanju" ta' 2.1, bl-effett li jippermetti li vetturi li jemettu 168 mg/km ta' NOx fit-test RDE applikabbli għall-vetturi l-ġodda kollha minn Settembru 2019 (tipi ġodda ta' vetturi minn Settembru 2017), jiġifieri erba' snin wara d-dħul fis-seħħ tal-valur ta' limitu ta' 80 mg/km tal-Euro 6; billi rekwiżit RDE kwantitattiv finali li jkollu "fattur ta' konformità finali" ta' 1.5 għandu japplika għall-vetturi ġodda kollha mill-2021 (tipi ġodda ta' vetturi mill-2020) bl-effett li jippermettu lill-vetturi jemettu 120 mg/km ta' NOx fit-test RDE;

L.  billi l-multiplikatur tal-funzjoni ta' trasferiment fil-formula għal limiti NTE mhuwiex spjegat jew iġġustifikat; billi kwalunkwe valur għall-parametru tal-funzjoni ta' trasferiment li hu ikbar minn 1 jirriżulta f'żieda fil-livell tal-emissjonijiet permessi skont it-test RDE;

M.  billi l-abbozz ta' miżura jxekkel kwalunkwe infurzar tal-valuri tal-limitu eżistenti stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 715/2007 fir-rigward tal-iskorrimenti sinifikanti evidenzjati fl-użu normali tal-emissjonijiet NOx tal-vetturi sal-infurzar tat-test RDE;

N.  billi fil-paragrafu 14 tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2015 dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku, il-Parlament ikkonferma d-dispożizzjoni tar-rapport adottat mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel li tirrikjedi lill-Kummissjoni "tintroduċi test tal-emissjonijiet tas-sewqan reali għall-vetturi kollha bl-approvazzoni tat-tip jew li ġew irreġistrati mill-2015 biex tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet u jingħata lok biex il-vettura tikkonforma ma' dan ir-Regolament u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu, b'fattur ta' konformità li jirrifletti biss it-tolleranzi possibbli tal-proċedura tal-kejl tal-emissjonijiet fis-seħħ, sal-2017";

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 715/2007;

2.  Iqis li dan l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni jirriżulta f'deroga ġenerali de facto mil-limiti tal-emissjonijiet applikabbli, u għalhekk mhux konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, peress li mhuwiex kompatibbli mal-għan u l-kontenut tar-Regolament (KE) Nru 715/2007;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' Regolament tagħha u tressaq wieħed ġdid mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard mill-1 ta' April 2016, b'tali mod li tintroduċi test tal-emissjonijiet tas-sewqan reali għall-vetturi kollha biex tiġi żgurata l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll tal-emissjonijiet u jingħata lok biex il-vettura tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 715/2007 u l-miżuri ta' implimentazzjoni tiegħu, b'fattur ta' konformità li jirrifletti biss it-tolleranzi possibbli tal-proċedura tal-kejl tal-emissjonijiet fis-seħħ, sal-2017;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 171, 29.6.2007, p. 1.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0375.

(3)

ĠU L 152, 11.6.2008, p. 1.

(4)

ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22.

(5)

ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(6)

Ir-Rapport Tekniku tal-EEA Nru 5/2015 "Overview of climate change adaptation platforms in Europe", p. 8 u p. 44.

(7)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta' Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta' vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta' vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura (ĠU L 199, 28.7.2008, p. 1).

Avviż legali