Proċedura : 2015/3034(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0058/2016

Testi mressqa :

B8-0058/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2016 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 414kWORD 73k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0043/2016
14.1.2016
PE575.960v01-00
 
B8-0058/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-implimentazzjoni tal-klawsola ta' assistenza reċiproka tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (2015/3034(RSP))


Urmas Paet, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Pavel Telička, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Guy Verhofstadt, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-klawsola ta' assistenza reċiproka tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (2015/3034(RSP))  
B8-0058/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-attakki terroristiċi f'Madrid fl-2004, l-attakki terroristiċi f'Londra fl-2005, l-attakki terroristiċi fi Brussel fl-2014 u l-attakki terroristiċi multipli f’Pariġi fl- 2015,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President tar-Repubblika Franċiża qabel sessjoni konġunta tal-Parlament Franċiż fis-16 ta’ Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Artikolu 42(7) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2003, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha li ġie approvat mill-Kunsill Ewropew fil-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar il-klawżoli ta' difiża reċiproka u ta' solidarjetà tal-UE: dimensjonijiet politiċi u operattivi(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, u speċifikament id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII u l-Artikolu 51 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar id-difiża u s-sigurtà adottati mill-Kunsill Ewropew fid-19-20 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar id-difiża u s-sigurtà adottati mill-Kunsill Ewropew fil-25-26 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin (Ministri tad-Difiża) tas-16 u s-17 ta’ Novembru 2015, ippreseduta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà Federica Mogherini,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE sfat vittma ta' diversi attakki terroristiċi mill-2004, li fihom inqatlu mijiet u diversi eluf sfaw feruti;

B.  billi l-aktar attakk terroristiku riċenti mwettaq kontra l-UE u ċ-ċittadini tagħha seħħ f’Pariġi fit-13 ta’ Novembru 2015, li fih inqatlu 130 persuna Ewropea u ndarbu 368;

C.  billi it-theddida tat-terroriżmu għadha għaddejja u qed tikber fl-UE kollha, li qed tinstiga bidla drammatika fil-libertajiet taċ-ċittadini tal-UE;

D.  billi, b'reazzjoni għall-attakki terroristiċi f’Pariġi fit-13 ta’ Novembru 2015, il-Gvern Franċiż uffiċjalment invoka l-klawsola ta’ assistenza reċiproka (l-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE));

E.  billi l-prinċipju tad-difiża kollettiva stabbilit fl-Artikolu V tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana tan-NATO għandu jkollu l-istess piż daqs l-Artikolu 42(7) għall-UE;

F.  billi s-solidarjetà, l-għajnuna u l-assistenza reċiproka fost l-Istati Membri, inkluż permezz tar-rikors għall-mezzi tal-Unjoni, jiffurmaw parti mis-sisien tal-Unjoni Ewropea;

G.  billi s-sigurtà interna u l-ġlieda kontra t-terroriżmu huma prijorità għall-UE; billi jeħtieġ li jkun hemm strateġija komuni għall-Istati Membri kollha;

H.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jwaqqfu l-esternalizzazzjoni tal-istrateġija u tal-kapaċitajiet għas-sigurtà u d-difiża tagħha lil atturi esterni;

I.  billi r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà għandha r-responsabbiltà li tikkoordina u taġixxi b’mod proattiv fi kwistjonijiet ta’ tali importanza bħal dawn;

J.  billi l-kapaċità tal-bini tas-sigurtà u d-difiża stabbilita fit-Trattati għad trid tinkiseb; billi hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiksbu Unjoni Ewropea ta’ Sigurtà u ta’ Difiża; billi Unjoni Ewropea ta’ Sigurtà u Difiża twassal sabiex l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana tkun aktar b'saħħitha, u, konsegwentement, tippromwovi ulterjorment u b'mod aktar effettiv is-sigurtà u d-difiża Ewropea, trans-Atlantika u globali;

1.  Jesprimi solidarjetà sħiħa mal-vittmi kollha tat-attakki terroristiċi li seħħew fl-UE mill-2004, u mal-familji u l-ħbieb tagħhom;

2.  Jirrikonoxxi u jilqa’ b'sodisfazzjon l-appoġġ unanimu mogħti lil Franza mill-Istati Membri kollha tal-UE; jilqa' r-rieda tal-Istati Membri kollha li jipprovdu l-għajnuna u l-assistenza sħiħa meħtieġa;

3.  Jinnota b’sodisfazzjon il-kontributi addizzjonali tal-kapaċitajiet imqiegħda għad-dispożizzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri kollha jżommu l-appoġġ dejjiemi u mingħajr kundizzjonijiet tagħhom; jilqa' r-rwol ta' Franza bħala katalist f'dan l-isforz komuni;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-klawsola ta’ assistenza reċiproka (Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea) ġiet invokata għall-ewwel darba; jemmen li l-każ preżenti se jistabbilixxi preċedent għall-użu futur ta’ din il-klawsola;

5.  Jiddispjaċih li l-applikazzjoni tal-Artikolu 42(7) TUE ma tmexxietx jew ġiet ikkoordinata b'mod proattiv mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li wassal sabiex intilfet l-opportunità biex rispons Ewropew reali jiġi stabbilit bħala punt ta' riferenza; ifakkar li nqalgħu ħafna restrizzjonijiet operazzjonali u li xi istituzzjonijiet tal-UE, speċjalment il-Kunsill Ewropew, qed jonqsu milli jaġixxu bħala faċilitaturi u mhumiex qed jużaw il-potenzjal sħiħ tagħhom biex jiżguraw rispons kollettiv u effettiv rigward l-applikazzjoni tal-klawsola ta’ assistenza reċiproka;

6.  Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni, tidentifika il-mezzi u l-proċeduri rilevanti tal-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawsola ta’ assistenza reċiproka (l-Artikolu 42(7)) biex tikkoordina u tmexxi operazzjonijiet bħal dawn;

7.  Jiddispjaċih dwar l-ineżistenza ta’ linji gwida u analiżi fir-rigward tal-attivazzjoni tal-klawsola ta’ assistenza reċiproka, li wasslet għal din ir-realtà ta’ miżuri ad hoc, ġestjoni ad hoc u kooperazzjoni ad hoc;

8.  Iqis l-attivazzjoni tal-klawsola ta’ assistenza reċiproka bħala opportunità unika biex tiġi stabbilita l-bażi għal Unjoni Ewropea ta’ Sigurtà u ta’ Difiża b’saħħitha u sostenibbli; huwa tal-fehma li biss b’kapaċità awtonoma ta’ sigurtà u ta’ difiża li l-UE tkun mgħammra u lesta biex tiffaċċja t-theddid u l-isfidi kbar għas-sigurtà interna u esterna;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

 

(1)

ĠU C 419, 16.12.2015, p. 138.

Avviż legali