Proċedura : 2015/3034(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0060/2016

Testi mressqa :

B8-0060/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2016 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 406kWORD 73k
14.1.2016
PE575.962v01-00
 
B8-0060/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (2015/3034(RSP))


Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (2015/3034(RSP))  
B8-0060/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra t-Terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna mġedda tal-UE għall-perjodu 2015-2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u d-definizzjoni tal-arranġamenti għall-implimentazzjoni tiegħu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-lejl tal-Ġimgħa, 13 ta' Novembru 2015 seħħew serje ta' attakki kważi simultanji f’Pariġi, li ħallew 130 persuna mejta u 368 ruħ midruba;

B.  billi l-grupp terroristiku Daesh iddikjara li kien responsabbli għal dawn l-attakki, u wissa li se jkun hemm iktar attakki fil-futur;

C.  billi t-Trattat ta' Lisbona introduċa l-Artikolu 42(7) TUE ("il-klawsola dwar id-difiża reċiproka") u l-Artikolu 222 ("il-klawżola ta' solidarjetà") bl-għan li jiġi indirizzat it-tħassib ta' sigurtà tal-Istati Membri;

D.  billi seba' snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona għad m’hemm l-ebda arranġament ta' implimentazzjoni sabiex il-klawżola dwar id-difiża reċiproka tal-Artikolu 42(7) tidħol fis-seħħ;

E.  billi nhar it-Tnejn, 16 ta' Novembru 2015 waqt sessjoni konġunta taż-żewġ Kmamar tal-Parlament f’Versailles, il-President Hollande iddikjara li "Franza tinsab fi stat ta' gwerra" u, b’sorpriża, invoka l-Artikolu 42(7) TUE;

F.  billi l-Artikolu 42(7) TUE jipprovdi li "jekk Stat Membru jkun il-vittma ta' aggressjoni armata fuq it-territorju tiegħu, l-Istati Membri l-oħra jkunu obbligati jtuh l-għajnuna u l-assistenza permezz tal-mezzi kollha li jista' jkollhom"; billi din kienet l-ewwel darba fl-istorja li ġiet invokata din il-klawsola;

G.  billi fil-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin tas-17 ta' Novembru 2015, il-ministri tad-difiża tal-UE esprimew l-appoġġ unanimu u sħiħ tagħhom għal Franza u r-rieda tagħhom li jipprovdu l-għajnuna u l-assistenza u meħtieġa;

H.  billi, peress li għażel li jinvoka l-Artikolu 42(7) TUE minflok l-Artikolu 222 TFUE (il-klawżola ta' solidarjetà tal-UE), il-President Franċiż wera li kien favur soluzzjoni purament intergovernattiva (l-Artikolu 42(7) TUE) iktar milli l-involviment ikbar tal-istituzzjonijiet tal-UE (l-Artikolu 222 TFUE);

I.  billi l-aħħar attakki terroristiċi fit-territorju tal-UE wrew nuqqas ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni u nuqqasijiet serji fil-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost is-servizzi Ewropej tal-intelligence;

J.  billi l-UE għad m’għandhiex strateġiji koerenti u effikaċi biex tiġġieled il-kawżi tar-radikalizzazzjoni, b’mod partikolari l-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, l-injoranza u l-esklużjoni soċjali, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha; jinnota li, minbarra n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ dawn il-kawżi fundamentali tar-radikalizzazzjoni, hemm ukoll nuqqas ta’ konsistenza fil-politika barranija tal-UE fil-konfront ta’ dawk il-pajjiżi li mhux jieħdu azzjoni deċiżiva biżżejjed fir-rigward tal-gruppi estremisti Iżlamiċi, il-kompliċi tagħhom u d-donaturi tagħhom;

K.  billi r-reazzjoni għall-vjolenza estremista għandha tkun immirata, proporzjonata u legali sabiex tkun verament effikaċi, u billi kwalunkwe azzjoni għalhekk għandha tikkonforma bis-sħiħ mal-Karta tan-NU, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u d-dritt internazzjonali;

1.  Jikkundanna bil-qawwa kollha l-attakki terroristiċi tal-biża’ mwettqa minn Daesh; jesprimi l-ikbar simpatija u solidarjetà u l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi kollha tal-attakki terroristiċi u lill-familji tagħhom;

2.  Jinnota t-talba ta' Franza biex jiġi attivat l-Artikolu 42(7) TUE, in-natura militari ta' dan l-artikolu u l-implikazzjonijiet purament intergovernattivi tiegħu;

3.  Jemmen li, minkejja l-gravità estrema tal-attakki, u abbażi tar-rieda assoluta li ma jirrikonoxxix lil Daesh bħala stat sovran, l-attakki ta’ Pariġi m'għandhomx jitqiesu bħala attakk militari li jaqa' fl-ambitu tal-Artikolu 42(7) TUE;

4.  Jilqa' d-deċiżjoni unanima mill-ministri tad-difiża tal-UE li jappoġġaw lil Franza wara l-attakki ta’ Pariġi tat-13 ta' Novembru 2015; jemmen, madankollu, li l-attivazzjoni tal-Artikolu 42(7) TUE minflok tal-klawsola ta’ solidarjetà tal-Artikolu 222 TFUE, li hija speċifikament imfassla għal każijiet ta’ "attakk terroristiku", hija opportunità mitlufa, peress li l-attivazzjoni tagħha kienet tkun ta’ għajnuna, minħabba li timmobilizza lill-istituzzjonijiet tal-UE, sabiex jissaħħu l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fil-livell tal-UE;

5.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra t-terroriżmu teħtieġ, l-ewwel u qabel kollox, li jiġu missielta l-kawżi sottostanti li jwasslu għall-vjolenza u r-radikalizzazzjoni, u għalhekk jirrikjedi politiki mmirati lejn l-iżvilupp tal-koeżjoni soċjali, l-inklużività, id-djalogu, it-tolleranza u l-fehim bejn il-kulturi u r-reliġjonijiet differenti, kif ukoll konsistenza u koerenza iktar b'saħħithom fil-politiki barranin tal-UE ma’ pajjiżi terzi;

6.  Itenni t-twemmin tiegħu li huwa biss permezz ta' soluzzjoni politika għall-kriżi fl-Iraq, is-Sirja, il-Jemen u l-Libja li jistgħu verament jiġu mfixkla l-attivitajiet tal-gruppi estremisti, filwaqt li l-interventi militari ħafna drabi għandhom il-potenzjal li jaggravaw is-sitwazzjoni u jsaħħu l-proċessi ta’ radikalizzazzjoni;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iżidu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operattiva fl-oqsma tal-intelligence permezz tal-interkonnessjoni tal-bażijiet ta’ data nazzjonali u l-isfruttament sħiħ ta' oqfsa eżistenti, bħalma hija l-pjattaforma ta' netwerk sikur għall-iskambju ta' informazzjoni u intelligence (SIENA) tal-Europol u billi jiġi mmassimizzat l-użu ta’ pjattaformi u servizzi oħrajn tal-Europol;

8.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex tipproponi lill-Kunsill arranġamenti prattiċi u linji gwida li jiddefinixxu l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-klawsola dwar id-difiża reċiproka, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42(7) TUE, filwaqt li tiċċara b'mod partikolari l-ambitu tat-terminu "attakk militari", iċ-ċirkostanza li skonthom għandu japplika minflok il-klawsola ta' solidarjetà tal-Artikolu 222 TFUE u r-rwol li għandu jkollhom l-istituzzjonijiet tal-UE;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

 

Avviż legali