Proċedura : 2015/3035(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0066/2016

Testi mressqa :

B8-0066/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 503kWORD 157k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0050/2016
14.1.2016
PE575.968v01-00
 
B8-0066/2016/rev.

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2016 (2015/3035(RSP))


Elena Valenciano, Pier Antonio Panzeri, Soraya Post, Liisa Jaakonsaari, Tibor Szanyi, Doru-Claudian Frunzulică f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2016 (2015/3035(RSP))  
B8-0066/2016/rev.

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom, inkluża l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Konferenza Dinjija ta' Durban tal-2001 kontra r-Razziżmu, id-Diskriminazzjoni Razzjali, il-Ksenofobija u l-Intolleranza Relatata,

–  wara li kkunsidra l-aħħar rapport u l-konklużjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-2015 u l-2016 huma snin ta' anniversarji importanti f'dak li jirrigwarda t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, tal-paċi u tas-sigurtà: is-70 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti, il-50 anniversarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), it-30 u l-20 anniversarju tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp (1986) u tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għal Azzjoni (1995) rispettivament, u l-15-il anniversarju tar-riżoluzzjoni storika tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (2000) u tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (2000);

B.  billi d-difiża tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem irrispettivament mir-razza, l-oriġini, is-sess jew il-kulur hija obbligu għall-istati kollha; filwaqt li jtenni l-impenn tiegħu lejn l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, sew jekk ċivili, ekonomiċi, soċjali jew kulturali, li huma interkonnessi u interdipendenti; billi ċ-ċaħda ta' kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandha impatt dirett u ħażin fuq l-oħrajn; billi l-istati kollha għandhom l-obbligu jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta' dawk id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u li jikkooperaw fil-livell internazzjonali bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;

C.  billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea;

D.  billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi hija mmexxija mill-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u jipprevedi r-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali;

E.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun integrat fl-oqsma politiċi kollha li jinvolvu l-paċi u s-sigurtà, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-migrazzjoni, il-kummerċ u l-investiment, l-azzjoni umanitarja, it-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, peress li dawn it-temi ma jistgħux jiġu affrontati separatament mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċeduri Speċjali li jittrattaw jew sitwazzjoni f'pajjiżi speċifiċi jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

G.  billi sfortunatament, xi membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huma kkunsidrati bħala fost l-agħar persuni li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u għandhom rekords dubjużi f'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni mal-Proċeduri Speċjali tan-NU u l-konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar tagħhom fir-rigward tal-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.  Jilqa' pożittivament il-ħatra tal-Ambaxxatur Choi Kyong-lim bħala President tal-UNHRC għall-2016;

2.  Jilqa' pożittivament ir-rapport annwali tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li jkopri t-28, id-29 u t-30 sessjoni;

3.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom ikunu eletti minn fost stati li jiddefendu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, u jħeġġeġ lill-istati membri tan-NU jippromwovu kriterji bbażati fuq ir-riżulati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal kwalunkwe stat li se jiġi elett bħala membru tal-UNHRC; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem f'ċerti membri tal-UNHRC li għadhom kif ġew eletti bħall-Arabja Sawdija, u jisħaq fuq l-importanza tad-difiża tal-indipendenza tal-UNHRC biex jiġi żgurat li jkun jista' jkompli jeżerċita l-mandat tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni li wrew xi stati membri;

4.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċeduri Speċjali u għall-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat bħar-Rapporteurs Speċjali, biex b'hekk ikunu jistgħu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom b'imparzjalità sħiħa, u jistieden lill-istati kollha jikkooperaw ma' dawn il-proċeduri;

5.  Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-universalità tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), bil-għan li jintlaħaq fehim sħiħ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-istati membri kollha tan-NU, u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-tieni ċiklu tar-rieżami, li jikkonċentra speċjalment fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati matul l-ewwel ċiklu; jappella madankollu għal darb'oħra, biex ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-istati matul l-ewwel ċiklu jerġgħu jiġu kkunsidrati fit-tkomplija tal-proċess tal-EPU;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, b'mod partikolari s-soċjetà ċivili, jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), u jesprimi t-tħassib tiegħu li limitazzjonijiet u restrizzjonijiet gravi fixklu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-EPU;

7.  Jistieden lill-UE tagħti segwitu lir-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali fid-djalogi politiċi kollha tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati, bil-għan li jiġu eżaminati modi u mezzi kif jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet permezz ta' strateġiji nazzjonali u reġjonali;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-Inizjattiva għall-Bidla tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, maħsuba biex ittejjeb u ssaħħaħ il-preżenza globali tal-uffiċċji tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU bil-ħolqien ta' tmien hubs reġjonali biex jimmonitorjaw u jippromwovu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem b'kollaborazzjoni diretta mas-sħab bil-għan li r-rakkomandazzjonijiet dwar il-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem jissarrfu f'bidliet reali fil-prattika;

Id-drittijiet ċivili u politiċi

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-reviżjonijiet kostituzzjonali li għamlu ċerti pajjiżi, immirati biex ibiddlu l-limitu ffissat fuq il-mandat presidenzjali, kwistjoni li f'ċerti każi ġġenerat vjolenza marbuta mal-elezzjonijiet; jafferma mill-ġdid li r-rispett tad-drittijiet ċivili u politiċi, fosthom il-libertà tal-espressjoni individwali u kollettiva, il-libertà tal-għaqda u ta' assoċjazzjoni, huma l-indikaturi ewlenin ta' soċjetà demokratika, tolleranti u pluralistika;

10.  Itenni li l-ħatra libera tal-mexxejja politiċi, permezz ta' elezzjonijiet li jsiru perjodikament fuq il-bażi ta' vot universali u ndaqs, hija dritt fundamentali li kull ċittadin għandu jgawdi minnu f'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (l-Artikolu 21(3)) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (l-Artikolu 25); jafferma wkoll li l-libertà tal-espressjoni u kuntest vibranti u li jwassal għal soċjetà ċivili indipendenti u pluralistika huma rekwiżiti preliminari għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Jikkundanna l-fastidju kontinwu u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-membri tal-oppożizzjoni min-naħa tal-forzi tal-gvern f'għadd ta' pajjiżi terzi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni inġusta u restrittiva, inklużi restrizzjonijiet fuq il-finanzjament barrani, li qed tirriżulta fi spazju dejjem aktar limitat għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jappoġġaw il-libertà tal-midja, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jippermettulhom joperaw mingħajr biża', repressjoni jew intimidazzjoni;

12.  Huwa tal-fehma li t-teknoloġiji diġitali kontemporanji joffru vantaġġi u sfidi għall-protezzjoni tad-dritt għall-privatezza u għall-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni online fid-dinja kollha; jilqa' f'dan il-kuntest, il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Privatezza fl-Era Diġitali, li fil-mandat tiegħu hemm inklużi l-kwistjonijiet ta' sorveljanza u privatezza li jolqtu l-persuni online jew offline;

13.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE dwar tolleranza żero għall-piena tal-mewt u jtenni l-oppożizzjoni li ilu jħaddan kontra t-tortura, u t-trattament u l-kastig krudili, diżuman u degradanti fil-każijiet kollha u taħt kull ċirkostanza; jenfasizza l-importanza li l-UE tkompli tavvanza l-moratorju dwar il-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn it-tneħħija tagħha u jenfasizza għal darb'oħra li t-tneħħija tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem;

14.  Ifaħħar il-progress sostanzjali li sar sa issa, fejn bosta pajjiżi ssospendew il-piena tal-mewt filwaqt li oħrajn adottaw miżuri leġiżlattivi għat-tneħħija tal-piena tal-mewt; jesprimi madankollu d-dispjaċir tiegħu li f'dawn l-aħħar snin reġgħu ddaħħlu l-eżekuzzjonijiet f'ċerti pajjiżi; jistieden lil dawk l-istati li neħħew il-piena tal-mewt jew li għandhom moratorju li ilu fis-seħħ fir-rigward tal-piena tal-mewt biex ma jerġgħux idaħħluha;

15.  Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU fil-politika interna tagħhom biex jegħlbu t-tixrid tal-mibegħda razzjali, etnika u ksenofobika u t-tixwix fuq l-internet u permezz ta' netwerks tal-midja soċjali billi jieħdu miżuri leġiżlattivi xierqa, b'rispett sħiħ għal drittijiet fundamentali oħra bħal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni;

Id-Drittijiet Soċjali u Ekonomiċi

16.  Jiddispjaċih li, aktar minn 20 sena wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Vjenna dwar l-universalità, l-indiviżibbiltà, l-interdipendenza u n-natura interrelatata tad-drittijiet kollha tal-bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali mhuwiex meqjus bl-istess mod bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), u ma ssirx l-istess enfasi fuqu bħal fil-każ ta' dan tal-aħħar; jirrikonoxxi l-isforzi tal-UNHRC biex id-drittijiet tal-bniedem kollha jitqiesu ugwalment u jiġu enfasizzati bl-istess mod, permezz tal-istabbiliment ta' detenturi ta' mandat tal-Proċedura Speċjali b'rabta mad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali;

17.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar iż-żieda fil-faqar estrem, li tipperikola t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jilqa' f'dan ir-rigward ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem (A/HRC/29/31), u jappoġġa l-proposti tiegħu għall-eliminazzjoni tal-faqar estrem, li jinkludu: li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali jingħataw l-istess prominenza u prijorità bħalma jingħataw id-drittijiet ċivili u politiċi; li jiġi rikonoxxut id-dritt għall-protezzjoni soċjali; li jiġu implimentati politiki fiskali mmirati speċifikament biex inaqqsu l-inugwaljanza; li jiġi stimulat u tingħata sustanza lid-dritt għall-ugwaljanza; u li l-kwistjonijiet dwar id-distribuzzjoni mill-ġdid tar-riżorsi jitqiegħdu fil-qalba tad-dibattiti dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-foqra fid-dinja huma nisa u unitajiet domestiċi mmexxija min-nisa, huwa importanti li jiġi żgurat aċċess ugwali għar-riżorsi u l-impjiegi kemm għan-nisa u kemm għall-irġiel;

18.  Huwa tal-fehma li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina tal-beni pubbliċi u n-nuqqas ta' responsabbiltà jikkontribwixxu għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini, billi dawn jiddevjaw il-fondi mill-baġits tal-istati li għandhom ikunu ddedikati għall-avvanz tad-drittijiet tal-bniedem f'servizzi pubbliċi tant meħtieġa bħall-edukazzjoni, is-servizzi tas-saħħa bażiċi u infrastruttura soċjali oħra; iqis li l-azzjoni maħsuba biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment id-dritt għall-informazzjoni, għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, għal ġudikatura indipendenti u għal parteċipazzjoni demokratika fl-affarijiet pubbliċi, hija kruċjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

19.  Jenfasizza li l-komunitajiet ta' minoranza fil-pajjiżi terzi għandhom ħtiġijiet speċifiċi u li l-ugwaljanza sħiħa tagħhom għandha tiġi promossa fl-oqsma kollha tal-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali;

In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem

20.  Jappoġġa bil-qawwa l-implimentazzjoni effikaċi u komprensiva tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, kemm fi ħdan kif ukoll barra mill-UE, u jirrakkomanda bis-saħħa li l-Istati Membri tal-UE jiżviluppaw u jimplimentaw il-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali; jafferma mill-ġdid barra minn hekk, l-importanza li l-UE tippromwovi r-responsabbiltà soċjali korporattiva u li l-impriżi Ewropej jiżvolġu rwol minn ta' quddiem fil-promozzjoni tal-istandards internazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; jappella lin-NU u lill-UE jqajmu mal-impriżi multinazzjonali u Ewropej il-kwistjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-art, li huma vittmi ta' rappreżalji, anki fil-forma ta' theddid, fastidju, arrest arbitrarju, attakk u qtil talli jikkritikaw l-akkwist ta' art fuq skala kbira askapitu tad-drittijiet tal-art u l-ikel tal-popolazzjonijiet rurali f'pajjiżi terzi; jappella biex fil-proġetti tagħhom fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem, il-mekkaniżmi tan-NU u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jinkludu sistematikament lid-difensuri tad-drittijiet tal-art;

21.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jissaħħaħ il-Proġett għar-Responsabbiltà u r-Rimedji bil-għan li jingħata kontribut lil sistema ġusta u aktar effikaċi tar-rimedji fid-dritt nazzjonali, partikolarment f'każijiet ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fis-settur tan-negozju; jistieden lill-gvernijiet kollha jaqdu dmirijiethom biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi prattiċi u ġuridiċi biex jiksbu aċċess għar-rimedji fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, fir-rigward ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati man-negozju;

22.  Josserva li grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ dwar l-elaborazzjoni ta' strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi tan-negozju oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, stabbilit b'riżoluzzjoni tal-UNHRC tas-26 ta' Ġunju 2014, kellu l-ewwel sessjoni tiegħu f'Lulju 2015; Jitlob barra minn hekk lill-UE tappoġġa sforzi biex tallinja l-politiki tagħha mal-linji gwida tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali, u jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fid-dibattitu dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tan-NU;

Il-migrazzjoni

23.  Jinsab imħasseb dwar l-aktar kriżi umanitarja gravi mit-Tieni Gwerra Dinja 'l hawn, li nħolqot mill-għadd dejjem akbar ta' individwi mġiegħla jħallu djarhom b'konsegwenza tal-persekuzzjoni, il-kunflitt armat, il-vjolenza ġeneralizzata, u t-tibdil fil-klima, u li qegħdin ifittxu protezzjoni u ħajja aħjar u qed jissograw ħajjithom billi jibdew vjaġġi perikolużi;

24.  Huwa tal-fehma li l-isfidi ppreżentati mill-kriżi umanitarja marbuta mar-rifuġjati huma kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu ġestiti b'mod komprensiv, fi spirtu ta' solidarjetà fi ħdan l-UE u b'kooperazzjoni mill-qrib man-NU u l-aġenziji tagħha; jistieden lill-pajjiżi kollha jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-migrazzjoni, li jqiegħed id-drittijiet tal-migranti fiċ-ċentru tal-politiki u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-gruppi ta' migranti emarġinati u żvantaġġati, bħan-nisa u t-tfal; jistieden lill-istati kollha jindirizzaw il-vjolenza relatata mal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, u jisħaq fuq l-importanza li l-politika tal-migrazzjoni titfassal minn perspettiva tal-ġeneru bil-għan li tirrispondi għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom;

25.  Ifakkar li l-istati kollha għandhom l-obbligu jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-individwi kollha taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-oriġini tagħhom u irrispettivament mill-istatus ta' immigrazzjoni tagħhom; ifakkar li strateġija dinjija dwar il-migrazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-politiki tal-iżvilupp u dawk umanitarji, inkluż billi jiġu stabbiliti kurituri umanitarji u jingħataw viżi umanitarji, kif ukoll ma' politiki esterni oħra; ifakkar li r-ritorn ta' migranti għandu jsir biss b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-migranti, abbażi ta' deċiżjonijiet liberi u infurmati, u biss meta l-protezzjoni ta' drittijiethom tkun garantita f'pajjiżhom; jistieden lill-gvernijiet iwaqqfu l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni ta' migranti;

26.  Jesprimi tħassib dwar diskriminazzjoni kontinwa u mifruxa kontra l-migranti, inklużi dawk li jfittxu l-asil u r-rifuġjati, u l-ksur ta' drittijiethom; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, flimkien mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jistieden lill-gvernijiet jirrispettaw id-dritt għall-asil u d-dinjità inerenti u d-drittijiet tal-bniedem tal-migranti u, f'kull każ, il-prinċipju tan-non-refoulement; jistieden lill-istati, f'każ li għadhom m'għamlux hekk, jistabbilixxu sistemi u proċeduri biex jiżguraw li l-programmi u l-istituzzjonijiet kollha tagħhom fil-qasam tal-migrazzjoni jkunu kompletament konformi mal-obbligi ġuridiċi internazzjonali tagħhom b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem;

It-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem

27.  Jilqa' l-Ftehim ta' Pariġi taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jkopri l-adattament, it-taffija, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, u l-bini tal-kapaċità; jinsisti li l-kwistjoni tat-tibdil fil-klima għandha tiġi integrata fl-oqsma kollha tal-politika ekonomika; iħeġġeġ lill-istati parti kollha li huma firmatarji għal dan il-Ftehim jadottaw miżuri urġenti u ambizzjużi ta' taffija u adattament billi jintegraw it-tibdil fil-klima fl-oqsma kollha ta' politika;

28.  Ifakkar li l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida globali immedjata u potenzjalment irreversibbli għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-impatt tiegħu fuq il-gruppi vulnerabbli, li s-sitwazzjoni ta' drittijiethom hija diġà prekarja, huwa kunsiderevoli; jinnota bi tħassib li inċidenti relatati mal-klima bħaż-żieda fil-livelli tal-baħar u t-tibdil estrem fil-klima li jwasslu għal nixfiet u għargħar mistennija jwasslu għal aktar telf ta' ħajja, spostament ta' popolazzjonijiet, u skarsezzi ta' ikel u ilma;

29.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tindirizza n-nuqqasijiet ġuridiċi fit-terminu 'rifuġjat minħabba l-klima', inkluż id-definizzjoni tiegħu fid-dritt internazzjonali jew fi kwalunkwe ftehim internazzjonali legalment vinkolanti;

Id-drittijiet tan-nisa

30.  Jisħaq fuq l-importanza li ma jiġix imminat l-'acquis' tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala dritt bażiku tal-bniedem, u l-protezzjoni tad-drittijiet sesswali u riproduttivi; jenfasizza l-fatt li r-rispett universali tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif ukoll l-aċċess għas-servizzi rilevanti jikkontribwixxu biex titnaqqas il-mortalità materna u tat-trabi; jindika li l-ippjanar tal-familja, is-saħħa materna, l-aċċess faċli għall-kontraċezzjoni u aborti sikuri huma elementi importanti biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nisa u jgħinuhom jibnu ħajjithom mill-ġdid jekk ikunu sfaw vittmi ta' stupru; jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-politiki jitpoġġew fil-qalba tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma' pajjiżi terzi;

31.  Jenfasizza l-importanza ta' miżuri li jsaħħu t-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha ta' teħid tad-deċiżjonijiet; jistieden lill-istati jiżguraw rappreżentanza ugwali tan-nisa fl-istituzzjonijiet pubbliċi u l-ħajja pubblika, inkluża attenzjoni speċjali għall-inklużjoni tan-nisa li jagħmlu parti minn minoranzi;

32.  Jilqa' r-Riżoluzzjoni riċenti Nru 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li tagħmel lin-nisa l-komponent ċentrali fl-isforzi kollha biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inkluża ż-żieda fl-estremiżmu vjolenti, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà; ifaħħar is-sejbiet tal-Istudju Globali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li enfasizzaw l-importanza tat-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi u li l-involviment tagħhom tejjeb l-assistenza umanitarja, saħħaħ l-isforzi tal-forzi taż-żamma tal-paċi, rawwem il-konklużjoni tat-taħditiet ta' paċi u għen biex jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti; jistieden lin-NU u lill-istati membri kollha tagħha jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw l-awtonomija tan-nisa, l-inklużjoni sinifikanti tagħhom fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-proċess ta' negozjati għall-paċi u l-bini tal-paċi, billi tiżdied ir-rappreżentanza tagħhom fil-livelli deċiżjonali kollha, fosthom fl-istituzzjonijiet u fil-mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

33.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li, mindu tfaċċaw gruppi estremisti vjolenti bħal Daesh fis-Sirja u l-Iraq u Boko Haram fil-Punent tal-Afrika, il-vjolenza fuq in-nisa ħadet dimensjoni ġdida li hija tal-biża' aktar minn qatt qabel, hekk kif il-vjolenza sesswali saret parti fundamentali mill-objettivi, l-ideoloġija u s-sors ta' dħul ta' dawn il-gruppi estremisti, u tikkostitwixxi sfida ġdida kritika għall-komunità internazzjonali; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-istituzzjonijiet tan-NU jintensifikaw l-impenn tagħhom lejn il-ġlieda kontra dawn id-delitti abominabbli u biex jerġgħu jagħtu d-dinjità lin-nisa bl-għan li ssirilhom ġustizzja, jingħataw riparazzjoni u sostenn;

34.  Iqis li l-fatt li tiġi ggarantita l-awtonomija tan-nisa, billi jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sottostanti bejn in-nisa u l-irġiel li jagħmlu lin-nisa u l-bniet vulnerabbli fi żminijiet ta' kunflitt, huwa mod wieħed kif jiġi miġġieled l-estremiżmu; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla l-edukazzjoni għall-bniet fil-kampijiet tar-rifuġjati, fiż-żoni ta' kunflitt u f'żoni milquta minn faqar estrem u minn estremitajiet ambjentali bħal nixfiet u għargħar;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli jkomplu jippromwovu l-għoti tas-setgħa fil-livell politiku u ekonomiku lin-nisa u lill-bniet bl-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki esterni u l-programmi kollha tagħhom, inkluż permezz ta' djalogi strutturati ma' pajjiżi terzi, billi jqajmu pubblikament kwistjonijiet relatati mal-ġeneru u billi jiżguraw biżżejjed riżorsi għal dan il-għan;

Id-drittijiet tat-tfal

36.  Ifakkar li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġiet adottata fl-1989 u hija t-trattat internazzjonali fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem li l-aktar ġie ratifikat, tiddefinixxi numru ta' drittijiet tat-tfal, fosthom id-dritt għas-saħħa, għall-edukazzjoni u għal-logħob, kif ukoll id-dritt għall-ħajja tal-familja, id-dritt li jitħarsu mill-vjolenza u mid-diskriminazzjoni u li jinstemgħu fehmiethom; jistieden lill-firmatarji kollha ta' dan it-trattat jonoraw l-obbligu tagħhom;

37.  Jilqa' l-istudju globali ppjanat li għandu jiġi mniedi min-NU bl-għan li jiġi ddeterminat, permezz ta' monitoraġġ u analiżi tal-evalwazzjoni, il-mod kif il-liġijiet u l-istandards internazzjonali qed jiġu implimentati fil-prattika u biex jiġu vvalutati l-possibilitajiet konkreti għall-istati biex itejbu l-politiki u r-reazzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-istati kollha jappoġġaw u jipparteċipaw b'mod attiv f'dan l-istudju;

38.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproponi Strateġija u Pjan ta' Azzjoni komprensivi għad-Drittijiet tat-Tfal għall-ħames snin li ġejjin, biex tagħti prijorità lid-drittijiet tat-tfal fi ħdan il-politiki esterni tal-UE, tappoġġa l-isforzi tal-UE biex tippromwovi drittijiethom, partikolarment billi tikkontribwixxi biex tiżgura l-aċċess tat-tfal għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, billi tiżgura r-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tat-tfal li jinsabu fi gruppi armati, jiġu eliminati t-tħaddim tat-tfal, it-tortura, il-kwistjoni tat-tfal li għandhom is-seħer, it-traffikar, iż-żwieġ furzat u l-isfruttar sesswali, u billi t-tfal li jinsabu f'kunflitti armati jingħataw l-għajnuna u jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni f'żoni ta' kunflitt u fil-kampijiet tar-rifuġjati;

Id-drittijiet tal-persuni LGBTI

39.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-persistenza ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji u ta' atti ta' vjolenza kontra individwi f'diversi pajjiżi, abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; jinkoraġġixxi l-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI f'pajjiżi fejn dan l-aħħar ġew introdotti liġijiet kontra l-LGBTI li jheddu l-ħajjiet tal-minoranzi sesswali; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejħa liġijiet 'kontra l-propaganda', li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, anki f'pajjiżi fil-kontinent Ewropew;

40.  Jappoġġa l-ħidma kontinwa tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jiġu miġġielda dawn il-liġijiet diskriminatorji, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja Ħielsa u Ugwali, kif ukoll ħidmet korpi oħra tan-NU; jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI, u jappella lill-UE żżid l-appoġġ tagħha lejn dawn id-difensuri; jinnota li d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI aktarx li jiġu rrispettati aktar jekk dawn ikollhom aċċess għal istituzzjonijiet ġuridiċi, possibilment permezz ta' sħubija reġistrata jew żwieġ;

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

41.  Jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u li jippermettulhom jagħmlu xogħolhom mingħajr biża', ripressjoni jew intimidazzjoni, jikkooperaw mal-UNHRC fil-mekkaniżmu tal-EPU u biex jiżguraw li l-pajjiżi responsabbli għal rappreżalji kontra l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem iwieġbu għal għemilhom;

iqis li l-intimidazzjoni kontinwa u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-personalitajiet tal-oppożizzjoni minn għadd ta' membri tal-UNHRC jimminaw l-kredibilità tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu inizjattiva fil-livell tan-NU biex telabora rispons koerenti u komprensiv għall-isfidi ewlenin li qed iħabbtu wiċċhom magħhom madwar id-dinja kollha d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq id-drittijiet tan-nisa, id-difiża tad-drittijiet ambjentali, tal-art u tal-popli indiġeni, il-korruzzjoni u l-impunità, il-ġurnalisti u difensuri oħra tad-drittijiet tal-bniedem li jużaw il-midja, anke dik online u soċjali, u biex jikkundannaw sistematikament il-qtil tagħhom;

Il-ġlieda kontra l-impunità u l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI)

42.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha biex tintemm l-impunità ta' dawk li jwettqu l-iktar delitti gravi ta' tħassib għall-komunità internazzjonali u li tagħmel ġustizzja mal-vittmi ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju; jibqa' attent rigward kwalunkwe tentattiv biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tal-Qorti; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jikkooperaw mal-Qorti u jagħtuha appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b'saħħtu, inkluż fin-NU; jappella lill-UE, l-Istati Membri tagħha u r-Rappreżentanti Speċjali tagħha jippromwovu b'mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma, inkluż billi jsaħħu u jespandu r-relazzjoni tagħha mal-Kunsill tas-Sigurtà u billi jiżguraw ir-ratifika rapida min-naħa tal-Istati Membri tal-UE tal-emendi ta' Kampala għall-Istatut ta' Ruma li jiddefinixxu d-delitt ta' aggressjoni;

Id-drones u armi awtonomi

43.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill tal-UE biex jiżviluppa pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati, li tagħti importanza kbira lir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas ġuridiku, il-proporzjonalità, ir-responsabilità, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza; iħeġġeġ għal darb'oħra lill-UE tipprojbixxi l-produzzjoni, l-iżvilupp u l-użu ta' armi kompletament awtonomi, li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu parti mid-djalogi kollha li jsiru ma' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

L-involviment tal-UE

44.  Itenni barra dan l-importanza li l-UE tinvolvi ruħha b'mod attiv u konsistenti fil-mekkaniżmi kollha tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat, l-Assemblea Ġenerali (AĠNU) u l-UNHRC; jirrikonoxxi l-isforzi tas-SEAE, tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra u tal-Istati Membri biex tiżdied il-koerenza tal-UE fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU, permezz ta' konsultazzjoni f'waqtha u sostantiva u biex jitwassal 'messaġġ b'vuċi waħda'; iħeġġeġ lill-UE żżid l-isforzi tagħha biex issemma' leħinha, inkluż billi tintensifika l-prattika li qed tiżdied ta' inizjattivi transreġjonali u billi tressaq riżoluzzjonijiet ma' pajjiżi oħra jew teħodhom f'idejha hi; itenni l-appell tiegħu għal viżibbiltà aktar b'saħħitha tal-azzjoni tal-UE fil-fora multilaterali kollha;

45.  Jitlob lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem ikompli jsaħħaħ l-effikaċja, il-koerenza u l-viżibbiltà tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-UNHRC, u jkompli jiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib mal-OHCHR u mal-Proċeduri Speċjali;

46.  Jenfasizza bil-qawwa r-rwol tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) biex itejjeb it-tħejjija u l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC u fl-indirizzar tal-kwistjoni tal-konsistenza bejn il-politika esterna u interna tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE; ifakkar fl-importanza li tinżamm il-prattika istituzzjonalizzata li jintbagħtu delegazzjonijiet parlamentari lejn l-UNHRC u l-AĠNU;

L-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE

47.  Jappella lill-UE tippromwovi l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

48.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u tintegra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kummerċ, il-politiki tal-investiment, is-servizzi pubbliċi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif ukoll fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha; jenfasizza wkoll il-fatt li l-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE għandha tiżgura li l-politiki interni u esterni tagħha jkunu koerenti, konformi mal-obbligu stabbilit mit-Trattat dwar l-UE;

49.  Jenfasizza li l-ġeneru jeħtieġ li jkun parti sistematika u integrali mid-djalogi kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u pajjiżi terzi; jistieden lis-SEAE jistabbilixxi djalogi dwar il-ġeneru flimkien ma' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi;

Pajjiżi taħt l-Eżami Perjodiku Universali (EPU)

Il-Burundi

50.  Jibqa' mħasseb ħafna dwar l-impatt umanitarju tal-kriżi fuq il-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż u fir-reġjun kollu kemm hu; jitlob li l-UE tkompli taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u l-Unjoni Afrikana lejn eżitu kunsenswali bejn il-gvern u l-oppożizzjoni bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid sistema politika demokratika u inklużiva;

Il-Georgia

51.  Jilqa' s-sħubija tal-Georgia mal-UNHRC u l-EPU reċenti dwar il-Georgia; jieħu nota tar-riformi leġiżlattivi sinifikanti li ssarrfu f'ċertu progress u titjib rigward is-settur tal-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-ġlieda kontra t-trattatment ħażin, id-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali kif ukoll tal-persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs);

52.  Jinnota madankollu li jinħtieġu sforzi oħra fir-rigward tat-trattament ħażin, speċjalment rigward id-detenzjoni qabel il-proċess u r-rijabilitazzjoni tal-vittmi; għadu mħasseb dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-midja u n-nuqqas ta' aċċess mill-persuni inkarigati mill-monitoraġġ għar-reġjuni okkupati tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; jistieden ukoll lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bil-għan li jiżgura l-għoti ta' segwitu lir-rakkomandazzjonijiet li saru fil-proċess tal-EPU;

L-Iżrael/il-Palestina

53.  Jiddispjaċih ħafna li l-Iżrael ma tax aċċess lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, Makarim Wibesono, għat-territorji Palestinjani, u li kellu jirriżenja għax ma setax iwettaq il-kompiti tiegħu b'indipendenza totali;

Il-Libanu

54.  Ifaħħar lil-Libanu għall-politika ta' fruntieri miftuħa u akkoljenza li ilu jħaddan għal ħafna snin fir-rigward tar-rifuġjati mill-Palestina, l-Iraq u s-Sirja, u jistieden lill-Unjoni Ewropea talloka aktar riżorsi u taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Libaniżi biex tgħin lill-pajjiż fil-protezzjoni tad-drittijiet tar-rifuġjati u tal-persuni li jfittxu asil; jinsab imħasseb f'dan il-kuntest, dwar l-għadd sinifikanti rrappurtat ta' każijiet ta' żwieġ tat-tfal u/jew żwieġ furzat fost ir-rifuġjati Sirjani; iħeġġeġ lill-Gvern Libaniż jikkunsidra riforma tal-liġi li tirregola d-dħul u r-residenza fil-Libanu u l-ħruġ minnu, li ma tiddistingwix bejn il-persuni li jfittxu l-asil u r-rifuġjati, minn naħa waħda, u l-migranti, min-naħa l-oħra;

55.  Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li jitolbu miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-ħaddiema domestiċi migranti nisa dwar id-drittijiet tal-bniedem tagħhom skont il-Konvenzjoni CEDAW, li l-Libanu huwa stat parti tagħha; jenfasizza b'mod partikolari l-bżonn li titneħħa s-'sistema Kafala' u jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja għall-ħaddiema domestiċi migranti nisa, anki billi jiġu garantiti s-sikurezza u r-residenza tagħhom matul il-proċeduri ġuridiċi u amministrattivi relatati mal-istatus tagħhom;

Il-Mauritania

56.  Jenfasizza li filwaqt li sar progress min-naħa tal-Gvern tal-Mauritania fit-teħid ta' miżuri leġiżlattivi mmirati li jiġġieldu kull forma ta' skjavitù u prattiki li jixbhu l-iskjavitù, in-nuqqas ta' implimentazzjoni effikaċi jikkontribwixxi għall-persistenza ta' tali prattiki; jistieden lill-awtoritajiet jippromulgaw liġi kontra l-iskjavitù, jagħtu bidu, fuq skala nazzjonali, għal ġbir sistematiku u regolari ta' data diżaggregata dwar kull forma ta' skjavitù u jwettqu studju bir-reqqa bbażat fuq provi dwar l-istorja u n-natura tal-iskjavitù bil-għan li din il-prattika tinqered;

57.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mauritania jippermettu l-libertà tal-espressjoni u ta' assoċjazzjoni, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mad-dritt intern tal-Mauritania; jappella wkoll għall-ħelsien ta' Biram Dah Abeid, Bilal Ramdane u Djiby Sow ħalli jkunu jistgħu jkomplu l-kampanja mhux vjolenta tagħhom kontra t-tkomplija tal-iskjavitù mingħajr biża' ta' turment jew intimidazzjoni;

Il-Myanmar

58.  Jilqa' l-fatt li saru elezzjonijiet kompetittivi fit-8 ta' Novembru 2015, pass importanti lejn it-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż; jibqa' mħasseb madankollu, dwar il-qafas kostituzzjonali għal dawn l-elezzjonijiet, li skontu 25 % tas-siġġijiet fil-parlament huma riżervati għall-militar; jirrikonoxxi l-progress li sar sa issa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jidentifika għadd ta' oqsma li għadhom ta' tħassib kbir, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà tal-espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika;

59.  Jikkundanna d-diskriminazzjoni kontra r-Rohingya, li hija mħarrxa mill-fatt li din il-komunità m'għandhiex status ġuridiku, u miż-żieda fid-diskors ta' mibegħda kontra min mhuwiex Buddist; jitlob li jsiru investigazzjonijiet sħaħ, trasparenti u indipendenti dwar ir-rapporti kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya u jqis li l-erba' liġijiet adottati mill-parlament fl-2015 bl-għan li 'jipproteġu r-razza u r-reliġjon', jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni fir-rigward tal-ġeneru; jiddispjaċih li l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) għadu ma tħalliex jistabbilixxi uffiċċju fil-pajjiż; jinsisti fuq il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tal-impatt sħiħa dwar is-sostenibbiltà u d-drittijiet tal-bniedem qabel ma jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar il-ftehim ta' investiment bejn l-UE u l-Myanmar;

In-Nepal

60.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ fl-20 ta' Settembru 2015 tal-kostituzzjoni l-ġdida tan-Nepal, li għandha tibni l-bażi għall-istabilità politika u l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż fil-futur; jittama li t-tħassib li fadal dwar ir-rappreżentanza politika tal-minoranzi, inklużi d-Dalits, u l-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza se jiġi indirizzat fil-futur qrib;

61.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas mifrux ta' responsabilità għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa miż-żewġ naħat matul il-gwerra ċivili, minkejja l-adozzjoni f'Mejju 2014 tal-Att dwar il-Verità, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Għajbien; iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nepal jaderixxi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat; jikkundanna l-limitazzjonijiet li tqiegħdu fuq il-libertajiet fundamentali tar-rifuġjati Tibetani; iħeġġeġ lill-Indja tneħħi l-imblokk mhux uffiċjali tagħha fuq l-ekonomija tan-Nepal li, flimkien mat-terremot devastanti ta' April 2015, qed jikkawża kriżi umanitarja u jwassal biex madwar miljun Nepaliż ieħor jgħixu f'sitwazzjoni ta' faqar li ma jistgħux joħorġu minnu;

L-Oman

62.  Ifaħħar lill-Oman għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Nazzjonali governattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (NHRC) u għall-istedina li ppermettiet iż-żjara bla preċedent tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Għaqda Paċifika f'Settembru 2014; jesprimi t-tama li dawn il-passi kostruttivi jwasslu għal involviment aktar intensiv mill-Oman mar-rappreżentanti tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem;

Ir-Rwanda

63.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Rwanda, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u ta' assoċjazzjoni, it-tiċkin tal-ispazju demokratiku għall-partiti politiċi fl-oppożizzjoni u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili indipendenti, u n-nuqqas ta' ambjent li jwassal għall-indipendenza tal-ġudikatura; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jiftaħ spazju demokratiku fejn l-oqsma kollha tas-soċjetà jistgħu joperaw liberament;

64.  Jinsab imħasseb dwar il-bidla kostituzzjonali proposta bl-għan li l-President fil-kariga jkun jista' jikkontesta għat-tielet mandat; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jirrispetta l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, l-Artikolu 5 tagħha li jistipula li l-istati partijiet għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha biex jiżguraw id-dritt kostituzzjonali, b'mod partikolari t-trasferiment tas-setgħa kostituzzjonali, u l-Artikolu 23 tagħha li jgħid li kwalunkwe emenda fil-kostituzzjoni li tmur kontra l-prinċipji ta' bidla demokratika tal-gvern hija illegali;

L-Arabja Sawdija

65.  Jinsab imħasseb ferm dwar ir-rata allarmanti ta' sentenzi tal-qorti li ordnaw il-piena tal-mewt fl-Arabja Sawdija fl-2015; jiddispjaċih ħafna dwar l-eżekuzzjonijiet tal-massa mwettqa f'dawn l-aħħar ġimgħat;

66.  Jappella lill-UE timmonitorja mill-qrib mal-awtoritajiet Sawditi, l-istat ta' saħħa ta' Raif Badawi, blogger Sawdita u rebbieħ tal-Premju Sakharov fl-2015, li allegatament jinsab fuq strajk tal-ġuħ;

Is-Sudan t'Isfel

67.  Jilqa' l-Ftehim ta' Paċi ffirmat mill-partijiet fi ġlied fit-28 ta' Awwissu 2015 biex tintemm il-gwerra ċivili, li jinkludi kondiviżjoni tranżizzjonali tas-setgħa, arranġamenti tas-sigurtà u l-ħolqien ta' qorti ibrida biex tisma' d-delitti kollha li twettqu mindu beda l-kunflitt; ifakkar li l-kunflitt ħasad il-ħajja ta' eluf u wassal għal mijiet ta' eluf ta' persuni spustati u rifuġjati;

68.  Jistieden lill-partijiet kollha biex joqogħdu lura milli jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali, inkluż dak li jikkostitwixxi delitt internazzjonali, bħal pereżempju l-qtil extraġudizzjarju, il-vjolenza mmirata etnikament, il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, inkluż l-istupru, kif ukoll il-vjolenza bbażata fuq is-sessi, ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal, l-għajbien sfurzat u l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji;

Is-Sirja

69.  Jenfasizza l-importanza tal-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU dwar is-Sirja; jinnota bi tħassib serju s-sejba prinċipali tal-kummissjoni ta' inkjesta li l-kawża prinċipali ta' persuni midruba fost iċ-ċivili, l-ispustament arbitrarju u l-qerda tibqa' it-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' persuni ċivili, attakki indiskriminati u sproporzjonati, attakki fuq persuni ċivili u oġġetti ta' wirt kulturali protetti u l-impożizzjoni punittiva ta' assedji u mblokki; jenfasizza l-bżonn li jingħataw attenzjoni speċjali u appoġġ lil nisa li huma vittmi ta' vjolenza u lill-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni tagħhom f'għajnuna umanitarja u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

70.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kummissjoni ta' inkjesta tkun iffinanzjata b'mod adegwat biex twettaq il-mandat tagħha, li jikkonsisti fl-istabbiliment tal-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' kull ksur serju mwettaq tad-drittijiet tal-bniedem, u fejn possibbli tidentifika lil dawk responsabbli bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-awturi ta' ksur, inkluż ksur li jista' jikkostitwixxi delitti kontra l-umanità, jinżammu responsabbli;

71.  Jenfasizza l-obbligu li għandhom il-partijiet kollha biex jipproteġu lill-persuni ċivili, jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom, f'konformità mad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; itenni l-konvinzjoni tiegħu li soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi fis-Sirja tista' tinkiseb biss permezz ta' soluzzjoni politika inklużiva, u jistieden lill-partijiet kollha biex jaħdmu lejn tranżizzjoni politika ġenwina li tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan u tippermettilhom jiddeterminaw il-futur tagħhom stess b'mod indipendenti u demokratiku;

Il-Venezwela

72.  Jilqa' l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti fil-Venezwela fis-6 ta' Diċembru 2015; jiddispjaċih li l-aċċettazzjoni inizjali tar-riżultati mill-gvern u l-forzi tal-oppożizzjoni ssarfet fi kriżi politika ġdida; ifakkar fl-importanza li jiġu rispettati l-kostituzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem, u li jiġi evitat kull tentattiv biex tixxejjen ir-rieda tal-poplu Venezwelan kif espressa fl-elezzjonijiet;

73.  Ifakkar li l-gvern il-ġdid se jkollu jittratta firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, li jvarjaw mill-impunità u r-responsabilità għall-qtil extraġudizzjajru, inkluż mill-forzi tas-sigurtà, għall-arrest u d-detenzjoni arbitrarji, id-dritt tal-priġunieri politiċi għal proċess ġust, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà tal-għaqda u ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-midja;

Il-Jemen

74.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kunflitti drammatiċi u vjolenti u l-kriżi umanitarja mingħajr preċedent li hemm fil-pajjiż, fejn il-popolazzjonijiet ċivili Jemeniti huma l-ewwel vittmi tal-eskalazzjoni militari attwali u l-gruppi terroristiċi u estremisti li qed jisiltu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni;

75.  Jiddispjaċih dwar is-sensiela ta' attakki fuq persunal u faċilitajiet mediċi u jħeġġeġ lill-partijiet fil-kunflitt jirrispettaw il-prinċipji bażiċi tad-dritt umanitarju internazzjonali;

76.  Jinsab konvint li huwa biss kunsens politiku wiesa' taħt negozjati ffaċilitati min-NU li jista' jipprovdi soluzzjoni sostenibbli, jerġa' jġib il-paċi u jippreserva l-unità u l-integrità territorjali tal-Jemen, u jtenni l-appoġġ tiegħu lill-atturi reġjonali kollha, li għandhom jaġixxu b'mod responsabbli u kostruttiv bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni;

o

o  o

77.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0470.

Avviż legali