Proċedura : 2015/3032(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0079/2016

Testi mressqa :

B8-0079/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 440kWORD 95k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0068/2016
15.1.2016
PE575.981v01-00
 
B8-0079/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (2015/3032(RSP))


Knut Fleckenstein, Victor Boştinaru, Richard Howitt, David Martin, Nicola Caputo, Andi Cristea, Nicola Danti, Tanja Fajon, Doru-Claudian Frunzulică, Neena Gill, Iliana Iotova, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Costas Mavrides, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Clare Moody, Victor Negrescu, Norbert Neuser, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Emilian Pavel, Tonino Picula, Kati Piri, Joachim Schuster, Tibor Szanyi, Boris Zala f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna (2015/3032(RSP))  
B8-0079/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensiv (AA/DCFTAs) bejn l-Unoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova (minn hawn 'il quddiem il-Moldova), u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, kif ukoll dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u s-Sħubija tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga fil-21 u t-22 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-RGħ/VP tat-18 ta' Novembru 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova tas-16 ta' Marzu 2015, tal-laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Georgia tas-16 ta' Novembru 2015, u tal-laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Ukrajna tas-7 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna huma pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li għażlu t-triq ta' assoċjazzjoni politika u integrazzjoni ekonomika mqarrba mal-UE permezz tal-aktar ġenerazzjoni avvanzata ta' Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, li jipprevedu l-ħolqien ta' Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensiv (AA/DCFTAs);

B.  billi l-AA/DCFTAs mal-Georgia u mal-Moldova ilhom applikati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014;

C.  billi, fl-1 ta' Jannar 2016, l-UE u l-Ukrajna bdew japplikaw provviżorjament iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), li hija parti integrali mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (AA) iffirmat f'Ġunju 2014; billi l-parti politika ta' dan l-AA daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2014;

D.  billi, fi qbil ma' dawn l-AAs, it-tliet sħab ħadu l-impenn li jippromwovu u jimplimentaw riformi bbażati fuq valuri komuni f'dak li jirrigwarda d-demokrazija, il-governanza tajba, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fudamentali, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali;

E.  billi r-rabtiet politiċi u ekonomiċi aktar sodi żviluppati f'dan il-qafas sejrin iġibu aktar stabbiltà u prosperità għall-kontinent Ewropew kollu kemm hu;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-suċċess ġenerali tal-bidu tal-implimentazzjoni tal-AA u l-istabbiliment progressiv ta' żoni ta' kummerċ ħieles; jinsisti li l-implimentazzjoni tal-AA/DCFTAs u tal-aġendi ta' assoċjazzjoni relatati trid tkun prijorità ewlenija għall-UE u għat-tliet sħab; jagħti istruzzjonijiet lill-Kummissjoni biex issegwi mill-qrib il-proċess ta' implimentazzjoni u żżomm lill-Parlament Ewropew debitament infurmat;

2.  Jenfasizza l-importanza li d-dimensjoni soċjali tas-sħubija tiġi żviluppata, fi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Aġendi ta' Assoċjazzjoni u tal-Konvenzjonijiet tal-ILO rilevanti; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrispettaw l-impenji tagħhom dwar standards ċentrali tax-xogħol; jitlob skambju tal-aqwa prattiki u sforzi ulterjuri biex jippromwovu x-xogħol diċenti u t-trasformazzjoni tas-settur informali f'xogħol formali, l-iżvilupp ta' standards tas-sigurtà tax-xogħol, kif ukoll djalogu soċjali u t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet trejdunjonistiċi; iqis li dan irid jimxi id f'id ma' sistemi tat-taxxa li jkunu bilanċjati mil-lat soċjali, u mal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa;

3.  Iqis li, b'mod partikolari għal dawk il-pajjiżi sħab li għaddejjin minn kriżi ekonomika, l-objettiv taż-Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi jrid ikun, fuq kollox, li jġibu titjib tanġibbli u sostenibbli fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies ordinarji; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-implimentazzjoni tad-DCFTA, flimkien mal-qagħda ekonomika pessma, sejrin jikkostitwixxu sfida sinifikanti għall-ekonomija u għas-suq tax-xogħol tal-Ukrajna, b'konsegwenzi soċjali li jeħtieġ li ma jiġux ittraskurati; jissottolinja li t-twaqqif ta' DCFTAs bilaterali mal-Ukrajna, mal-Moldova u mal-Georgia huwa strument kruċjali għal kummerċ modern, trasparenti u prevedibbli, għall-approssimazzjoni regolatorja u għall-integrazzjoni ekonomika gradwali tas-sħab fis-suq intern tal-UE, kif ukoll għal investimenti diretti barranin li jwasslu għall-ħolqien tal-impjiegi u għal tkabbir fit-tul, u dan bil-għan aħħari li tinħoloq żona ekonomika usa' bbażata fuq ir-regoli tad-WTO u fuq ir-rispett tal-għażliet sovrani;

4.  Itenni l-appoġġ sod tiegħu għas-sovranità u għall-integrità territorjali tat-tliet sħab kollha kemm huma fi ħdan il-fruntieri tagħhom li huma rikonoxxuti internazzjonalment;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ provviżorju tad-DCFTA UE-Ukrajna fl-1 ta' Jannar 2016 u jiddispjaċih dwar l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi ġodda mill-Federazzjoni Russa, minkejja sforzi serji u kontinwi min-naħa tal-Ukrajna u tal-UE biex jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet ta' dan il-pajjiż; jirrimarka li din il-mossa tmur kontra l-Qbil Ministerjali ta' Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonjiet ta' Minsk; jemmen bil-qawwa li għad jistgħu jinstabu soluzzjonijiet prattiċi fi ħdan il-flessibbiltà prevista fid-DCFTA u fi qbil mar-regoli tad-WTO; jitlob, għaldaqstant, li djalogu trilaterali jitkompla fl-ogħla livell possibbli; ifaħħar lill-Ukrajna għad-determinazzjoni tagħha li tibda timplimenta d-dispożizzjonijiet tad-DCFTA; jitlob li jsiru sforzi biex jintlaħaq modus vivendi vijabbli mal-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika;

6.  Jappoġġja l-assistenza finanzjarja u teknika, impenjata u b'bosta lati, li l-UE u istituzzjonijiet finanzjarji oħra jagħtu lill-Ukrajna u lill-Georgia; jiddispjaċih li s-sitwazzjoni politika fil-Moldova ġiegħlet lill-UE tissospendi l-assistenza finanzjarja tagħha lil dak il-pajjiż; jenfasizza li l-appoġġ finanzjarju tal-UE lis-sħab kollha tagħha huwa kkondizzjonat minn passi konkreti ta' riforma, u li l-istabbiltà politika wkoll hija element importanti f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-forzi politiċi fil-Moldova jħaffu l-pass tan-negozjati li għaddejjin u jiffurmaw koalizzjoni governanti li tista' tmexxi l-proċess ta' riforma 'l quddiem bla dewmien, għall ġid tal-Moldovani kollha; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-iskandlu bankarju jiġi investigat debitament, li min huwa responsabbli jitressaq quddiem il-ġustizzja, u li r-ritorn tal-flejjes misruqa jkun żgurat; iqis li l-kriżi bankarja li għaddejja bħalissa turi l-ħtieġa serja ta' titjib sistematiku fil-qafas legali sabiex jissaħħu l-kontroll u t-trasparenza tal-attivitajiet tas-settur bankarju;

7.  Ifakkar li, waħedhom, il-fondi disponibbli mhumiex biżżejjed biex jistabbilizzaw l-ekonomija, u lanqas ma jista' jitwettaq kwalunkwe suċċess sostenibbli bla impenn kontinwu mis-sħab biex iġibu 'l quddiem u jimplimentaw riformi strutturali, jiżguraw iż-żieda fid-domanda domestika, u jiksbu l-koeżjoni soċjali;

8.  Ifaħħar l-isforzi magħmlua mill-awtoritajiet tal-Moldova u tal-Georgia biex iwettqu r-riżultati li nkisbu s'issa fl-armonizzazzjoni tal-liġijiet u tal-istandards kif previst mid-DCFTA; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, minkejja x-xejriet ekonomiċi negattivi fir-reġjun, l-esportazzjonijiet mill-Georgia u mill-Moldova lejn l-UE kibret fl-ewwel 12-il xahar ta' implimentazzjoni tad-DCFTA, b'tali mod li l-importazzjonijiet fl-UE mill-Georgia żdiedu bi 15 % u s-sehem totali tagħha fl-esportazzjonijiet tal-Moldova żdied bi 62 %; iqis li jeħtieġ isir progress aktar rapidu rigward standards sanitarji u fitosanitarji; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li sal-lum aktar minn 95 % tal-istandards Georgjani eżistenti fir-rigward tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ huma internazzjonali u Ewropej, u dan huwa fattur kritiku biex l-operaturi ekonomiċi jieħdu sehem fi ktajjen tal-valur Ewropej; jistieden lill-Moldova taġġusta l-pjan ta' azzjoni nazzjonali f'oqsma fejn ġie osservat li kien hemm dewmien;

9.  Jiddeplora l-fatt li l-korruzzjoni għadha mifruxa, minkejja li sar progress fl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida u minkejja l-ħolqien ta' istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni; iħeġġeġ bil-qawwa lill-pajjiżi sħab jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet ipprovduti mill-Ftehimiet, u jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jikkumbattu l-korruzzjoni li xxekkel l-iżvilupp soċjoekonomiku tagħhom; iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, li l-leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni u l-pjani ta' azzjoni jew l-istrateġiji relatati jiġu implimentati; jenfasizza l-ħtieġa li jsiru sforzi addizzjonali biex jitwettqu r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u tal-OECD;

10.  Jifraħ lill-Georgia dwar is-sistema ta' akkwist pubbliku elettronika u innovattiva tagħha li qawwiet b'mod sostanzjali t-trasparenza, l-effiċjenza u r-responsabbiltà, li huma fatturi ewlenin fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jirrakkomanda li l-kriterji tal-għoti jitwessgħu lil hinn mis-sempliċi attenzjoni għall-kost; jitlob li l-Kummissjoni tagħti pariri f'dan ir-rigward ibbażati fuq l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz, fil-qies ta' kriterji soċjali u ta' sostenibbiltà; jistieden lill-awtoritajiet Georgjani biex iħaffu t-tħejjijiet għal programm ta' ħidma dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, b'konsultazzjoni sħiħa mas-sħab soċjali u ma' partijiet interessati oħra;

11.  Jirrimarka l-importanza tar-riforma ġudizzjarja li tiżgura l-funzjonament tajjeb, l-effiċjenza u l-indipendenza tas-settur, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li titkompla l-ħidma għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, fil-livell ċentrali u f'dak lokali, bħala prerekwiżit għal governanza demokratika effikaċi u trasparenti għas-servizz taċ-ċittadini kollha; jitlob li l-Kummissjoni tippromwovi l-Prinċipji Ewropej għall-Amministrazzjoni Pubblika li ġew identifikati mill-OECD/SIGMA, u tuża l-istess metodoloġija li ġiet żviluppata għal kandidati għas-sħubija fl-UE;

13.  Itenni l-importanza tal-integrazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politiki u fil-proċessi ta' riforma; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li r-rieżami tal-PEV jirrikonoxxi l-ħtieġa għal appoġġ addizzjonali għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili subnazzjonali, nazzjonali u intrareġjonali; jinnota bi tħassib, madankollu, li, sal-lum, ftit li xejn kien hemm interess fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, min-naħa tal-UE, biex jipparteċipaw fi gruppi konsultattivi previsti skont il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tislet konklużjonijiet xierqa bil-għan li tagħti nifs ġdid lil dawn il-mekkaniżmi u tiżgura n-natura rappreżentattiva tagħhom fi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew;

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbira l-aktar rapport ta' progress reċenti u l-aħħar rapport ta' progress, ippubblikati mill-Kummissjoni fit-18 ta' Diċembru 2015, dwar l-implimentazzjoni min-naħa tal-Georgia u tal-Ukrajna tal-pjanijiet ta' azzjoni rispettivi tagħhom dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, u jistenna b'interess il-preżentazzjoni u l-approvazzjoni ta' proposti leġiżlattivi relatati; ifaħħar lill-Moldova għal implimentazzjoni tajba tar-reġim mingħajr viża li ilu implimentat minn April 2014, li jirrappreżenta eżempju tajjeb għar-reġjun kollu;

15.  Jinnota li, filwaqt li t-tliet pajjiżi kollha għamlu progress fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, għad jeħtieġ li jsiru riformi strutturali ulterjuri biex jikkonsolidaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt; jesprimi sodisfazzjon dwar l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida, l-aktar riċentement fl-Ukrajna, u ta' politiki li saħħew il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni; jieħu nota, madankollu, li l-persuni LGBTI għadhom iħabbtu wiċċhom ma' persekuzzjoni u theddidiet minn gruppi estremisti, li l-komunità Rom għadha emarġinata u li n-nisa jiffaċċjaw diskriminazzjoni u inugwaljanza fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika;

16.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar mill-Georgia fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jistieden lill-forzi politiċi kollha fil-Georgia biex itejbu l-klima politika billi jevitaw il-konfrontazzjoni u l-polarizzazzjoni u jiżguraw djalogu bejn il-partiti fl-interess tat-tisħiħ tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, filwaqt li jiffokaw fuq prijoritajiet bħall-iżvilupp ekonomiku, il-kwistjonijiet soċjali u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-AA/DCFTA; jenfasizza l-importanza partikolari, għall-konsolidazzjoni ulterjuri tad-demokrazija Georgjana, li l-oppożizzjoni jkollha spazju żgurat, li jkun żgurat li l-arrest preventiv jintuża biss bħala miżura eċċezzjonali, skont il-liġi, li l-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza, inter alia, ikun salvagwardat, u li l-pluraliżmu tal-midja u l-indipendenza u l-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni jiġu msaħħa;

17.  Huwa sodisfatt bil-parteċipazzjoni tat-tliet pajjiżi fi programmi tal-UE, jew bl-assoċjazzjoni tagħhom ma' dawn il-programmi tal-UE, bħall-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME), Orizzont 2020, Erasmus +, Marie Sklodowska Curie, u Ewropa Kreattiva; jinnota li din il-kooperazzjoni, filwaqt li hija ta' benefiċċju reċiproku, lill-pajjiżi sħab tagħtihom l-opportunità li jsiru midħla tal-metodi ta' ħidma u tal-politiki tal-UE;

18.  Jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-AA/DCFTA dwar il-kooperazzjoni fl-enerġija għas-sigurtà tal-provvista u għall-iżvilupp ta' swieq tal-enerġija kompetittivi, trasparenti u nondiskriminatorji fi qbil mar-regoli u mal-istandards tal-UE, kif ukoll għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika; jappoġġja l-intenzjoni tal-UE li ssaħħaħ l-integrazzjoni sħiħa tas-suq tal-enerġija mal-Moldova, l-Ukrajna u l-Georgia permezz tal-Komunità tal-Enerġija u li tnaqqas id-dipendenza fl-enerġija, bla ma timponi piż żejjed fuq djar privati; jistieden lill-UE u lill-gvernijiet ikkonċernati jfasslu miżuri biex jilqgħu kontra l-għawġ soċjali;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-konformità tal-leġiżlazzjoni interna mal-impenji tad-DCFTA tkun żgurata b'mod kontinwu, u wkoll fir-rigward ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali; iqis li s-servizzi doganali għandhom rwol ewlieni fl-infurzar ta' dawn;

20.  Ifakkar fir-rwol importanti tal-parlamenti nazzjonali fil-promozzjoni ta' riformi fl-approssimazzjoni gradwali mal-acquis tal-UE; jitlob li jsir skambju tal-aqwa prattiki u l-konklużjoni ta' memoranda ta' qbil abbażi tal-mudell ta' dak li ġie ffirmat mal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna; Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif u l-ewwel laqgħat ta' kumitati Parlamentari ta' Assoċjazzjoni skont l-AAs u jenfasizza s-siwi ta' kuntatti fost il-parlamentari sew fil-kuntest bilaterali u sew f'dak multilaterali;

21.  Jilqa' b'sodisafzzjon il-fokus il-ġdid tal-PEV riveduta u l-intenzjoni tal-UE li tintensifika l-kooperazzjoni ma' sħabna fl-oqsma tal-prevenzjoni tal-kunflitti, tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, tal-antiradikaliżmu, u tar-riforma tas-settur tas-sigurtà; iqis li din il-kooperazzjoni jeħtieġ li tkun sostanzjali u mmirata lejn l-indirizzar ta' theddidiet komuni għas-sigurtà u lejn l-iżvilupp ta' sforzi konġunti għas-soluzzjoni vijabbli tal-kunflitti, inkluż permezz ta' parteċipazzjoni msaħħa f'missjonijiet u f'attivitajiet ta' taħriġ tal-PSDK kif ukoll f'azzjonijiet intiżi biex jiżguraw in-nonproliferazzjoni ta' armi tal-qerda tal-massa u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' armi żgħar u armamenti ħfief (SALW); itenni l-appoġġ tiegħu għall-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntieri għall-Moldova u l-Ukrajna (EUBAM), għall-Missjoni ta' Konsulenza tal-UE għal Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine), u għall-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE fil-Georgia (EUMM), kif ukoll għall-isforzi favur ir-riżoluzzjoni paċifika ta' kunflitti li jaffettwaw lit-tliet pajjiżi;

22.  Jenfasizza l-importanza li titqajjem kuxjenza pubblika dwar il-merti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u li il-viżibbiltà tiegħu titqawwa, inkluż permezz ta' kuntatti regolari ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u li li tiġi ffaċilitata u promossa informazzjoni imparzjali, indipendenti u oġġettivi f'dan ir-rigward; jitlob li jsiru sforzi konġunti biex jikkumbattu l-informazzjoni żbaljata u l-kampanji ta' propaganda, kemm fil-pajjiżi sħab u kemm fl-Istati Membri;

23.  Jesprimi sodisfazzjon għall-fatt li l-proċessi ta' ratifika kważi tlestew, bi qbil mal-proċeduri nazzjonali tal-Istati Membri; jieħu nota tar-referendum konsultattiv fin-Netherlands dwar l-AA/DCFTA mal-Ukrajna u jistenna l-eżitu tiegħu b'interess; jitlob viġilanza fir-rigward ta' kwalunkwe interpretazzjoni żbaljata tal-ambitu tal-Ftehim u jfakkar, b'mod partikolari, fil-fatt li l-AA/DCFTA jittratta t-tisħiħ tal-kooperazzjoni politika u ekonomika mal-Ukrajna, mingħajr ma joffri, fih innifsu, perspettiva ta' sħubija; iħeġġeġ lill-poplu tan-Netherlands japprova din is-sħubija importanti għall-benefiċċju tal-Ewropa kollha kemm hi;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, kif ukoll lill-Presidenti, lill-Parlamenti u lill-Gvernijiet tal-Georgia, tal-Moldova u tal-Ukrajna.

Avviż legali