Proċedura : 2016/2529(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0149/2016

Testi mressqa :

B8-0149/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2016 - 8.10
CRE 04/02/2016 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0051

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 429kWORD 91k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0149/2016
27.1.2016
PE576.509v01-00
 
B8-0149/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta’ minoranzi reliġjużi mill-ISIS (2016/2529(RSP))


Bodil Valero, Alyn Smith, Bronis Ropė, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta’ minoranzi reliġjużi mill-ISIS (2016/2529(RSP))  
B8-0149/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, is-Sirja, il-Libja u l-Eġittu, partikolarment dawk tal-10 ta’ Ottubru 2013 dwar każijiet reċenti ta’ vjolenza u persekuzzjoni kontra Nsara, partikolarment f’Ma’loula, fis-Sirja, u f’Peshawar, fil-Pakistan, u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (fl-Iran)(1), tat-18 ta’ Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u s-Sirja u l-attakk tal-IS inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(2), u tas-27 ta’ Novembru 2014 dwar l-Iraq:, sekwestru u trattament ħażin tan-nisa(3), tat-12 ta’ Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b’mod partikolari fil-kuntest tal-IS(4), tat-12 ta’ Marzu 2015 dwar l-attakki u sekwestri reċenti minn Daesh fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari ta’ Assirjani(5), u tat-30 ta’ April 2015 dwar il-qerda ta’ siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da’esh(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2015 dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Da’esh, tal-20 ta’ Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIL/Da’esh fis-Sirja u fl-Iraq, tat-30 ta’ Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja, tal-14 ta’ April 2014 u tat-12 ta’ Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta’ Awwissu 2014 dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidrat id-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u fl-Iraq,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-dritt umanitarju internazzjonali, dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta ’ Ġinevra tal-1949 u l-protokolli addizzjonali tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Ikkastigar tad-Delitt tal-Ġenoċidju,

–  wara li kkunsidra l-Istatut taʼ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ Amnesty International tal-20 ta’ Jannar 2016 intitolat “Banished and dispossessed: Forced displacement and deliberate destruction in northern Iraq’,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-hekk imsejjaħ ISIL/Da’esh qed ikompli jżomm fil-mira tiegħu lil gruppi etniċi u reliġjużi fl-Iraq u s-Sirja, inklużi l-Assirjani Kaldej-Sirijaċi, il-Kurdi Faili, il-Kaka’i, is-Sabej, ix-Shabak, l-Għarab Xi’iti, it-Turkmeni u l-Yeżidi, u intenzjonalment jissottomettihom għal firxa ta’ abbużi u ksur gravi tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, li wħud minnhom, skont l-esperti tan-NU, jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u jistgħu wkoll jikkostitwixxu ġenoċidju;

B.  billi dawn l-atti sistematiċi u gravi kontra gruppi etniċi u reliġjużi speċifiċi jinkludu l-eżekuzzjonijiet tal-massa, it-tindif etniku, il-qtil immirat, il-konverżjoni furzata għall-Iżlam, il-ħtif, l-ispostamenti sfurzati, it-tħaġġir u l-amputazzjonijiet, l-għajbien furzat, it-tortura, il-qerda ta’ siti ta’ wirt reliġjuż u kulturali u t-traffikar ta’ beni kulturali; billi n-Nazzjonijiet Uniti rrapportat ukoll vjolenza fiżika u sesswali sistematika u t-tjassir tal-massa tan-nisa u t-tfal u r-reklutaġġ tat-tfal għal attakki suwiċidi;

C.  billi l-IS sa issa deliberatament u b’mod sistematiku kellu fil-mira tiegħu u qered aktar minn 100 siti reliġjużi u storiċi, inklużi knejjes, moskej, monumenti, santwarji u postijiet oħra ta’ qima, oqbra u ċ-ċimiterji, kif ukoll siti arkeoloġiċi u ta’ wirt kulturali fis-Sirja u l-Iraq;

D.  billi, skont in-Nazzjonijiet Uniti, dawn l-atti jidhru li huma parti minn politika sistematika jew mifruxa mmirata sabiex id-Da’esh irażżan, ikeċċi b’mod permanenti jew jeqred il-komunitajiet fl-inħawi taħt il-kontroll tiegħu;

E.  billi r-rapport tas-16 ta’ Ġunju 2015 tar-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu jistqarr li "hemm evidenza li l-ISIL wettaq vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali, inklużi ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem" (paragrafu 11);

F.  billi l-vjolenza u l-abbużi xokkanti mwettqa mid-Da’esh jaffettwaw mhux biss lill-minoranzi reliġjużi iżda wkoll gruppi u individwi oħra, bħal Musulmani Sunniti, persuni LGBTI, atei u kull min ma jikkonformax mal-ideoloġija reazzjonarja u estremista tal-IS;

G.  billi d-Da’esh wettaq qtil sistematiku tal-vuċijiet kollha ta’ oppożizzjoni irrispettivament mill-affiljazzjoni reliġjuża tagħhom, pereżempju bl-eżekuzzjoni ta’ bosta ġurnalisti u imami Sunniti li jopponuh, l-eżekuzzjoni ta’ 700 persuna tat-tribù Sunniti matul tlett ijiem f’Awwissu 2014 f’Deir eż-Żor, u mijiet ta’ ċivili Sunniti riċentement fis-16 ta’ Jannar 2016;

H.  billi delitti tal-gwerra u ksur ieħor tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet oħra fit-taqbida fir-reġjun, inkluż mir-reġim ta’ Assad, għadhom qed jiġu rrapportati ta’ kuljum u fuq skala kbira;

I.  billi l-minoranzi reliġjużi u etniċi huma wkoll fil-mira tar-reġim ta’ Assad u ta’ gruppi armati mhux tal-istat apparti d-Da’esh, l-aktar il-Jabhat-al-Nusra fis-Sirja u l-milizji Xi’iti fl-Iraq;

J.  billi, f’xi każijiet, il-motivazzjonijiet għal attakki kontra komunitajiet reliġjużi u etniċi jirriżultaw minħabba li min iwettaqhom jgħaqqad l-isfondi etniċi u/jew reliġjużi ta’ komunità mal-lealtajiet politiċi pperċepiti tiegħu;

K.  billi, skont il-liġi internazzjonali, l-individwi kollha għandhom id-dritt li jgħixu skont il-kuxjenza tagħhom u li liberament iħaddnu jew ibiddlu reliġjon kif ukoll twemmin mhux reliġjuż; billi l-mexxejja politiċi u reliġjużi għandhom id-dmir f’kull livell li jiġġieldu kontra l-estremiżmu u jippromwovu r-rispett reċiproku bejn l-individwi u l-gruppi reliġjużi;

L.  billi, s’issa, disa’ Stati Membri biss irratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni kollha mill-Għajbien Sfurzat, jiġifieri l-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjonijiet multipli u gravi tal-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mwettqa mill-partijiet kollha involuti fil-kunflitti li għaddejjin fl-Iraq u s-Sirja;

2.  Ifakkar l-kundanna qawwija tiegħu għall-atroċitajiet kbar u mifruxa mwettqa mid-Da’esh, inklużi l-attakki deliberati mmirati fuq il-komunitajiet reliġjużi u etniċi fl-inħawi taħt il-kontroll tiegħu;

3.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-qerda ta’ siti reliġjużi u kulturali u ta’ artefatti mid-Da’esh, li jikkostitwixxi attakk kontra l-wirt kulturali tal-abitanti kollha tas-Sirja u l-Iraq u tal-umanità inġenerali; jistieden lill-istati kollha jżidu l-investigazzjonijiet kriminali tagħhom u l-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-ħsieb li jidentifikaw il-gruppi kollha responsabbli għat-traffikar illeċitu ta’ oġġetti kulturali jew għat-twettiq ta’ ħsara jew il-qerda fil-konfront tal-wirt kulturali li jappartjeni lill-umanità kollha fis-Sirja, fl-Iraq u fir-reġjuni usa’ tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq;

4.  Jistieden lill-partijiet fil-kunflitt fir-reġjun biex immedjatament iwaqqfu kull attakk kontra ċ-ċivili, jeħilsu d-detenuti kollha f’detenzjoni arbitrarja u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem ta’ kulħadd, irrispettivament mit-twemmin, etniċità jew affiljazzjoni politika;

5.  Jikkundanna l-eskalazzjoni fir-retorika mill-mexxejja reliġjużi influenti, fil-Lvant Nofsani u lil hinn, inkluż fir-Russja, fir-rigward tal-kunflitt fis-Sirja, li trewwaħ il-fjammi tal-mibegħda u żżid ir-riskju ta’ vjolenza kontra l-komunitajiet reliġjużi; jistieden lill-mexxejja reliġjużi madwar id-dinja biex irażżnu lilhom infushom minn kull forma ta’ tħeġġiġ ta’ mibegħda reliġjuża u inċitament għall-vjolenza;

6.  Jirrikonoxxi, jappoġġja u jitlob li kulħadd jirrispetta d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi etniċi, reliġjużi u oħrajn kollha, li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, li jibqgħu jgħixu fl-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità, fl-ugwaljanza u fis-sikurezza, u li jkunu jistgħu jipprattikaw bis-sħiħ ir-reliġjon tagħhom b’mod liberu mingħajr ma jkunu suġġetti għal xi tip ta’ ġegħil, vjolenza jew diskriminazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li r-rappreżentanti ġenwini tagħhom jiġu inklużi fi proċess biex jiddetermina l-futur politiku ta’ pajjiżhom fl-Iraq u s-Sirja;

7.  Jirrikonoxxi li l-vjolenza tad-Da’esh hija waħda fost bosta fatturi li qed jikkontribwixxu għall-kriżi umanitarja fis-Sirja, fl-Iraq u fir-reġjun usa’; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f’dan il-kuntest, biex jikkontribwixxu b’mod attiv u jieħdu miżuri prattiċi u politiċi, b’mod partikolari permezz tal-qafas tan-NU, isibu soluzzjoni għal dawn il-kunflitti sabiex itaffu t-tbatija u l-persekuzzjoni ta’ miljuni ta’ persuni mill-gruppi reliġjużi u etniċi kollha;

8.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ u attiv tiegħu għall-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tan-NU Staffan de Mistura għat-tnedija ta’ negozjati f’Ġinevra bejn il-partijiet Sirjani kollha fil-ġejjieni qarib; jinsisti dwar l-importanza li titiqies kif xieraq il-protezzjoni tal-minoranzi fi kwalunkwe diskussjoni dwar tranżizzjoni politika u l-ġejjieni tas-Sirja; jinsisti, għalhekk, li r-rappreżentanti tal-movimenti bbażati fis-Sirja għandhom jiġu inklużi fit-taħditiet ta’ paċi;

9.  Ifakkar li d-Da’esh jirrappreżenta, l-ewwel u qabel kollox, il-konsegwenza aktar milli l-kawża tat-taqlib attwali li qed jaħkem il-Lvant Nofsani u lil hinn minnu; ifakkar li d-Da’esh nibet minn bażi ta’ snin twal ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u impunità, kapitaliżmu klijentelari, korruzzjoni mifruxa, settarjaniżmu, emarġinazzjoni u diskriminazzjoni kontra gruppi sħaħ, inklużi s-Sunniti Għarab soċjalment żvantaġġati, kif ukoll storja twila ta’ manipulazzjoni esterna u ndħil minn atturi reġjonali u tal-Punent; jemmen, għalhekk, li kwalunkwe rispons effikaċi mill-komunità internazzjonali għall-atti u n-natura krudili tad-Da’esh jirrikjedi pjan ta’ azzjoni kollettiv, inklużiv u strateġiku, imfassal fid-dawl tal-legalità internazzjonali;

10.  Jenfasizza li l-emerġenza tad-Da’esh bħala attur reġjonali ewlieni u bħala l-punt fokali ewlieni tal-attenzjoni internazzjonali mis-sajf tal-2014 m’għandhiex toskura r-responsabbiltà ta’ atturi oħra fil-katastrofi umanitarja attwali, inkluż, l-ewwel u qabel kollox, ir-reġim ta’ Assad, iżda wkoll il-Gvern Iraqi preċedenti u t-tmexxija ta’ milizji lokali u partijiet oħra ġellieda mhux ġiħadisti, inkluż fil-Libja;

11.  Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar termini severi, tad-delitti mwettqa mir-reġim ta’ Assad kontra l-popolazzjoni tiegħu, inkluż l-użu ta’ armi kimiċi, armi inċendjarji, bombi tat-tip ‘cluster’, bombi bettija (barrel bombs) u assedji kontinwi kontra eluf ta’ ċivili madwar is-Sirja;

12.  Jenfasizza l-importanza li, f’konformità mal-istandards internazzjonali, il-partijiet kollha fis-Sirja u l-Iraq jinżammu responsabbli għall-ksur tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, inkluż il-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra; itenni t-talba tiegħu biex is-sitwazzjoni fis-Sirja u l-Iraq tiġi riferuta lill-Qorti Kriminali Internazzjonali u jappoġġja l-inizjattivi kollha li jimxu lejn din id-direzzjoni;

13.  Jesprimi t-tħassib l-aktar profond tiegħu li, skont diversi Relaturi Speċjali tan-NU, ir-reati mwettqa mid-Da’esh kontra minoranzi reliġjużi fis-Sirja jistgħu jikkostitwixxu ġenoċidju; jinsisti, għalhekk, fuq ir-responsabbiltà storika tal-komunità internazzjonali biex ikun żgurat li dawn ir-reati jiġu determinati minn ġurisdizzjoni awtorevoli;

14.  Jistieden lill-Gvern Reġjonali Kurd fit-Tramuntana tal-Iraq jinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-Peshmerga, il-fergħa militari tiegħu, u biex iħarrku lil dawk li kienu responsabbli għal dawn l-allegati delitti;

15.  Għadu allarmat li l-ħtiġijiet umanitarji tal-popolazzjoni fl-Iraq, is-Sirja u l-Libja qed ikomplu jkunu akbar mir-rispons internazzjonali; iħeġġeġ lid-donaturi kollha, inklużi l-UE u l-Istati Membri tagħha, iwettqu l-wegħdiet tagħhom u jipprovdu assistenza b’mod rapidu, inkluż permezz ta’ gruppi lokali tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet ta’ għajnuna tal-minoranzi sabiex jilħqu bl-aħjar mod lill-gruppi vulnerabbli fil-bżonn; jistieden lit-Turkija u lill-Gvern Reġjonali Kurd biex minnufih jiftħu l-fruntieri tagħhom mat-Tramuntana tas-Sirja u jneħħu r-restrizzjonijiet fuq l-għajnuna umanitarja, ir-rikostruzzjoni, il-midja u l-iskambji politiċi u tas-soċjetà ċivili;

16.  Jirrikonoxxi li l-persekuzzjoni li għaddejja ta’ gruppi reliġjużi u etniċi fil-Lvant Nofsani huwa fattur li jikkontribwixxi għall-migrazzjoni tal-massa u l-ispostament intern; jistieden lill-Istati Membri jilqgħu l-appell tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati għal impenn ferm iktar qawwi favur il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, u jħallu lir-refuġjati li qed jaħarbu ż-żoni tal-gwerra, inkluż minħabba persekuzzjoni għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi, isibu protezzjoni lil hinn mir-reġjun viċin il-kunflitt, permezz ta’ risistemazzjoni, skemi ta’ ammissjoni umanitarja, riunifikazzjoni simplifikata tal-familji jew regolamenti aktar flessibbli dwar il-viżi; jenfasizza l-ħtieġa partikulari li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ dawk affettwati b’vulnerabilitajiet speċifiċi, bħal ħtiġijiet mediċi serji u d-diżabilità, u dawk li jkunu fil-mira minħabba l-orjentament sesswali tagħhom, l-identità tal-ġeneru jew is-sess;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat bħala kwistjoni ta’ prijorità; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri jippromwovu r-ratifikazzjoni universali u l-implimentazzjoni ta’ dan l-istrument ferm importanti tad-drittijiet tal-bniedem u biex jappoġġjaw il-ħidma tal-Kumitat tan-NU dwar l-Għajbien Sfurzat, stabbilit b’din il-Konvenzjoni;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja, fl-Iraq u fil-Libja.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0422.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0027.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2014)0066.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2015)0040.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0071.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0179.

Avviż legali