Proċedura : 2016/2529(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0154/2016

Testi mressqa :

B8-0154/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2016 - 8.10
CRE 04/02/2016 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0051

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 452kWORD 104k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0149/2016
27.1.2016
PE576.515v01-00
 
B8-0154/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' monoranzi reliġjużi mill-ISIS (2016/2529(RSP))


Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Ryszard Antoni Legutko, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Arne Gericke, Angel Dzhambazki, Marek Jurek, Raffaele Fitto, Peter van Dalen, Kosma Złotowski, Zdzisław Krasnodębski, Jadwiga Wiśniewska, Andrew Lewer, Beatrix von Storch, Zbigniew Kuźmiuk, Kazimierz Michał Ujazdowski, Timothy Kirkhope, Stanisław Ożóg, Mirosław Piotrowski, Bolesław G. Piecha, Czesław Hoc, Branislav Škripek, Jana Žitňanská f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' monoranzi reliġjużi mill-ISIS (2016/2529(RSP))  
B8-0154/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq u s-Sirja, dwar l-ISIS/Da'esh u dwar il-persekuzzjoni reliġjuża,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu 2015 dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida tal-ISIL/Da'esh, tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIL/Da'esh fis-Sirja u fl-Iraq, tat-30 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja, tal-14 ta' April 2014 u tat-12 ta' Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/ĠAI tat-8 ta' Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ġenoċidju, tad-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra: il-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin; il-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarja internazzjonali; il-Linji Gwida tal-UE dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom; il-Linji Gwida għall-Politika tal-UE lejn Pajjiżi Terzi dwar it-Tortura u t-Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra; il-Lnji Gwida tal-UE dwar it-tfal u l-kunflitti armati; il-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal; u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni online u offline,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP / RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja u t-tħeddida tal-ISIS/Da'esh,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989 u l-Protokoll Fakultattiv dwar l-involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati tal-2000,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u t-Trattament jew Pieni oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tad-9 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, b'mod partikolari l-Artikoli 5 sa 8 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Qafas tal-Analiżi mill-Uffiċċju tal-Konsulent Speċjali tan-NU dwar il-Prevenzjoni ta' Ġenoċidju (OSAPG),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levant u l-gruppi assoċjati, tas-27 ta' Marzu 2015, b'mod partikolari l-paragrafu 16 tiegħu dwar 'Il-vjolazzjonijiet imwettqa mill-ISIL', attakki kontra gruppi reliġjużi u etniċi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, tal-25 ta' Awwissu 2014 dwar "ċittadini Iraqqini li jbatu persekuzzjoni mifruxa u sistematika 'orribbli'",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 2249 (2015), li tikkundanna l-attakki terroristiċi reċenti mill-ISIS,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni S-22/1 adotta mill-Kunsill Drittijiet tal-Bniedem dwar 'Is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante u gruppi assoċjati', tat-3 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju u l-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni dwar l-eskalazzjoni ta' inċitament għall-vjolenza fis-Sirja għal raġunijiet reliġjużi, maħruġa fit-13 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar "Assistenza teknika pprovduta sabiex tikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq", tas-27 ta' Lulju 2015, b'mod partikolari l-paragrafu 18 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, ippreżentat fil-Kunsill Drittijiet tal-Bniedem fit-13 ta' Awwissu 2015, b'mod partikolari l-paragrafi 165 sa 173 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, iffirmat u rratifikat mill-Istati Membri kollha tal-UE, jafferma li l-aktar reati serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi, inklużi b'mod partikolari l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, ma jistgħux ma jiġux kkastigati u li l-prosekuzzjoni effettiva tagħhom trid tiġi żgurata b'miżuri meħuda fil-livell nazzjonali u billi tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali;

  billi d-definizzjoni legali internazzjonali ta' ġenoċidju, bi qbil mal-Artikolu II tal-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju tinkludi l-kliem: 'kwalunkwe wieħed minn dawn l-atti kommessi b'intenzjoni li jeqred, b'mod sħiħ jew inparti, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż, bħal: (a) il-qtil ta' membri tal-grupp; (b) l-ikkawżar ta' dannu fiżiku jew mentali gravi lil membri tal-grupp; (c) l-impożizzjoni b'mod intenzjonali ta' kundizzjonijiet tal-ħajja maħsuba li jġibu magħhom qerda fiżika sħiħa jew parzjali; (d) l-impożizzjoni ta' miżuri maħsuba li jevitaw li jkun hemm twelid fil-grupp; u (e) it-trasferiment bil-forza ta' tfal ta' grupp wieħed lejn grupp ieħor'; billi l-Artikolu III ta' dik il-Konvenzjoni jqis punibbli mhux biss il-ġenoċidju, iżda l-konfoffa biex jitwettaq ġenoċidju, l-inċitament dirett u pubbliku biex jitwettaq ġenoċidju, u kompliċità f'ġenoċidju;

  billi diversi rapporti tan-NU jindikaw li fit-territorji taħt il-kontroll tal-ISIS/Da'esh, qed jitwettqu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju kontra Insara, Yazidi u minoranzi oħra;

  billi, pereżempju, fil-15 ta' Lulju 2014, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura, iddikjarat li fl-Iraq "hemm ukoll rapporti li l-minoranzi etniċi u reliġjużi huma fil-mira ta' attakki fiżiċi, inkluża l-vjolenza sesswali"; billi r-Rappreżentant Speċjali tan-NU ddikkjarat fit-3 ta' Awwissu 2015, fl-ewwel anniversarju tat-traġedja tas-Sinjar, li: "Fil-jiem ta' wara, fost il-qtil terribbli, l-ISIL ippersegwitaw u qabdu mijiet ta' nisa u bniet minn minoranzi reliġjużi u etniċi, filwaqt li stabbilixxew xejra ta' vjolenza sesswali, skjavitù, rapiment u traffikar tal-bnedmin li għadu għaddej sal-lum. (...) Dawn id-delitti terribbli ta' vjolenza sesswali fil-kunflitt, li jistgħu jitqiesu bħala delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u/jew atti ta' ġenoċidju, mhux se jintesew";

  billi fit-13 ta' Awwissu 2014 ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti, Zainab Hawa Bangura u r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-Iraq, Nickolay Mladenov, ħarġu dikjarazzjoni konġunta li tikkonferma li madwar1 500 persuna bejn Insara u nisa Yazidi jistgħu jkunu nħatfu mill-ISIL u sussegwentement sfurzati jaħdmu fi skjavitù sesswali; billi f'din id-dikjarazzjoni, iż-żewġ Rappreżentanti Speċjali rrikonoxxew "l-immirar espliċitu ta' nisa u tfal u l-atti barbariċi li l-"Istat Iżlamiku fl-Iraq u fil-Levant" qed iwettaq fuq il-minoranzi f'żoni taħt il-kontroll tiegħu";

  billi l-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Prevenzjoni tal-Ġenoċidju u l-Konsulent Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar ir-Responsabbiltà ta' Protezzjoni, dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq fit-12 ta' Awwissu 2014 iddikjaraw li "r-rapporti li rċevejna ta' atti mwettqa mill-'Istat Iżlamiku' jistgħu wkoll jindikaw riskju ta' ġenoċidju";

  billi r-rapport tat-13 ta' Marzu 2015 tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, imħejji fuq talba tal-Gvern tal-Iraq, iddikjara li "l-gruppi etniċi reliġjużi fil-mira tal-ISIL jinkludu l-Yazidi, l-Insara, it-Turkmeni, is-Sabea-Mandeani, il-Kaka'e, il-Kurdi u x-Xiiti" u li "huwa raġunevoli li nikkonkludu li xi inċidenti [li seħħew fl-Iraq fl-2014-2015] ... jistgħu jikkostitwixxu ġenoċidju";

  billi r-Rapport dwar il-Protezzjoni taċ-Ċivili fil-Kunflitt Armat fl-Iraq: mill-1 ta' Mejju sal-31 ta'Ottubru 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iraq – l-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Bniedem, ippubblikat fid-19 ta' Jannar 2016, jistqarr li: "Il-vjolenza li ġarrbu ċ-ċivili fl-Iraq għadha xokkanti. L-hekk imsejjaħ 'Stat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Levant' (ISIL) għadu jwettaq vjolenza u abbużi sistematiċi u mifruxa tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali umanitarju. F'xi każijiet, dawn l-atti jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra, għal delitti kontra l-umanità, u possibbilment, għal ġenoċidju.";

  billi r-rapport tas-27 ta' Marzu 2015 tal-Uffiċċju tal-Kumissarju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq fid-dawl tal-abbużi mwettqa mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u fil-Levant u minn gruppi assoċjati, jistqarr, fil-paragrafu 16 tiegħu dwar "Vjolazzjonijiet imwettqa mill-ISIL. Attakki kontra gruppi reliġjużi u etniċi", li xi "atti ta' vjolenza mwettqa fuq iċ-ċivili minħabba l-affiljazzjoni tagħhom, jew il-perċezzjoni ta' affiljazzjoni tagħhom, għal grupp etniku jew reliġjuż (...) fid-dawl tal-informazzjoni kumplessiva li nġabret (...) jistgħu jikkostitwixxu ġenoċidju.";

  billi, skont ir-Rapport dwar il-Protezzjoni taċ-Ċivili fil-Kunflitt Armat fl-Iraq (mill-11 ta' Diċembru 2014 – sat-30 ta' April 2015) mill-Missjoni ta' Assistenza tan-NU għall-Iraq, "l-ISIL għadu jwettaq vjolazzjonijiet u abbużi sistematiċi u mifruxa tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali umanitarju. F'xi każijiet, dawn l-atti jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità, u, possibbilment, ġenoċidju.";

   billi r-Rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-bniedem dwar "Assistenza teknika mogħtija biex tgħin fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq", tas-27 ta' Lulju 2015, fil-paragrafu 18 tiegħu jiddikkjara li "baqgħu jaslu lill-UNAMI/OHCHR ħafna rapporti kredibbli dwar vjolazzjonijiet u abbużi flagranti tad-drittijiet tal-bniedem u dwar atti ta' ksur serju tad-dritt internazzjonali umanitarju mwettqa mill-ISIL kontra ċ-ċivili, b'mod li jidher li huwa mifrux u sistematiku. F'xi każijiet, dawn l-atti jistgħu jammontaw għal delitti tal-gwerra, għal delitti kontra l-umanità, u, possibbilment, għal ġenoċidju.";

  billi r-rapport tas-16 ta' Ġunju 2015 mir-Rapporteur Speċjali dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-paragrafu 11 jistqarr li "hemm evidenza li l-ISIL wettaq vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali, inklużi ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u vjolazzjonijiet gravi tad-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem";

  billi l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra huma ta' tħassib għall-Istati Membri kollha, li huma determinati li jikkoperaw bil-ħsieb li jimpedixxu dawk id-delitti u li jtemmu l-impunità ta' min iwettaqhom, f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/CFSP tas-16 ta' Ġunju 2003;

  billi, kif rikonoxxut permezz tar-Riżoluzzjoni 2249 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-ideoloġija estremista vjolenti tal-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh", l-atti terroristiċi tiegħu, l-attakki gravi sistematiċi u mifruxa kontinwi tiegħu diretti kontra l-popolazzjonijiet ċivili, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi dawk imwettqa fuq bażi reliġjuża jew etnika, l-eradikazzjoni tiegħu tal-wirt kulturali u t-traffikar tal-beni kulturali, jikkostitwixxu theddida globali u mingħajr preċedent għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

  billi l-Insara b'mod partikolari kienu qed jaħarbu mill-Iraq u s-Sirja f'għadd kbir u raw tnaqqis massiv tal-komunitajiet tagħhom, kemm f'numri assoluti kif ukoll f'dawk relattivi; billi b'mod partikolari fil-każ tal-Iraq dan l-eżodu kien diġà beda fl-2003, ħafna qabel feġġ l-ISIS/Da'esh; billi hemm fluss kostanti ta' Insara li qed jitilqu minn ħafna pajjiżi oħra fil-Lvant Nofsani peress li ma għadhomx jaraw futur għalihom hemmhekk; billi, jekk se tkompli t-tendenza attwali, partijiet kbar tal-Lvant Nofsani mhu se jibqa' jkollha l-ebda preżenza ta' Insara u ta' komunitajiet u kulturi, li wħud minnhom għandhom 2 000 sena, se jintilfu għal dejjem;

  billi dan l-aħħar rapporti kienu qed juru sinjali ta' deterjorament tas-sitwazzjoni għal minoranzi reliġjużi f'żoni kkontrollati mill-Kurdi;

1.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh" u l-abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali li qed jitwettqu bħala parti mill-kampanja tiegħu biex jistabbilixxi "kalifat" u jeqred kull Musulman li mhuwiex Sunni, u kull traċċa tal-kultura u tal-istorja tagħhom, f'żoni taħt il-kontroll tiegħu u f'żoni oħra tal-Lvant Nofsani';

2.  Jemmen li ġiet ippreżentata biżżejjed evidenza min-NU u l-korpi tagħha, minn diversi stati membri tan-NU, minn organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u ta' protezzjoni u mill-midja biex b'mod raġonevoli jiġi konkluż li l-ISIS/Da'esh qed iwettaq u jipprova li jwettaq delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju kontra Insara (Kaldej/Assirjani/Sirjaċi, Melkiti, Armeni), Yazidi, Turkmeni, Shabak, Sabea-Mandeans, Kaka' e, Kurdi, Xiiti, Sunni moderati u dawk li ma jemmnux;

3.  Iqis li dawk li jgħinu lill-ISIS/Da'esh bi kwalunkwe mod, inkluż permezz ta' appoġġ finanzjarju, loġistiku jew politiku, billi jippromovu din l-organizzazzjoni terroristika u l-ideoloġija tagħha online jew offline, jew billi jfixklu rispons internazzjonali effettiv, huma ħatja ta' kompliċità fid-delitti msemmija hawn fuq;

4.  Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari Franza u r-Renju Unit, bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jitolbu riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti taħt il-Kapitolu VII tal-Karta tan-NU, li tirreferi s-sitwazzjoni fit-territorji taħt il-kontroll tal-ISIS/Da'esh quddiem il-QKI għal investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

5.  Iħeġġeġ lis-Sirja u lill-Iraq jaċċettaw il-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

6.  Iħeġġeġ lill-istati membri kollha tan-NU biex itejbu s-sistemi legali u ġuriżdizzjonali tagħhom sabiex jimpedixxu liċ-ċittadini tagħhom milli jingħaqdu mal-ISIS/Da'esh u jipparteċipaw f'reati li qed iwettaq; iħeġġeġ lill-istati membri kollha tal-NU biex jipproċedu kontra ċ-ċittadini tagħhom jekk huma jipparteċipaw f'dawn ir-reati;

7.  Jirrikonoxxi, jappoġġa u jitlob li kulħadd jirrispetta d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha, indiġeni u oħrajn, li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja, li jibqgħu jgħixu fl-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità, fl-ugwaljanza u fis-sikurezza, u li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom f'libertà sħiħa bla ebda tip ta' koerċizzjoni, vjolenza jew diskriminazzjoni; jemmen li, sabiex ikun hemm tmiem għat-tbatija u għall-eżodu tal-massa tal-Insara u ta' popolazzjonijiet indiġeni oħra tar-reġjun, jeħtieġ li l-mexxejja politiċi u reliġjużi fir-reġjun jagħmlu dikjarazzjoni ċara u inekwivoka ta' appoġġ għall-issuktar tal-preżenza tagħhom u għad-drittijiet sħaħ u ugwali tagħhom bħala ċittadini tal-pajjiżi tagħhom;

8.  Iħeġġeġ lill-istati membri kollha tan-NU, u b'mod partikolari lill-Istati Membri tal-UE biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex isalvaw u jipproteġu persuni ppersegwitati u l-wirt tagħhom sakemm ikunu fil-qagħda li jirritornaw lejn darhom;

9.  Iqis li l-postijiet tal-kenn, protetti minn forzi b'mandat min-NU, jistgħu jkunu parti mir-risposta għall-isfida enormi biex tingħata protezzjoni temporanja għal miljuni ta' refuġjati mill-kunflitt fis-Sirja u l-Iraq;

10.  Jikkundanna u jiċħad kwalunkwe interpretazzjoni tal-messaġġ tal-Iżlam li twitti t-triq għal ideoloġija vjolenti, krudili, totalitarja, oppressiva u espansiva li tilleġittimizza l-qerda tal-Insara u ta' minoranzi oħra; iħeġġeġ lill-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC) u l-organi tagħha, lil-Lega Għarbija, lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, GCC), u lill-mexxejja Musulmani fid-dinja kollha, biex jikkundannaw b'mod sħiħ u jidentifikaw l-atroċitajiet li qed jitwettqu mill-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh" kontra l-Insara, il-Yazidi u kontra minoranzi reliġjużi indiġeni oħra, u biex isejħulhom bit-terminoloġija li tixirqilhom: "delitti kontra l-umanità", "delitti tal-gwerra" u "ġenoċidju";

11.  Iqis li ż-żamma permanenti tat-territorju minn gruppi terroristiċi fi kwalunkwe post fid-dinja hi assolutament inaċċettabbli u intollerabbli u jistieden lin-NU u lin-NATO biex jikkunsidraw strateġiji fil-ġlieda kontra l-istabbiliment ta' tali entitajiet minn organizzazzjonijiet terroristiċi bħal l-ISIS/Da'esh, il-Boko Haram u t-Taliban;

12.  Jitlob koalizzjoni kontra l-ISIS/Da'esh li speċifikament u direttament tappoġġa l-unitajiet kollha ta' minoranza fost l-imsieħba eżistenti tagħha, sabiex il-minoranzi jiġu inklużi fis-sigurtà, il-protezzjoni u l-liberazzjoni ta' art twelidhom u biex jimpedixxu li jerġgħu jseħħu d-dipendenza, in-nuqqas ta' poter u t-tjassir; ifakkar li l-forzi ta' difiża multietnika u multireliġjuża tal-Amministrazzjoni Awtonoma Demokratika (DSA) huma fost l-aktar forzi effettivi fil-gwerra kontra "l-ISIS/Da'esh"; jistieden lit-Turkija biex itemm l-ostilità tagħha lejn id-DSA u l-forzi tagħha peress li dawn ma joħolqu l-ebda theddida għat-Turkija;

13.  Jenfasizza l-bżonn ta' rwol politiku awtorizzat u attiv għall-popoli Yażidi, Turkmeni u Kaldej/Assirjani/Sirjaċi, biex jiddeterminaw il-futur politiku ta' pajjiżhom kif ukoll ir-rikostruzzjoni u s-sigurtà fil-ġejjieni ta' pajjiżhom, speċjalment fis-Sinjar u f'Tal Afar u l-Pjanuri ta' Nineveh; jappella għal parteċipazzjoni attiva tas-SEAE biex tinstab soluzzjoni politika li terġa' ġġib l-unità u l-paċi fis-Sinjar; jitlob l-inklużjoni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħall-Unjoni Sirjaka Ewropea, u r-rappreżentanti reliġjużi bħala intermedjarji bejn il-minoranzi u l-Gvern Reġjonali Kurd u l-Gvern tal-Iraq;

14.  Jinsab imħasseb dwar rapporti riċenti ta' diskriminazzjoni kontra l-minoranzi f'żoni kkontrollati mill-Kurdi; jistieden lill-Gvern Reġjonali Kurd fl-Iraq u l-forzi Kurdi fis-Sirja biex ikompli jipprovdi kenn għal dawk li jaħarbu mill-gwerra u l-persekuzzjoni; ifaħħar l-inizjattivi bħall-Amministrazzjoni Awtonoma Demokratika multietnika fit-Tramuntana tas-Sirja u jqis li dan huwa eżempju ta' kooperazzjoni u ta' riżoluzzjoni tal-kunflitt;

15.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu passi biex jiżguraw li titwassal l-għajnuna lil dawk l-aktar vulnerabbli u jitlob li t-Turkija u l-Gvern Reġjonali Kurd fl-Iraq immedjatament jiftħu l-fruntieri tagħhom għall-Amministrazzjoni Awtonoma Demokratika fit-Tramuntana tas-Sirja u jneħħu l-limitazzjonijiet fuq l-għajnuna umanitarja, ir-rikostruzzjoni, il-mezzi tax-xandir, l-iskambji politiċi u tas-soċjetà ċivili għaliex l-Amministrazzjoni Awtonoma Demokratika tagħti kenn lil għadd dejjem jikber ta' persuni spostati f'pajjiżhom u għaliex l-iżolazzjoni tagħha hija ta' detriment għal minoranzi li jgħixu f'dawn iż-żoni;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkludu organizzazzjonijiet ta' għajnuna għall-minoranzi bbażati fis-Sirja u l-Iraq fl-għoti ta' għajnuna lil persuni spostati f'pajjiżhom (IDP); jikkunsidra li hemm ħafna eżempji tajbin li jixirqilhom l-appoġġ, bħas-"Syriac Cross" fis-Sirja u l-isforzi li qed isiru taħt it-tmexxija tal-Arċisqof Kattoliku tal-Kaldej, Bashar Matti Warda;

17.  Jenfasizza li t-taħditiet effikaċi dwar il-paċi għall-futur tas-Sirja jistgħu jkunu ta' suċċess biss jekk il-partijiet kollha jkunu inklużi u jistieden lill-VP / RGħ sabiex tiżgura li tkun inkluża delegazzjoni multietnika u multireliġjuża tal-Kunsill Demokratiku għas-Sirja fit-taħditiet ta' paċi;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sirja, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lill-istituzzjonijiet tal-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC), lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, GCC), lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

Avviż legali