Proċedura : 2016/2515(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0155/2016

Testi mressqa :

B8-0155/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2016 - 8.9
CRE 04/02/2016 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
PV 25/02/2016 - 7.15
CRE 25/02/2016 - 7.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0066

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 438kWORD 93k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0151/2016
27.1.2016
PE576.516v01-00
 
B8-0155/2016

imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2016/2515(RSP))


Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Enrique Guerrero Salom, Richard Howitt, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Caputo, Andi Cristea, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Isabella De Monte, Tanja Fajon, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Neena Gill, Ana Gomes, Theresa Griffin, Sergio Gutiérrez Prieto, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Kashetu Kyenge, Javi López, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Costas Mavrides, Marlene Mizzi, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Péter Niedermüller, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Pina Picierno, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Soraya Post, Gabriele Preuß, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Julie Ward, Josef Weidenholzer, Carlos Zorrinho f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2016/2515(RSP))  
B8-0155/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dik tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Jannar 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar l-attakk fuq ċentru tas-saħħa tal-Médecins Sans Frontières (MSF) fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2015 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar it-tkomplija tat-taħdidiet iffaċilitati min-NU dwar il-Jemen, u d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Ottubru 2015 mill-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 2201 (2015), 2204 (2015), 2216 (2015) dwar il-Jemen, u 2140 (2014) li jimponu sanzjonijiet,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Panel ta' Esperti tan-NU dwar il-Jemen stabbilit skont ir-riżoluzzjoni 2140 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem tas-SEAE tal-20 ta' Marzu, tas-26 ta' Marzu, tal-1 ta' April, tas-26 ta' April u tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-10 ta' Jannar 2016 u tat-8 ta' Jannar 2016 dwar il-Jemen attribwibbli għall-kelliem għas-Segretarju Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi attwali fil-Jemen hija konsegwenza tal-fatt li gvern wieħed wara l-ieħor naqas milli jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Jemen għad-demokrazija, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-istabbiltà u s-sigurtà; billi dan in-nuqqas ħoloq il-kondizzjonijiet ideali biex ifaqqa' kunflitt vjolenti, minħabba l-ineżistenza ta' gvern inklużiv u ta' kondiviżjoni ġusta tal-poter u minħabba l-fatt li t-tensjonijiet numerużi bejn it-tribujiet, in-nuqqas kbir ta' sigurtà u l-paraliżi ekonomika tal-pajjiż ġew injorati b'mod sistematiku;

B.  billi l-intervent militari mmexxi mill-Arabja Sawdija, inkluż l-użu ta' cluster bombs, li huma pprojbiti internazzjonalment, wassal għal sitwazzjoni umanitarja diżastruża li taffettwa l-popolazzjoni madwar il-pajjiż, għandu implikazzjonijiet serji għar-reġjun u jikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi membri mill-popolazzjoni ċivili tal-Jemen, li diġà huma affettwati minn kondizzjonijiet ta' ħajja terribbli, huma l-ewwel vittmi tal-eskalazzjoni militari attwali;

C.  billi sa mill-bidu tal-kunflitt mill-inqas 5 979 persuna ġew maqtula u 28 208 midruba; billi hemm mijiet ta' nisa u tfal fost il-vittmi; billi l-impatt umanitarju fuq il-popolazzjoni ċivili tal-ġlied kontinwu bejn il-milizzji differenti, il-bumbardamenti u l-interruzzjoni ta' servizzi essenzjali qed jilħqu livelli allarmanti;

D.  billi, skont il-Humanitarian Needs Overview (HNO) tal-2016 maħruġ f'Novembru 2015, 21.2 miljun ruħ (82 % tal-popolazzjoni) preżentement qegħdin f'xi forma ta' assistenza umanitarja; billi, bl-istess mod, kważi 2.1 miljun ruħ bħalissa huma stmati li qegħdin fi stat ta' malnutrizzjoni, inkluż aktar minn 1.3 miljun tifel u tifla jsofru minn malnutrizzjoni severa;

E.  billi l-UE pprovdiet EUR 52 miljun f'għajnuna umanitarja ġdida għall-kriżi fil-Jemen u l-impatt tagħha fil-Qarn tal-Afrika fl-2015; billi l-UE se tipprovdi sa EUR 2 miljun għall-istabbiliment ta' Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-NU (UNVIM) għat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen, b'tali mod li jiġi ffaċilitat il-fluss mingħajr xkiel ta' beni kummerċjali u għajnuna umanitarja lill-Jemen;

F.  billi, f'diversi okkażjonijiet, attakki mill-ajru mwettqa mill-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen qatlu ċivili, bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali li jesiġi li jittieħdu l-passi kollha possibbli biex jiġi evitat jew jitnaqqas kemm jista' jkun l-għadd ta' vittmi ċivili; billi hemm diversi rapporti li attakki mill-ajru laqtu miri ċivili, inklużi sptarijiet, skejjel, swieq, imħażen tal-qamħ, portijiet u kamp għal persuni spostati, fejn għamlu ħsara kbira lill-infrastruttura essenzjali għat-twassil tal-għajnuna u kkontribwixxew għall-iskarsezzi gravi tal-ikel u tal-fjuwil fil-pajjiż; billi l-organizzazzjoni umanitarja medika internazzjonali Médecins Sans Frontières (Tobba Mingħajr Fruntieri) (MSF) qed tiġi attakkata b'mod ripetut matul l-aħħar tliet xhur; billi sptar appoġġjat mill-MFS fit-Tramuntana tal-Jemen ġie bbumbardjat fl-10 ta' Jannar 2016, li rriżulta f'mill-inqas sitt persuni maqtula, tużżana midruba, inkluż persunal tal-MSF, u ħsara serja lill-faċilitajiet mediċi; billi dan huwa l-aħħar wieħed f'sensiela ta' attakki fuq faċilitajiet tas-saħħa;

G.  billi, minħabba kapaċità mnaqqsa tal-port u l-konġestjoni minħabba l-ħsara fl-infrastruttura u l-faċilitajiet, 15 % biss mill-volum tal-importazzjonijiet tal-fjuwil ta' qabel il-kriżi qed jidħol fil-pajjiż; billi, skont il-Klassifikazzjoni Integrata tal-Fażi tas-Sigurtà tal-Ikel (IPC) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, bħalissa hemm tmien gvernaturati li huma kklassifikati fil-livell ta' emerġenza fejn għandha x'taqsam is-sigurtà tal-ikel, jiġifieri Sa'ada, Hajjah, Hodeida, Taiz, Al-Dhale, Lahj, Abyan u Hadramaut;

H.  billi, skont Save the Children, sptarijiet f'mill-inqas 18 mit-22 gvernaturati tal-pajjiż ingħalqu bħala riżultat tal-ġlied jew tan-nuqqas ta' fjuwil, jew affettwati b'mod gravi minnhom; billi, b'mod partikolari, 153 ċentru tas-saħħa li preċedentement kienu jfornu nutrizzjoni lil aktar minn 450 000 tifel u tifla f'riskju, għalqu, flimkien ma' 158 poliklinika responsabbli milli jipprovdu kura tas-saħħa bażika għal kważi nofs miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin;

I.  billi, skont l-UNICEF, il-kunflitt fil-Jemen kellu wkoll impatt iebes fuq l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni, li waqaf għal kważi 2 miljun tifel u tifla, bi 3 584 skola - jew waħda minn kull erbgħa - jingħalqu; billi 860 minn dawn l-iskejjel saritilhom ħsara jew jilqgħu lill-persuni spostati;

J.  billi f'Ġunju 2015, in-NU nedew appell għal USD 1.6 biljun biex jippermettulhom jassistu 11.7 miljun ruħ, iżda billi sal-aħħar tal-2015, kien hemm 56 % iffinanzjat minn dan il-fond;

K.  billi fil-15 ta' Diċembru 2015 ġie ddikjarat waqfien mill-ġlied man-nazzjon kollu iżda sussegwentement dan ġie miksur diversi drabi; billi taħdidiet ta' paċi bejn il-partijiet f'kunflitt fl-Iżvizzera f'nofs Diċembru 2015 naqsu milli jagħmlu xi progress sinifikanti bil-ħsieb li jtemmu l-kunflitt; billi t-tkomplija ta' taħditiet ta' paċi mmexxija min-NU taħt l-awspiċi tal-mibgħut tan-NU lejn il-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, li kienet skedata għall-14 ta' Jannar 2016, ġiet posposta temporanjament fost vjolenza kontinwa;

L.  billi r-ribelli Houthi bdew assedju fuq il-belt ta' Taiz, it-tielet l-akbar belt tal-Jemen, b'tali mod li xekklu t-twassil tal-għajnuna umanitarja; billi, skont Stephen O'Brien, is-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur għas-Sokkors f'Emerġenza, madwar 200 000 ċivili maqbuda kienu fi bżonn serju ta' ilma tax-xorb, ikel, trattament mediku, u assistenza u protezzjoni oħrajn għas-salvataġġ tal-ħajja;

M.  billi l-Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) approfittat mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen, u qiegħda tespandi l-preżenza tagħha u tkabbar l-għadd u l-iskala tal-attakki terroristiċi tagħha; billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (ISIS) / Daesh stabbilixxa l-preżenza tiegħu fil-Jemen u wettaq attakki terroristiċi kontra l-moskej Xiiti, bil-qtil ta' mijiet ta' persuni;

N.  billi xi Stati Membri tal-UE impenjaw ruħhom f'kummerċ tal-armi mal-Arabja Sawdija u stati oħra tal-Golf li jistgħu jkunu bi ksur mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi, li fost l-oħrajn, tistipula l-kriterji li ġejjin tal-Istati Membri dwar id-deċiżjonijiet tal-ħruġ ta' liċenzji għall-esportazzjoni ta' armi konvenzjonali: ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali, u r-rispett minn dak il-pajjiż lejn id-dritt umanitarju internazzjonali; is-sitwazzjoni interna fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali - l-Istati Membri m'għandhomx jippermettu esportazzjonijiet li jipprovokaw jew itawlu kunflitti armati jew li jaggravaw tensjonijiet eżistenti jew kunflitti fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali; u l-preservazzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;

O.  billi, skont l-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR), il-Jemen kompla jospita b'mod ġeneruż aktar minn 267 000 refuġjat, filwaqt li r-refuġjati u l-migranti mill-Qarn tal-Afrika għadhom jaslu fuq ix-xtut tiegħu, li fl-2015 jammontaw għal 92 446, wieħed mill-ogħla totali annwali tal-aħħar deċennju; billi 95 mewta fuq il-baħar kienu rrapportati fil-Jemen fl-2015 u sa issa diġà kien hemm 36;

P.  billi, skont l-UNHCR, madwar 170 000 ruħ telqu mill-Jemen sa minn tmiem Marzu 2015, filwaqt li 43 % huma ċittadini ta' pajjiżi terzi, 40 % cittadini Jemeniti u 17 % ċittadini Somali; billi dan il-fluss lejn pajjiżi tal-viċinat, inklużi l-Djibouti, l-Etjopja, l-Oman, l-Arabja Sawdija, is-Somalja u s-Sudan, jenfasizza d-dimensjoni reġjonali tal-kunflitt attwali fil-Jemen;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, li hija kkaraterizzata minn insigurtà tal-ikel u malnutrizzjoni gravi, attakki indiskriminati kontra ċ-ċivili u l-ħaddiema mediċi u umanitarji, u l-qerda ta' infrastruttura ċivili u medika bħala riżultat tal-intensifikazzjoni ta' attakki mill-ajru minn koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u ġlied fuq l-art u bumbardamenti, minkejja appelli ripetuti għal ċessjoni mġedda tal-ostilitajiet; ittenni mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u l-popli tal-Jemen;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-imblokk navali li hija imponiet fuq il-Jemen, li wasslu għal eluf ta' mwiet, li komplew jiddestabbilizzaw lill-Jemen, li qed jeqirdu l-infrastruttura fiżika tal-pajjiż, li ħolqu kondizzjonijiet aktar favorevoli għall-espansjoni ta' organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħall-ISIS/Daesh u l-AQAP, u li qegħdin jaggravaw sitwazzjoni umanitarja diġà kritika; jikkundanna bil-qawwa, barra minn hekk, l-azzjonijiet ta' destabbilizzazzjoni u vjolenti meħuda mill-Houthis, inkluż l-assedju tal-belt ta' Taiz, li kellu wkoll konsegwenzi umanitarji drammatiċi għall-abitanti tiegħu;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU, u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jippermettu d-dħul u t-twassil ta' ikel, mediċini, fjuwil u assistenza oħra meħtieġa b'mod urġenti permezz ta' kanali tan-NU u tal-organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti taċ-ċivili milquta mill-kriżi, b'konformità mal-prinċipji ta' imparzjalità, newtralità u indipendenza; ifakkar għalhekk li huwa essenzjali li l-aċċess tat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen jiġi ffaċilitat aktar;

4.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jippermettu aċċess bla rbit u bla xkiel għall-ħaddiema umanitarji u għall-għajnuna lill-popli Jemeniti, li jinsabu fi bżonn urġenti ta' għajnuna vitali, u konsegwentement jitlob għal pawża umanitarja sabiex ikun jista' jiġi permess lill-għajnuna għas-salvataġġ tal-ħajja tilħaq lill-popli Jemeniti bħala kwistjoni ta' urġenza;

5.  Itenni l-appell tiegħu lill-partijiet kollha biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili u biex iżommu lura milli jimmiraw direttament infrastruttura ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma, u milli jużaw binjiet ċivili għal skopijiet militari;

6.  Ifakkar lill-partijiet kollha li l-isptarijiet u l-persunal mediku huma espliċitament protetti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u li t-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' ċivili u infrastruttura ċivili jammonta għal delitt tal-gwerra; jenfasizza l-importanza li titjieb is-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji sabiex dawn ikunu jistgħu jirrispondu għall-attakki b'mod aktar effikaċi; jappella għal investigazzjoni imparzjali u indipendenti dwar il-ksur allegat tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-aħħar attakki mmirati fuq infrastruttura u persunal umanitarji;

7.  Jistieden lill-UE tippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-UE, fid-djalogu politiku tagħha mal-Arabja Sawdija, iżżid il-ħtieġa ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lill-Kunsill, f'każ li dan id-djalogu ma jagħti ebda riżultati, jikkunsidra japplika miżuri restrittivi u sanzjonijiet għall-istati jew għall-individwi involuti fi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, bħalma huma l-Arabja Sawdija, minbarra l-miżuri restrittivi eżistenti kontra l-Houthis;

8.  Jistieden lill-Kunsill biex jagħmel eżami tal-konformità tal-Istati Membri mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi fir-rigward tal-esportazzjonijiet tal-armi lejn l-Arabja Sawdija u stati oħra tal-Golf, u b'mod partikolari l-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet li jistipulaw li l-Istati Membri għandhom jibbażaw id-deċiżjonijiet ta' ħruġ ta' liċenzji fuq, inter alia; ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali, u r-rispett minn dak il-pajjiż lejn id-dritt umanitarju internazzjonali; is-sitwazzjoni interna fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali - l-Istati Membri m'għandhomx jippermettu esportazzjonijiet li jipprovokaw jew itawlu kunflitti armati jew li jaggravaw tensjonijiet eżistenti jew kunflitti fil-pajjiż tad-destinazzjoni finali; u l-preservazzjoni tal-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;

9.  Jenfasizza li jista' jkun hemm biss soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jimpenjaw ruħhom in bona fide f'ċiklu ġdid ta' negozjati ta' paċi mmexxija min-NU kemm jista' jkun malajr; jappoġġja l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Ismail Ould Cheikh Ahmed, biex isiru taħdidiet ta' paċi ffaċilitati min-NU;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0270.

Avviż legali