Proċedura : 2016/2529(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0156/2016

Testi mressqa :

B8-0156/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2016 - 8.10
CRE 04/02/2016 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 430kWORD 84k
27.1.2016
PE576.517v01-00
 
B8-0156/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-ISIS (2016/2529(RSP))


Miguel Urbán Crespo, Javier Couso Permuy, Patrick Le Hyaric, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou, Younous Omarjee, Fabio De Masi, Merja Kyllönen, Tania González Peñas, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Kostadinka Kuneva, Kostas Chrysogonos, Helmut Scholz, Stelios Kouloglou, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-ISIS (2016/2529(RSP))  
B8-0156/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2118 (2013) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Lvant Nofsani (S/RES/2118 (2013)),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014(1) u tas-27 ta' Frar 2014(2) dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar l-Iraq: is-sitwazzjoni tal-gruppi minoritarji, inklużi t-Turkomeni Iraqini(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' Frar 2014(4), tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-Sirja u dik tas-17 ta' April 2014 dwar is-Sirja: is-sitwazzjoni f'ċerti komunitajiet vulnerabbli(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja sa minn meta faqqgħet il-vjolenza settarja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu 2015 dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tal-ISIL/Da'esh,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2015, tal-20 ta' Jannar 2014 u tal-14 ta' April 2014 dwar is-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2015, tal-15 ta' Awwissu 2014, tat-23 ta' Ġunju 2014 u ta' Frar 2014 dwar l-Iraq,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-20 ta' Jannar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-ISIS;

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra dwar ir-rifuġjati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-attakki sistematiċi fuq iċ-ċivili, l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tal-ISIS, inklużi dawk imwettqa għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi, jikkostitwixxu theddida għall-paċi internazzjonali;

B.  billi l-politika ta' ndħil tal-Istati Uniti u tal-alleati tagħha fil-Lvant Nofsani ikkontribwiet għall-instabbiltà u l-kriżi profonda li hemm fir-reġjun kollu, li issa sar l-arena ta' tilwim bejn potenzi differenti li qed jippruvaw jeżerċitaw l-influwenza tagħhom;

C.  billi fid-29 ta' Ġunju 2014 l-ISIS ipproklama "kalifat" jew "Stat Iżlamiku" fit-territorji taħt il-kontroll tiegħu fl-Iraq u fis-Sirja; billi l-mexxej tiegħu, Abu Bakr al-Baghdadi, ġie ddikjarat kaliff; billi l-Iżlamisti radikali tal-ISIS issa jikkontrollaw partijiet kbar mill-Iraq u s-Sirja;

D.  billi l-kunflitti fl-Iraq u fis-Sirja u d-diżintegrazzjoni ta' dawn il-pajjiżi tat l-opportunità lil dawn il-forzi Iżlamiċi radikali li jokkupaw partijiet kbar mit-territorju taż-żewġ pajjiżi u jistabbilixxu l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (ISIS);

E.  billi l-ISIS wettaq tindif etniku fit-Tramuntana tal-Iraq; billi l-militanti tiegħu poġġew sistematikament fil-mira tagħhom persuni sekulari, komunitajiet ta' persuni mhux Għarab u ta' Musulmani li mhumiex Sunniti, kif ukoll Musulmani Sunniti li ma jsegwux il-mod barbaru u fundamentalista ta' kif l-ISIS jifhmu r-reliġjon tagħhom, u qatlu jew ħatfu eluf ta' persuni filwaqt li ġiegħlu aktar minn miljun ruħ jaħarbu miż-żoni taħt il-kontroll tagħhom fl-Iraq u fis-Sirja; billi l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi tal-ISIS huma Musulmani;

F.  billi diversi minoranzi etniċi u reliġjużi – Insara Assirjani, Xiiti Turkmeni, Xiiti Xabaki, Yazidi, Kakai u Mandjani Sabej – ilhom sekli sħaħ jgħixu flimkien fil-provinċja ta' Nineveh (il-parti l-kbira minnha issa hija taħt il-kontroll tal-ISIS); billi dawk li ma setgħux jaħarbu meta l-ġellieda tal-ISIS ħadu din iż-żona taħt idejhom għadhom maqbuda hemm, taħt it-theddida tal-mewt jekk ma jikkonvertux għall-Iżlam,

G.  billi eluf ta' Yazidi, il-biċċa l-kbira minnhom nisa u tfal mir-reġjun ta' Sinjar (l-Iraq), inħatfu huma u jaħarbu mill-okkupazzjoni tal-ISIS f'Awwissu 2014; billi ġew irrappurtati diversi każijiet ta' qtil tal-massa, inkluż f'Kocho, f'Qiniyeh u fi Jdali; billi l-aħħar rapporti jitkellmu dwar massakri brutali u jikkonfermaw li nstabu diversi oqbra tal-massa li hu maħsub li fihom mijiet ta' katavri ta' persuni Yazidi; billi n-NU ddeskriviet dan l-attakk fuq il-Yazidi bħala possibbiltà ta' ġenoċidju;

H.  billi l-irġiel, in-nisa u t-tfal jisfaw sistematikament fil-mira abbażi tal-affiljazzjoni etnika, reliġjuża jew settarja tagħhom; billi dawn l-attakki fuq il-minoranzi huma relatati ma' ksur atroċi tad-drittijiet tal-bniedem bħalma huma l-qtil immirat, il-konverżjonijiet furzati, il-ħtif, l-iskjavitù, ir-reati sesswali, ir-reklutaġġ furzat u l-qerda ta' postijiet ta' qima;

I.  billi l-Insara li jgħixu fiż-żoni taħt il-kontroll tal-ISIS u li jixtiequ jibqgħu hemm għandhom tliet għażliet: jikkonvertu għall-Iżlam, iħallsu imposta fuq ir-reliġjon, jew imutu; billi mill-2003 'l hawn, meta l-Istati Uniti invadiet l-Iraq, huwa maħsub li tal-inqas nofs l-Insara Iraqini telqu mill-pajjiż;

J.  billi l-ispostament furzat tal-minoranzi etniċi u reliġjużi tal-Iraq hija traġedja storika, li mhux biss qed teqred ħajjet in-nies iżda qed tikkawża wkoll ħsara irreparabbli lin-nisġa tas-soċjetà Iraqina u konsegwentement qed iżżid it-tensjonijiet interetniċi, settarji u interreliġjużi fir-reġjun u lil hinn minnu;

K.  billi l-ISIS irnexxielu jakkwista sorsi ta' introjtu sinifikanti billi ssakkeġġja banek u negozji fit-territorji li jikkontrolla, u billi ħa f'idejh bjar taż-żejt importanti fis-Sirja u fl-Iraq; billi l-ISIS irċieva fondi mingħand diversi donaturi, partikolarment mill-Arabja Sawdija, il-Qatar, il-Kuwajt u l-Emirati Għarab Magħquda, pajjiżi magħrufa sew għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi parti kbira mill-aktar minn nofs miljun rifuġjat Palestinjan irreġistrati fis-Sirja sfaw rifuġjati għat-tieni darba għaliex kellhom jaħarbu mill-kampjiet tar-rifuġjati u minn bliet fis-Sirja wara li gruppi militari daħlu fil-kampijiet u okkupawhom, bi ksur tan-newtralità tar-rifuġjati;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-qtil tal-massa u l-ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-ISIS, fil-każijiet kollha u irrispettivament mill-oriġini etnika tal-vittmi jew l-affiljazzjoni f'minoranza reliġjuża; jesprimi s-simpatija profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi, u jappella biex dawk li qed jinżammu ostaġġi minn dan il-grupp terroristiku jinħelsu;

2.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda fil-vjolenza u l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-ISIS, li qed iwasslu biex għadd kbir ta' nies jinqatlu u eluf ta' persuni jisfaw spostati;

3.  Jenfasizza li l-individwi kollha responsabbli għal reati kriminali bħall-ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra għandhom jitressqu quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, kif stabbilit fl-Istatut ta' Ruma u f'konformità mad-dritt internazzjonali eżistenti;

4.  Jappella biex tinstab soluzzjoni politika li tinvolvi lill-atturi politiċi u soċjali kollha b'risposta għall-isfida tal-ġlieda kontra l-ISIS fil-qafas ta' strateġija fit-tul li tkun koerenti mal-valuri demokratiċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon in-negozjati ta' Ġinevra II li għandhom l-għan li tinstab soluzzjoni għall-gwerra fis-Sirja; jinsisti fuq il-ħtieġa li jingħata appoġġ lid-demokrazija bħala mezz fundamentali biex l-ISIS jinġieb fi tmiemu; ifakkar li l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi tal-ISIS huma Musulmani u li, għalhekk, dawk l-aktar affettwati huma l-popolazzjonijiet lokali;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqfu s-sorsi finanzjarji u l-linji ta' forniment loġistiku li jagħtu appoġġ lill-ISIS; ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-biċċa l-kbira tat-tagħmir militari użat mill-ISIS huwa manifatturat fil-Punent u li għalhekk huwa ta' importanza fundamentali li jiġi żgurat it-tmiem immedjat tal-bejgħ ta' armi għall-użu f'żoni ta' kunflitt; jappella biex l-atturi barranin iwaqqfu kull esportazzjoni u konsenja ta' armi lejn ir-reġjun; jistieden, b'mod partikolari, lill-Istati nfushom u lill-pajjiżi tal-Punent biex jieqfu jiffinanzjaw kwalunkwe milizzja u, b'mod partikolari, ma jibqgħux jixtru żejt li ġej minn bjar taż-żejt ikkontrollati mill-ISIS u ttrasportat bit-trakkijiet mit-Turkija;

6.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u fis-Sirja, li ġiet aggravata mill-ISIS u li ġiegħlet lil mijiet ta' eluf ta' persuni jsiru rifuġjati u jaħarbu minn djarhom; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli jqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi finanzjarji u umanitarji kollha meħtieġa sabiex jgħinu lir-rifuġjati; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata għajnuna umanitarja adegwata lill-persuni spostati u li tiġi żgurata protezzjoni sħiħa u ugwali għall-komunitajiet vulnerabbli f'riskju;

7.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għal soluzzjoni politika għall-kunflitt fis-Sirja li tissalvagwardja s-sovranità tal-pajjiż u tiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali tas-Sirjani kollha, irrispettivament mill-appartenenza etnika jew reliġjuża tagħhom;

8.  Iqis li l-invażjoni tal-Iraq, il-politiki settarji tal-gvern ta' Al Maliki u l-gwerra fis-Sirja ħolqu art fertili fejn jinfirex l-ISIS; jappella għall-bżonn li tintemm il-gwerra kemm fis-Sirja kif ukoll fl-Iraq; itenni li l-kompiti ta' paċifikazzjoni u stabbilizzazzjoni jistgħu jiġu implimentati biss permezz ta' kunsens wiesa' fil-qafas tan-NU; itenni l-oppożizzjoni tiegħu għal kull intervent militari estern fis-Sirja, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa kondiviża li jkun hemm djalogu paċifiku u inklużiv sabiex tinbeda r-rikonċiljazzjoni u jingħata kontribut biex titreġġa' lura l-istabbiltà fil-pajjiż u fir-reġjun;

9.  Jenfasizza d-deterjorament tas-sitwazzjoni tan-nisa fl-Iraq, li qed iseħħ pari passu mal-qerda ta' pajjiżhom tul dawn l-aħħar tletin sena, bin-nisa jibqgħu maqbuda bejn in-nuqqas ta' importanza mogħtija lilhom fis-soċjetà Iraqina, sitwazzjoni li ħżienet ulterjorment bil-preżenza tal-ISIS, u l-interpretazzjoni tal-liġi min-naħa tal-ISIS li tikkundanna n-nisa Iraqini għall-ostraċiżmu;

10.  Itenni li r-reġjun kollu għaddej minn movimenti ta' spostament storiċi, u li għalhekk l-atturi reġjonali huma kruċjali fl-isforz biex tiġi indirizzata din l-isfida; iqis li soluzzjoni solida u fit-tul jeħtieġ tkun ibbażata fuq id-djalogu bejn il-komunitajiet u l-gruppi ta' minoranza kollha li minn dejjem għexu ma' xulxin, u li tikkostitwixxi eżempju siewi ta' eteroġeneità kulturali u koeżistenza paċifika;

11.  Jistieden lill-Kunsill jieħu l-inizjattiva li jlaqqa' konferenza internazzjonali dwar il-projbizzjoni u l-qerda ekoloġika tal-armi kollha tal-qerda tal-massa madwar id-dinja, inklużi l-armi nukleari, kimiċi u batterjoloġiċi;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-President tal-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-kap tad-delegazzjoni tal-UE fl-Iraq, lill-presidenti tal-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tar-Repubblika tal-Iraq, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Għarbija Sirjana, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, u lil-Lega tal-Istati Għarab.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0011.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2014)0171.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0101.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0099.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2014)0461.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0040.

Avviż legali