Proċedura : 2016/2555(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0313/2016

Testi mressqa :

B8-0313/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/03/2016 - 11.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 418kWORD 78k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0313/2016
2.3.2016
PE579.741v01-00
 
B8-0313/2016

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0109/2016, B8-0110/2016, B8-0111/2016, B8-0112/2016, B8-0113/2016, B8-0114/2016 u B8-0115/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-"Valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kontrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" u l-iskadenza imminenti ta' dak il-ftehim;  (2016/2555(RSP))


Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-"Valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kontrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" u l-iskadenza imminenti ta' dak il-ftehim;  (2016/2555(RSP))  
B8-0313/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International (PMI) u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li jħassar id-Direttiva 2001/37/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-Protokol biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk adottat matul il-ħames sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk bid-Deċiżjoni FCTC/COP5 (1) tat-12 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2016 intitolat "Valutazzjoni Teknika dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" (SWD(2016)0044),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar l-implikazzjonijiet tal-ftehim bejn il-Komunità, Stati Membri u l-kumpanija Philip Morris dwar l-intensifikar tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu tas-sigaretti u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament dwar is-Sistema tat-Tranżitu Komunitarju(2),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar il-"Valutazzjoni Teknika dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" u l-iskadenza imminenti tal-ftehim (O-000010/2016 – B8-0109/2016, O-000014/2016 – B8-0110/2016, O-000015/2016 – B8-0111/2016, O-000016/2016 – B8-0112/2016, O-000017/2016 –B8-0113/2016, O-000018/2016 –B8-0114/2016 u O-000019 – B8-0115/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk, partikolarment il-kuntrabandu ta' sigaretti bil-kuntrabandu u ffalsifikati, jikkawża telf fid-dħul għall-UE u l-Istati Membri tagħha (f'termini ta' dwana, VAT u dazji tas-sisa) ta' aktar minn EUR 10 biljun fis-sena;

B.  billi l-għan tal-ftehim PMI hu li tonqos id-distribuzzjoni ta' kuntrabandu tal-marka PMI;

C.  billi l-ftehim PMI s'issa rriżulta fi dħul pubbliku ta' madwar USD 1 biljun f'pagamenti annwali u ta' EUR 68.2 miljun f'pagamenti ta' sekwestri;

D.  billi l-ftehim PMI se jiskadi fid-9 ta' Lulju 2016;

E.  billi l-kuntrabandu tat-tabakk hu reat gravi li jikkontribwixxi biex jiffinanzja attivitajiet ta' kriminalità organizzata internazzjonali, inkluż it-traffikar tal-persuni, tad-drogi u tal-armi;

F.  billi filwaqt li l-frodi tat-tabakk toħloq tħassib għas-saħħa pubblika, is-sigaretti ffalsifikati, immanifatturati illegalment bl-użu ta' ingredjenti mhux magħrufa, jippreżentaw riskju akbar għas-saħħa mis-sigaretti ġenwini;

G.  billi l-frodi tat-tabakk iddgħajjef il-politiki kontra t-tipjip, b'hekk tinkoraġġixxi l-epidemija tat-tabakk għaliex iżżid l-aċċess għal prodotti (ta' spiss irħas) tat-tabakk, speċjalment għaż-żgħażagħ u gruppi bi dħul baxx;

H.  billi biex tiġi indirizzata l-problema ta' sigaretti tal-kuntrabandu u ffalsifikati l-UE u l-Istati Membri (ħlief l-Isvezja fil-każ tal-Ftehimiet BAT u ITL) iffirmaw ftehimiet legalment vinkolanti ma' Philip Morris International (PMI) (2004), Japan Tobacco International (JTI) (2007), British American Tobacco (BAT) (2010) u Imperial Tobacco Limited (ITL) (2010);

I.  billi permezz ta' dawn il-ftehimiet il-kumpaniji impenjaw ruħhom li jħallsu total kollettiv ta' USD 2.15-il biljun lill-UE u lill-istati firmatarji biex jiġġieldu l-kummerċ illeċitu fis-sigaretti;

1.  Jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-ftehim PMI;

2.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni pposponiet il-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni teknika tagħha għal aktar minn sitt xhur minkejja talba espliċita tal-Parlament biex jaraha;

3.  Jiddeplora l-fatt li l-valutazzjoni teknika kienet mogħtija mill-Kummissjoni fl-24 ta' Frar 2016, u dan għamilha diffiċli għall-Parlament li jagħmel evalwazzjoni adegwata u jifformula rispons xieraq;

4.  Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehim PMI effettivament laħaq l-objettiv tiegħu li jnaqqas il-prevalenza tal-kuntrabandu PMI fis-suq tat-tabakk illeċitu tal-UE, kif muri mill-perċentwali inqas ta' madwar 85 % fil-volum ta' sigaretti PMI ġenwini sekwestrati mill-Istati Membri bejn l-2006 u l-2004; jinnota, madankollu, li skont il-Kummissjoni it-tnaqqis fil-kuntrabandu PMI ma wassalx għal tnaqqis kumplessiv ta' prodotti illeċiti fis-suq tal-UE u li l-kuntrabandu li jikkonsisti fi prodotti bil-kuntrabandu mill-manifatturi l-kbar qed dejjem aktar jiġi sostitwit minn prodotti oħra inklużi sigaretti bla marka ("cheap whites") tipikament manifatturati f'pajjiżi terzi;

5.  Jenfasizza d-dikjarazzjoni fir-rapport tal-Kummissjoni li strumenti legalment vinkolanti u infurzabbli, flimkien ma' infurzar qawwi tal-liġi, huma l-għodda l-aktar effiċjenti biex jiġi żgurat tnaqqis sinifikanti fil-kummerċ illegali ta' prodotti tat-tabakk;

6.  Ifakkar li, kif imsemmi fir-rapport tal-Kummissjoni, id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk diġà tistipula rekwiżit legali għal kumpaniji tat-tabakk biex jintroduċu u jżommu sistema ta' traċċar u rintraċċar, li se ssir effettiva fl-2019 l-aktar tard, u billi l-Protokoll tal-2015 għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) jipprovdi għal rekwiżit globali simili, li probabbilment se jsir effettiv fl-2022 jew l-2023;

7.  Jinnota li l-linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5.3 tal-Protokoll FCTC jikkonfermaw li l-Protokoll ma jipprekludix il-konklużjoni ta' ftehimiet vinkolanti u infurzabbli ma' manifatturi tat-tabakk fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tat-tabakk;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fil-ħin, u b'mod partikolari l-miżuri ta' traċċar u rintraċċar tagħha;

9.  Itenni l-ħtieġa kontinwa tal-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-prodotti ffalsifikati, u għalhekk jirrimarka li teħtieġ tittieħed azzjoni, minħabba d-distakk possibbli bejn l-iskadenza tal-ftehim PMI attwalment fis-seħħ u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Protokoll FCTC biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni attwali b'mod trasparenti u responsabbli bl-involviment tal-Parlament Ewropew;

10.  Jenfasizza li s-suq inbidel b'mod sinifikanti minn meta ġie konkluż il-ftehim 12-il-sena ilu;

11.  Jitlob, filwaqt li jirriżerva l-pożizzjoni tiegħu dwar il-benefiċċju u l-utilità ta' ftehim imġedded sa dak iż-żmien li jkun kapaċi jqis test rivedut, lill-Kummissjoni biex tibda tinnegozja mill-ġdid il-ftehim PMI eżistenti, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi tas-suq li nbidlu u l-esperjenza tal-ftehim eżistenti, bl-għan li jkun hemm xi ħaġa konkreta fid-9 ta' Lulju 2016 jekk ikun meħtieġ;

12.  Jenfasizza li matul kwalunkwe negozjati għal ftehim ġdid possibbli il-Kummissjoni għandha taħdem mal-partijiet rilevanti biex tiżgura trasparenza sħiħa, b'mod partikolari billi żżomm lill-Parlament infurmat kif xieraq;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi metodi aħjar biex tqassam il-pagamenti mill-PMI sabiex jinkiseb riżultat aktar ekwu u tqassim aktar ġust tad-dħul minn kwalunkwe ftehim futur;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mekkaniżmi aktar b'saħħithom biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-ftehim min-naħa tal-manifatturi tat-tabakk, li għandhom jinkludu rappurtar aktar regolari ta' miżuri meħudin biex tiġi żgurata l-konformità;

15.  Jenfasizza li kwalunkwe ftehim ġdid għandu jipprevedi ambitu għall-ħidma mal-produtturi tat-tabakk fid-dawl ta' bidliet potenzjali tal-modus operandi tal-gruppi kriminali organizzati, bħal, pereżempju, li jindirizza dgħufijiet potenzjali fil-kontrolli tal-katina tal-provvista li jistgħu jkunu esposti minn sekwestri possibbli taħt il-limiti notifikabbli;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

(1)

ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.

(2)

ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 147.

Avviż legali