Proċedura : 2016/2584(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0449/2016

Testi mressqa :

B8-0449/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0122

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 451kWORD 106k
6.4.2016
PE579.866v01-00
 
B8-0449/2016

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-000119/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar it-tifqigħa tal-virus taż-Żika (2016/2854(RSP))


Giovanni La Via, Annie Schreijer-Pierik, Matthias Groote, José Inácio Faria, Kateřina Konečná, Martin Häusling, Piernicola Pedicini f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tifqigħa tal-virus taż-Żika (2016/2854(RSP))  
B8-0449/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tal-1 ta' Frar 2016 li tiddeskrivi t-tifqigħa tal-virus taż-Żika bħala Emerġenza tas-Saħħa Pubblika ta' Tħassib Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-tifqigħa tal-virus taż-Żika (O-000030/2016 – B8-000119/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-1 ta' Frar 2016 il-WHO iddikjarat li t-tifqigħa tal-virus taż-Żika hi Emerġenza tas-Saħħa Pubblika ta' Tħassib Internazzjonali,

B.  billi l-virus taż-Żika huwa virus emerġenti trażmess min-nemus li ġie identifikat għall-ewwel darba fix-xadini rhesus tal-foresta ta' Żika fl-Uganda fl-1947, permezz ta' netwerk ta' monitoraġġ tad-deni l-isfar silvatiku;

C.  billi tifqigħa tal-marda tal-virus taż-Żika ġiet irreġistrat b'mod sporadiku f'żewġ reġjuni Ewropej, il-Martinique u l-Guyana Franċiża, u fl-Afrika, fl-Amerki, fl-Asja u l-Paċifiku, u billi ġew skoperti xi każijiet ta' kontaminazzjoni fl-Ewropa, b'mod partikolari fit-Territorji Extra-Ewropej ta' Guadaloupe u Saint Martin;

D.  billi fl-2007, il-virus taż-Żika feġġ għall-ewwel darba barra mill-konfini endemiċi magħrufa tiegħu u kkawża epidemija fuq il-gżira ta' Yap fl-Istati Federali tal-Mikroneżja, li kienet segwita minn epidemija mifruxa fil-Polineżja Franċiża fl-2013–2014, u sussegwentament infirex f'diversi pajjiżi fl-Oċeanja, fosthom in-New Caledonia u l-Gżejjer Cook; billi filwaqt li l-virus taż-Żika ġeneralment tqies li jikkawża biss mard ħafif fil-bniedem, it-tifqigħa fil-Polineżja Franċiża wriet li l-virus għandu l-potenzjal li jikkawża komplikazzjonijiet newroloġiċi (jiġifieri s-sindrome Guillain-Barré u l-meningoenċefalite);

E.  billi skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, il-parti l-kbira tal-infezzjonijiet jibqgħu asintomatiċi (madwar 80 %);

F.  billi l-ikbar tifqigħa tal-virus taż-Żika ġiet irreġistrata fil-Brażil, b'mod partikolari fil-Grigal tal-Brażil;

G.  billi f'Novembru 2015, il-Ministeru tas-Saħħa Brażiljan iddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika fir-rigward ta' żieda anormali fl-għadd ta' tfal li twieldu bil-mikroċefalija fl-Istat ta' Pernambuco tul l-2015; billi ż-żieda sinifikattiva hi viżibbli prinċipalment fl-aktar forom gravi tal-mikroċefalija, iżda xi rapporti jissuġġerixxu li l-prevalenza ta' forom iżjed ħfief ta' din il-marda kienet eċċezzjonalment għolja anki ftit snin qabel ma faqqa' l-virus taż-Żika fl-2015;

H.  billi ċ-ċiklu tal-ħajja tan-nemus jiddependi mill-klima, il-ħabitat u l-bijodiversità, u billi t-tixrid tan-nemus hu ffaċilitat minn fatturi umani bħat-tibdil fil-klima, ħabitats akkwatiċi maħluqa mill-bniedem, id-deforestazzjoni, l-urbanizzazzjoni u n-nuqqas ta' sanità, l-iskart urban, il-kunflitti u l-ivvjaġġar;

I.  billi t-tifqigħa tal-virus taż-Żika kixfet l-inugwaljanzi eżistenti fil-pajjiżi milquta, fosthom fir-rigward tas-sistemi tas-saħħa pubblika u l-kundizzjonijiet tal-għajxien, filwaqt li laqtet b'mod sproporzjonat lill-ifqar membri tas-soċjetà, li sikwit jgħixu ħdejn sorsi tal-ilma miftuħa u mhumiex mgħammra sew biex jipprevjenu u jiġġieldu l-marda; billi n-nisa għadhom jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-fqar fid-dinja u s-sitwazzjoni tagħhom hija partikolarment kruċjali minħabba li huma l-parti responsabbli ewlenija fl-unità domestika biex jipprovdu l-ikel, l-ilma nadif, l-iġjene u t-trobbija tat-tfal b'sindromi assoċjati mal-mikroċefalija, element li jaf ikun jeħtieġ riżorsi finanzjarji addizzjonali, partikolarment meta ma jkunx hemm strutturi ta' appoġġ adegwati u bi prezz li jintlaħaq;

J.  billi kienu rappurtati każijiet impurtati ta' infezzjoni bil-virus taż-Żika f'diversi pajjiżi Ewropej; billi fil-11 ta' Frar 2016, l-ECDC irrefera każ ta' mikroċefalija misjub f'mara tqila fis-Slovenja, li żviluppat infezzjoni simili għaż-Żika waqt it-tqala meta kienet tirrisjedi fil-Brażil;

K.  billi mid-9 ta' Frar 2016, l-ebda każ ta' trażmissjoni awtoktona tal-virus taż-Żika ma ġie rappurtat fil-kontinent Ewropew, iżda ftit każijiet ġew rappurtati fir-reġjuni ultraperiferiċi Ewropej;

L.  billi s-sejbien tal-virus kien assoċjat ma' gruppi ta' każijiet tal-mikroċefalija u mard newroloġiku ieħor, inklużi każijiet tas-sindrome Guillain-Barré; billi fl-1 ta' Frar 2016, il-WHO ddikjarat li hi suspettata relazzjoni kawżali bejn l-infezzjoni biż-Żika matul it-tqala u l-mikroċefalija, għalkemm għadha mhix ippruvata xjentifikament;

M.  billi r-rabta bejn in-nisa tqal infettati bil-virus taż-Żika u ż-żieda qawwija fl-għadd ta' każijiet ta' mikroċefalija, kundizzjoni li tikkawża li t-trabi jitwieldu b'ras anormalment żgħira u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet tittardja wkoll l-iżvilupp tal-moħħ, wara t-tifqigħa taż-Żika, bħalissa qed tiġi riċerkata u skont il-WHO, saret dejjem aktar plawżibbli; billi din l-inċertezza, flimkien mal-inċertezza dwar il-mekkaniżmi ta' trażmissjoni, tpoġġi lin-nisa u l-bniet adolexxenti, speċjalment in-nisa tqal u l-familji tagħhom, f'pożizzjoni diffiċli ħafna, b'mod partikolari fir-rigward ta' saħħithom u tal-implikazzjonijiet fit-tul għall-unità domestika tagħhom, u billi dawn l-inċertezzi m'għandhomx jintużaw biex ikunu posposti d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet urġenti meħtieġa biex tissolva din il-kriżi;

N.  billi hemm ħafna kawżi potenzjali tal-mikroċefalija, iżda sikwit il-kawża tibqa' ma ssirx magħrufa, u billi, fin-nuqqas ta' trattament speċifiku għall-mikroċefalija, l-eżistenza ta' tim multidixxiplinarju biex jivvaluta u jindokra t-trabi u t-tfal b'mikroċefalija hija importanti, intervent bikri bi programm ta' stimolu u ta' logħob jista' juri impatti pożittivi fuq l-iżvilupp waqt li l-counselling tal-familja u l-appoġġ għall-ġenituri huwa wkoll estremament importanti;

O.  billi r-raggruppament tal-każijiet ta' mikroċefalija fil-Brażil ġie assoċjat minn riċerkaturi Arġentini u Brażiljani mal-larviċida pyriproxyfen, li ġiet introdotta fil-provvisti tal-ilma tax-xorb fl-2014 f'inħawi milquta tal-Brażil; billi b'reazzjoni għal din ir-rabta possibbli, kontra l-parir tal-Ministeru tas-Saħħa u bi qbil mal-prinċipju ta' prekawzjoni, il-gvern lokali f'Rio Grande do Sul, stat fin-naħa t'isfel tal-Brażil, issospenda l-użu tagħha mit-13 ta' Frar 2016;

P.  billi fost l-4 783 każ rappurtat ta' mikroċefalija minn Ottubru 2015, instab li aktar minn 700 minnhom fil-fatt mhumiex mikroċefalija;

Q.  billi fost 404 trabi b'mikroċefalija kkonfermata, 17 biss instabu li għandhom il-virus taż-Żika;

R.  billi t-tifqigħa tal-virus taż-Żika ilha realtà fit-Territorji Extra-Ewropej mill-2013;

S.  billi jeżisti riskju ta' trażmissjoni minn vettur lokali fl-Ewropa matul l-istaġun tas-sajf tal-2016;

T.  billi attwalment ma jeżistu l-ebda trattament jew tilqima speċifiċi, iżda billi l-kumpanija Indjana Bharat Biotech fit-3 ta' Frar 2016 ħabbret li kienet qed tiżviluppa żewġ tilqimiet kandidati, li waħda minnhom hi tilqima rikombinanti waqt li l-oħra hi tilqima inattivata li laħqet l-istadju tal-ittestjar prekliniku fl-annimali;

U.  billi kien hemm għadd żgħir ta' rapporti ta' trażmissjoni sesswali tal-virus taż-Żika;

V.  billi kien hemm ukoll rapporti ta' trażmissjoni tal-virus taż-Żika marbuta ma' trasfużjonijiet tad-demm;

W.  billi teżisti theddida reali ta' trażmissjoni transkonfinali tal-infezzjoni bil-virus taż-Żika kkawżata mill-vjaġġaturi infettati u l-kummerċ globali;

1.  Jirrikonoxxi li l-virus taż-Żika fil-parti l-kbira jiġi trażmess fil-bniedem bil-gidma ta' nemusa mill-ġeneru Aedes li tkun infettata, prinċipalment l-Aedes aegypti f'reġjuni tropikali, u li din hija l-istess nemusa li tittrażmetti d-dengue, iċ-Chikungunya u d-deni l-isfar;

2.  Jinnota li skont il-valutazzjoni tal-ECDC, peress li la jeżisti trattament u lanqas tilqima, u minħabba li n-nemus li jxerred il-virus taż-Żika jigdem kemm ġewwa kif ukoll barra, fil-parti l-kbira matul il-jum, il-prevenzjoni bħalissa hija bbażata fuq miżuri ta' protezzjoni personali, bħal pereżempju l-ilbies ta' flokkijiet bil-komma twila u qliezet twal, trattati bil-permethrin (speċjalment fil-ħinijiet meta t-tip ta' nemusa li jġorr il-virus taż-Żika huwa l-aktar attiv) u l-mistrieħ jew l-irqad fi kmamar bi skrins jew bl-arja kundizzjonata, jew inkella billi jintuża filoxx tan-nemus;

3.  Jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti pjanijiet ta' komunikazzjoni fuq l-aktar skala xierqa bl-għan li titqajjem kuxjenza fost il-popolazzjoni u tkun promossa mġiba xierqa sabiex jiġi evitat il-gdim tan-nemus;

4.  Jilqa' l-monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni min-naħa tal-ECDC; jistieden lill-ECDC biex jaġġorna regolarment il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-aġġornamenti epidemjoloġiċi tiegħu; huwa tal-fehma li l-ECDC għandu jistabbilixxi kumitat ta' esperti tal-mard tropikali jittieħed bl-għan li jiġu kkoordinati u monitorjati b'mod effiċjenti l-miżuri kollha li jridu jiġu implimentati fl-UE;

5.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timmobilizza EUR 10 miljun għar-riċerka dwar il-virus taż-Żika u jirrakkomanda l-iffukar fuq każijiet ta' malformazzjonijiet konġenitali gravi tal-moħħ fl-Amerika Latina u r-rabta li hu suspettat li għandhom mal-infezzjonijiet bil-virus taż-Żika; jiddubita, madankollu, jekk dan l-ammont hux proporzjonat mal-isfida xjentifika estensiva għal għajnuna biex tiġi mifhuma l-marda tal-virus taż-Żika u l-kumplikazzjonijiet newroloġiċi tagħha u biex jiġu żviluppati testijiet dijanjostiċi u trattament għall-marda;

6.  Jinnota li l-virus taż-Żika kien reġistrat fi 28 pajjiż u għandu konsegwenzi serji fuq il-ħajja, b'mod partikulari għal nisa żgħażagħ u fqar, li maġġoranza kbira tagħhom jgħixu fir-reġjuni l-anqas żviluppati ta' dawn il-pajjiżi; Jenfasizza, minħabba l-probabbiltà li l-marda tkompli tixtered, li l-lezzjonijiet tal-kriżi tal-Ebola tas-sena l-oħra jeħtieġ jitpoġġew fil-prattika b'mod urġenti mill-komunità internazzjonali;

7.  Jenfasizza li r-riċerka għandha tiffoka primarjament fuq miżuri preventivi biex jiġi evitat it-tixrid tal-virus, u fuq it-trattamenti; jitlob li riċerka dwar iż-Żika tkun mifruxa fuq tliet fergħat: tiġi investigata r-rabta suspettata ħafna bejn il-virus taż-Żika u l-malformazzjonijiet konġenitali tal-moħħ, jiġu żviluppati trattamenti u tilqim u jiġu żviluppati testijiet għal dijanjożi rapida u effettiva;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar riċerka dwar ir-rabta possibbli bejn il-mikroċefalija u l-larviċida pyriproxyfen, minħabba l-fatt li ma teżistix evidenza xjentifika li telimina din ir-rabta;

9.  Jenfasizza li r-riċerka m'għandhiex tinjora kawżi oħra possibbli u kumplimentari tal-mikroċefalija;

10.  Jenfasizza l-possibilitajiet ta' finanzjament ulterjuri disponibbli taħt Orizzont 2020 u l-FP7 għar-riċerka dwar l-iżvilupp ta' tilqim kontra l-malarja u mard infettiv traskurat, li jinkludi l-virus taż-Żika;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jekk flus pubbliċi tal-UE jintefqu fuq ir-riċerka, ir-riżultati ta' din ir-riċerka jkunu ħielsa mid-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u li jkun żgurat li l-prodotti żviluppati b'dan il-mod ikollhom prezz li jintlaħaq mill-pazjenti;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri speċifiċi għal reġjuni Ewropej fejn il-virus taż-Żika diġà infirex, sabiex telimina kwalunkwe vettur possibbli ta' trażmissjoni f'dawk ir-reġjuni, biex jiġu appoġġati l-persuni diġà infettati, speċjalment in-nisa tqal, u sabiex tiġi evitata trażmissjoni akbar f'dawk ir-reġjuni u fil-bqija tal-kontinent Ewropew;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq pjan ta' azzjoni għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-virus fl-Ewropa u tgħin lill-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra din l-epidemija fir-reġjuni l-aktar milquta (l-aktar fil-Karibew u fl-Amerika Ċentrali u t'Isfel); iqis li pjan bħal dan għandu jinkludi distribuzzjoni b'xejn immirata u suffiċjenti ta' barrieri mekkaniċi bħall-filoxx (biex jiġi evitat il-gdim tan-nemus) u l-kondoms (biex tiġi evitata t-trażmissjoni sesswali); Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa Protokoll dwar il-Ġestjoni mmirat lejn iċ-ċittadini li jista' jkun li jinsabu f'riskju li jġorru l-infezzjoni tal-virus taż-Żika minħabba l-kuntest epidemjoloġiku tagħhom, bl-għan li permezz tas-sejbien bikri titkisser il-katina ta' trażmissjoni sesswali u mid-demm;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ sensittiv għall-kwistjonijiet tas-sessi meta jiġi diskuss il-finanzjament u jsiru l-estimi tal-ħtiġijiet tal-laboratorji, minħabba l-kumplessità tal-ittestjar u l-iżvilupp ta' tilqimiet sikuri, effettivi, bi prezz li jintlaħaq u li jistgħu jingħataw għan-nisa tqal, li sikwit jiġu esklużi mit-testijiet kliniċi tal-bidu; iħeġġeġ lid-donaturi finanzjarji biex jibqgħu realistiċi dwar l-ispejjeż mistennija tal-iżvilupp ta' dawn it-tilqimiet, fosthom meta jallokaw il-finanzjament għar-riċerka tal-UE, u biex ipoġġu s-sigurtà tal-bniet u tan-nisa fuq quddiem;

15.  Jindika l-fatt li l-virus taż-Żika wera n-nuqqasijiet fir-rispons tas-sistemi tas-saħħa pubblika, speċjalment fil-livell tal-kura primarja, u fil-forniment ta' servizzi tas-saħħa riproduttiva u drittijiet tan-nisa u l-bniet fil-pajjiżi milquta, b'mod partikolari rigward l-informazzjoni u l-kura matul u wara t-tqala, u rigward il-prevenzjoni u t-terminazzjoni tat-tqala, filwaqt li l-uffiċjali tal-gvern f'dawn il-pajjiżi taw parir lin-nisa biex jipposponu t-tqala sakemm ikun hemm aktar għarfien dwar il-virus taż-Żika;

16.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tal-laboratorji li jikkonfermaw infezzjonijiet suspettati bil-virus taż-Żika fl-UE/ŻEE, sabiex dan jiġi differenzjat minn infezzjonijiet arbovirali oħra (pereżempju d-dengue u ċ-chikungunya); jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkoordinaw ir-riċerka bejn il-laboratorji li jwettqu r-riċerka dwar il-virus taż-Żika, u biex jippromwovu l-istabbiliment ta' dawn il-laboratorji fl-Istati Membri fejn dawn s'issa ma jeżistux;

17.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipproponu strateġiji biex jgħinu lil minn jagħmel it-tilqim, iċ-ċentri ta' kontroll u ta' prevenzjoni tal-mard, u aġenziji tas-saħħa pubblika u fornituri tas-saħħa oħra nazzjonali u tal-istat biex jippromwovu skambju tad-data u l-analitika;

18.  Jenfasizza l-importanza li jiżdied il-qawmien ta' kuxjenza fost l-ostetriċi, il-pedjatri u n-newrologi li l-infezzjonijiet tal-virus taż-Żika għandhom ikunu investigati għal pazjenti li jkunu vvjaġġaw lejn il-Brażil u pajjiżi oħra milquta sa mill-2014 u pazjenti b'malformazzjoni tas-sistema nervuża ċentrali, mikroċefalija u sindrome ta' Guillain-Barré;

19.  Jistieden lill-UE tappoġġa lill-pajjiżi milquta biex jinkiseb aċċess universali għall-kura tas-saħħa primarja, inkluża l-kura qabel u wara t-twelid u l-ittestjar dijanjostiku għall-virus taż-Żika, u jistieden lill-UE tappoġġa lill-gvernijiet tal-pajjiżi milquta biex jipprovdu pakkett ta' informazzjoni u kura tas-saħħa komprensivi rigward is-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi l-possibilitajiet tal-ippjanar tal-familja, b'enfasi fuq l-aċċess għal firxa ta' metodi ta' kontraċezzjoni b'livell għoli ta' kwalità għan-nisa u t-tfajliet adolexxenti kollha, u aċċess għal abort sikur sabiex tiġi miġġielda ż-żieda fl-għadd ta' aborti perikolużi minn mindu bdiet l-epidemija, u f'dan il-kuntest, biex jinbeda d-djalogu meħtieġa dwar il-kontraċezzjoni u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet mal-pajjiżi sħab;

20.  Jindika li, s'issa (fl-10 ta' Frar 2016), 25 pajjiż tal-UE/taż-ŻEE, l-Istati Uniti u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard taw il-parir lin-nisa tqal u lil dawk li qed jipprovaw jinqabdu tqal li jipposponu l-ivvjaġġar lejn żoni milquta miż-Żika;

21.  Peress li bħalissa ma teżisti ebda profilassi, trattament jew tilqima kontra l-infezzjoni bil-virus taż-Żika, u minħabba r-riskju li tiġi stabbilita trażmissjoni minn vettur lokali fl-Ewropa matul l-istaġun tas-sajf 2016, jitlob lill-Kummissjoni twettaq analiżi immedjata tal-insettiċidi f'termini tas-saħħa tal-bniedem u l-effikaċja tagħhom kontra n-nemus vettur tal-infezzjoni; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tikkoordina sett ta' linji gwida ta' prevenzjoni biex jiġi implimentat mill-awtoritajiet nazzjonali dan is-sajf;

22.  Jirrikonoxxi li ġie ppubblikat algoritmu ta' ttestjar għan-nisa tqal li jirritornaw minn żoni fejn il-virus taż-Żika għadu qed jiġi trażmess; jindika, madankollu, li problema li għadha ma ġietx indirizzata mill-awtoritajiet tas-saħħa hi s-sejba imtawla tal-virus taż-Żika fis-semen u t-trażmissjoni dokumentata tal-virus taż-Żika permezz tal-konġunġiment karnali, li jista' jkollhom implikazzjonijiet għall-vjaġġaturi rġiel li jirritornaw minn reġjuni fejn it-trażmissjoni għadha għaddejja; jemmen li, meta wieħed iqis li l-infezzjonijiet asintomatiċi huma frekwenti, il-vjaġġaturi rġiel għandhom jingħataw il-parir li jużaw il-kondoms wara li jirritornaw minn reġjuni fejn it-trażmissjoni għadha għaddejja, sakemm issir disponibbli data konklużiva dwar is-sinifikat ta' dan il-mezz ta' trażmissjoni;

23.  Wara r-rakkomandazzjonijiet tal-WHO dwar il-prevenzjoni fil-pajjiżi Ewropej, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex itejbu b'mod sinifikanti l-monitoraġġ ta' speċijiet ta' nemus invażiv u jżidu l-kontroll tan-nemus billi jeliminaw siti tat-tgħammir (bħall-pools) u jippjanaw li jbixxu l-insettiċida f'każ ta' tifqigħat, u biex itejbu r-rati ta' diżinfezzjoni tal-merkanzija, tat-trasportaturi tal-merkanzija u tal-kompartimenti tal-kabini u tal-passiġġieri ta' ajruplani minn pajjiżi infettati;

24.  Jistieden lill-UE u lill-ambaxxati tal-Istati Membri jipprovdu informazzjoni u appoġġ liċ-ċittadini tal-UE li jgħixu u jivvjaġġaw fiż-żoni milquta;

25.  Jistieden lill-kumpaniji tal-ajru tal-UE u ta' pajjiżi terzi sabiex jiddiżinfettaw debitament u kif suppost l-inġenji tal-ajru li jkunu ġejjin minn żoni milquta;

26  Jistieden lill-UE biex tikkonsulta l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi (gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali) b'kompetenza fil-monitoraġġ, qawmien ta' kuxjenza, prevenzjoni u/jew il-ġlieda kontra n-nemusa tal-ġeneru Aedes — bħalma huma l-Gvern Reġjonali ta' Madeira, u l-Kunsill Muniċipali ta' Funchal, li għandhom aktar minn 10 snin esperjenza fl-indirizzar ta' din il-kwistjoni, u r-reġjuni ultraperiferiċi u t-territorji extra-Ewropej Franċiżi, li għandhom snin twal ta' għarfien espert f'mard emerġenti trażmess minn vettur u b'mod speċifiku il-virus taż-Żika — sabiex tibni l-istrateġija tagħha kontra l-virus taż-Żika;

27.  Jindika l-ħtieġa għal approċċ ikkoordinat fil-livell tal-UE u fil-livell internazzjonali fil-ġlieda kontra din it-tifqigħa; jilqa', f'dan il-kuntest, it-tnedija tal-Korp Mediku Ewropew u jqis li huwa rilevanti biex jgħin fil-mobilizzazzjoni tat-timijiet u mediċi u tas-saħħa pubblika u t-tagħmir għall-ġlieda kontra l-virus taż-Żika jekk ikun meħtieġ; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tressaq b'mod urġenti strateġija orizzontali tal-UE dwar is-saħħa globali mmirati għall-kisba tal-qafas tal-iżvilupp sostenibbli l-ġdid u l-miri tiegħu;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'kollaborazzjoni ma' sħab oħrajn, biex timmonitorja t-tixrid tal-virus taż-Żika anki f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex tintegra risponsi adegwati f'termini tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tas-saħħa, it-taħriġ tal-persunal tas-saħħa, is-sorveljanza epidemjoloġika, l-edukazzjoni komunitarja u l-mobilizzazzjoni u l-kontroll tal-popolazzjonijiet tan-nemus, fi programmi eżistenti għall-iżvilupp, b'koperazzjoni mal-pajjiżi milquta;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li kwalunkwe proposta tkun ibbażata fuq firxa wiesgħa ta' studji epidemjoloġiċi li jkopri mhux biss l-effetti tal-virus taż-Żika iżda wkoll kawżi oħra ta' dawn l-effetti;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kuxjenza tal-professjonisti mediċi u tal-kliniki tas-saħħa tal-ivvjaġġar dwar l-evoluzzjoni tal-epidemija tal-virus taż-Żika u l-kontroll tal-vettur previst mill-awtoritajiet f'inħawi milquta, biex dawn ikunu jistgħu jinkludu l-infezzjoni bil-virus taż-Żika fid-dijanjożi ddifferenzjata tagħhom għar-residenti u għall-vjaġġaturi minn dawk iż-żoni u jħejju għall-possibilità ta' kwarantina tal-vjaġġaturi li jkun issuspettat li għandhom il-virus taż-Żika, għall-prevenzjoni ta' trażmissjoni awtoktona; Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa jorganizzaw kampanja ta' informazzjoni kkoordinata mill-ECDC bl-għan li jinformaw u jserrħu l-imħuħ taċ-ċittadini Ewropej u jevita biża' bla bżonn;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-viġilanza fir-rigward tas-sejbien bikri ta' każijiet importati ta' infezzjoni tal-virus taż-Żika fl-UE, inklużi l-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej u r-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE, b'mod partikolari fejn huma preżenti vetturi jew vetturi potenzjali, sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni awtoktona; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li jeżisti riskju ta' importazzjoni tal-virus taż-Żika - minkejja li probabbilment dan ir-riskju hu żgħir u ristrett skont l-istaġun - lejn reġjuni bi klima moderati infestati bin-nemusa Aedes (inklużi reġjuni tal-Amerika ta' Fuq u -Ewropa) bi trażmissjoni awtoktona konsekuttiva;

32.  Jenfasizza l-importanza ta' aċċess għal servizzi tas-saħħa wesgħin fil-ġlieda kontra l-marda tal-virus taż-Żika;

33.  Jappoġġa t-talbiet li saru min-Nazzjonijiet Uniti(3) għar-revoka ta' liġijiet u politiki li jirrestrinġu l-aċċess għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttiva b'kontravenzjoni tal-istandards internazzjonali, u jtenni r-rieda tiegħu li jiżgura li r-risponsi tas-saħħa pubblika jitwettqu f'konformità mad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tas-saħħa u tad-drittijiet relatati tas-saħħa;

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

 

(1)

ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104

(3)

http://www.un.org/apps/news/story.asp?NewsID=53173#.VswcHE32aUk

Avviż legali