Proċedura : 2015/3031(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0465/2016

Testi mressqa :

B8-0465/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/04/2016 - 11.13
CRE 13/04/2016 - 11.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 414kWORD 72k
11.4.2016
PE579.889v01-00
 
B8-0465/2016

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja (2015/3031(RSP))


Syed Kamall, Ryszard Antoni Legutko, Anna Elżbieta Fotyga, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Karol Karski, Jadwiga Wiśniewska, Sławomir Kłosowski, Edward Czesak, Janusz Wojciechowski, Stanisław Ożóg, Zbigniew Kuźmiuk, Zdzisław Krasnodębski, Roberts Zīle, Czesław Hoc, Marek Jur f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja (2015/3031(RSP))  
B8-0465/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Pollakka, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 10, 190, 194, 195 u 197 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-25 ta' Ġunju 2015 u l-emendi sussegwenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mis-Sejm tar-Repubblika tal-Polonja fil-25 ta Novembru 2015 dwar in-nuqqas ta' forza ġuridika tar-riżoluzzjonijiet adottati mis-Sejm fit-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-elezzjoni tal-imħallfin tat-Tribunal Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tas-Sejm tar-Repubblika tal-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 833/2015 tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta' Venezja) dwar l-emendi għall-Att tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni CDL-STD(1997)020 tal-Kummissjoni ta' Venezja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern Pollakk attwali għandu l-aktar mandat demokratiku qawwi fl-istorja tal-pajjiż minn mindu waqa' l-Komuniżmu;

B.  billi l-emendi għall-Att dwar it-Tribunal Kostituzzjonali (TK) adottati mill-gvern preċedenti fil-25 ta' Ġunju 2015 ġew introdotti bil-għan li jimtlew ħames karigi ġudizzjarji li normalment kienu jsiru disponibbli biss wara l-elezzjonijiet demokratiċi tal-25 ta' Ottubru 2015, u b'hekk saret bidla tal-aħħar minuta fil-kompożizzjoni tat-Tribunal;

C.  billi skont l-Artikolu 21 tal-Att dwar it-TK tal-2015 kwalunkwe persuna eletta għall-pożizzjoni ta' mħallef tat-TK għandha tieħu ġurament quddiem il-President, peress li dan huwa obbligatorju biex dak li jkun isir imħallef kostituzzjonali;

D.  billi fid-19 ta' Novembru u fit-22 ta' Diċembru 2015, il-Parlament Pollakk emenda l-Att dwar it-TK tal-2015, u stabbilixxa regoli ta' proċedura għal rieżami kostituzzjonali skont l-Artikolu 197 tal-Kostituzzjoni Pollakka;

E.  billi l-preżunzjoni tal-kostituzzjonalità ta' statut ippubblikat kif xieraq huwa prinċipju kostituzzjonali bażiku meħtieġ biex jiġi żgurat l-istat tad-dritt meta tkun qed tiġi rieżaminata l-kostituzzjonalità ta' kull statut;

F.  billi huwa biss il-President tar-Repubblika tal-Polonja, bis-saħħa tal-Artikolu 122(3) tal-Kostituzzjoni Pollakka, li jista' jirreferi att legali għal rieżami kostituzzjonali qabel jidħol fis-seħħ;

G.  billi huwa indispensabbli li s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali jiġu adottati skont il-proċedura dovuta, peress li din hija kundizzjoni sine qua non biex riżoluzzjoni mill-imħallfin kostituzzjonali titqies bħala sentenza skont it-termini tal-Artikolu 190 tal-Kostituzzjoni Pollakka, u għalhekk suġġetta għall-pubblikazzjoni uffiċjali;

H.  billi l-Polonja talbet lill-Kummissjoni ta' Venezja teżamina d-dispożizzjonijiet tal-istatut il-ġdid li jistabbilixxu r-regoli tal-ġudizzju mogħti mit-TK;

I.  billi l-Opinjoni Nru 833/2015 tal-Kummissjoni ta' Venezja tressqet quddiem is-Sejm tar-Repubblika tal-Polonja fil-11 ta' Marzu 2016;

1.  Jenfasizza li l-emendi għal-Att dwar it-TK adottati fil-25 ta' Ġunju 2015 u l-elezzjoni ta' ħames imħallfin fit-8 ta' Ottubru 2015 eżatt qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-25 ta' Ottubru 2015 huma għajn tal-kontroversja li għaddejja bħalissa fir-rigward tat-TK;

2.  Jenfasizza li l-Gvern preċedenti żgura lilu nnifsu maġġoranza kbira ħafna ta' sa 14 mill-15-il imħallef tat- TK, u b'hekk kiser il-prinċipju elementari tal-pluraliżmu tal-qrati u mar kontra r-rakkomandazzjonijiet tal-1997 tal-Kummissjoni ta' Venezja, li ddikjaraw li "Partit fil-gvern m'għandux ikun f'pożizzjoni li jkollu l-imħallfin kollha maħtura skont il-preferenza tiegħu";

3.  Jenfasizza li r-revoka ta' dawn il-ħatriet mill-Parlament il-ġdid twettqet fil-kuntest tal-proċedura ordinarja ta' awtokorrezzjoni, u jenfasizza li ma hemm l-ebda raġuni biex Parlament li għadu kif ġie elett jiġi mċaħħad mid-dritt li jiddeċiedi fuq il-korrettezza tad-deċiżjoni preċedenti tiegħu matul l-istess proċedura;

4.  Jirrimarka li l-emendi għall-Att dwar it-TK tal-2015 li ddaħħlu mill-gvern tal-Liġi u l-Ġustizzja għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-proċedimenti għal rieżami kostituzzjonali konkret u li jkun hemm dispożizzjoni għal regoli iktar trasparenti għar-rieżami kostituzzjonali astratt u politiku, filwaqt li jillimitaw ukoll is-setgħa diskrezzjonali mingħajr limitu tal-President tat-TK f'dan ir-rigward;

5.  Jenfasizza li r-riżoluzzjoni tat-TK tad-9 ta' Marzu 2016 tqieset u ġiet adottata minn bank ta' 12-il imħallef, minflok minimu ta' 13, , u dan jikkostitwixxi ksur apparenti tal-proċedura skont id-dritt Pollakk u jmur kontra l-Artikolu 197 tal-Kostituzzjoni, li skontu t-TK huwa obbligat isegwi r-regoli ta' proċedura statutorji tiegħu; jenfasizza, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 7 tal-Kostituzzjoni, il-gvern huwa marbut bil-prinċipju ta' legalità u m'għandu jippubblika l-ebda riżoluzzjoni adottata bi ksur apparenti tal-proċedura preskritta;

6.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-iSpeaker tas-Sejm tar-Repubblika tal-Polonja li jaħtar grupp ta' esperti, miftuħ għal rappreżentanti tal-partiti parlamentari kollha, li jkollu l-kompitu li jfassal rakkomandazzjonijiet għall-ħidma parlamentari futura u li japplika, sa fejn hu l-aktar possibbli, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja lill-qasam sistemiku in kwistjoni, filwaqt li jsostni l-konvinzjoni li l-ħidma tat-TK għandha tkun trasparenti kemm jista' jkun, u li l-aċċess għal din il-Qorti għandu jkun wiesgħa kemm jista' jkun;

7.  Jenfasizza li l-President tal-Kummissjoni ta' Venezja għamilha ċara fir-rimarki tiegħu li r-riforma tat-Tribunal Kostituzzjonali hija kwistjoni Pollakka interna u għandha tiġi ttrattata mill-awtoritajiet nazzjonali relevanti; jenfasizza li approċċ bħal dan huwa konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà minqux fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

8.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-kwistjoni tista' biss tiġi solvuta kif suppost jekk il-parteċipanti kollha fix-xena politika Pollakka jaġixxu b'mod responsabbli u jilħqu kompromess;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt.

 

Avviż legali