Proċedura : 2016/2575(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0487/2016

Testi mressqa :

B8-0487/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0142

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 498kWORD 86k
20.4.2016
PE579.916v01-00
 
B8-0487/2016

imressqa skont l-Artikolu 216(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar is-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal madwar l-UE abbażi ta' petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew (2016/2575(RSP))


Cecilia Wikström f'isem il-Kumitat għall-Petizzjonijiet

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-salvagwardja tal-aħjar interessi tat-tfal madwar l-UE abbażi ta' petizzjonijiet indirizzati lill-Parlament Ewropew (2016/2575(RSP))  
B8-0487/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 20 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li jenfasizzaw l-obbligu tal-gvernijiet li jipproteġu l-identità tat-tfal, inklużi r-relazzjonijiet familjari tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal-1963, b'mod partikolari l-Artikolu 37(b) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja tad-29 ta' Mejju 1993 dwar il-Protezzjoni tal-Ulied u l-Kooperazzjoni f'Adozzjonijiet bejn Pajjiż u ieħor,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta' Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (Brussell IIa)(1),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2011)0060),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida mfassla fid-dokument ta' riflessjoni għad-disa' Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-immappjar tas-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal imwettaq mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-għadd kbir ta' petizzjonijiet dwar il-prattiki tal-awtoritajiet tresponsabbli mill-benessri tat-tfal u dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, il-kustodja tat-tfal, il-ħtif tat-tfal u l-indukrar tat-tfal li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva matul is-snin minn diversi Stati Membri tal-UE, u r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti dwar żjarat għall-ġbir ta' informazzjoni fil-Ġermanja (23-24 ta' Novembru 2011)(Jugendamt), fid-Danimarka (20-21 ta' Ġunju 2013)(servizzi soċjali) u fir-Renju Unit (5-6 ta' Novembru 2015)(adozzjonijiet mhux konsenswali),

–  wara li kkunsidra r-rwol u l-attivitajiet tal-Medjatur tal-Parlament Ewropew għall-Ħtif Internazzjonali tat-Tfal mill-Ġenituri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 216(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu l-ewwel prijorità fid-deċiżjonijiet kollha relatati ma' kwistjonijiet marbuta mal-indukrar tat-tfal fil-livelli kollha;

B.  billi l-UE tista' tadotta miżuri li jikkonċernaw il-liġi tal-familja b'implikazzjonijiet transkonfinali (l-Artikolu 81(3) tat-TFUE), inkluż fil-qasam tal-adozzjoni;

C.  billi ż-żieda fil-mobilità ġewwa l-UE wasslet għal għadd dejjem ikbar ta' kwistjonijiet transkonfinali ta' protezzjoni tat-tfal li jinvolvu t-tneħħija tal-kustodja;

D.  billi l-kwistjonijiet relatati mal-kustodja tat-tfal għandhom impatt sinifikanti fuq ħajjet kull individwu involut u fuq is-soċjetà kollha kemm hi, u billi r-Regolament Brussell IIa mhuwiex mingħajr lakuni, u r-reviżjoni imminenti tiegħu hija opportunità tajba biex jissaħħu d-dispożizzjonijiet tiegħu;

E.  billi l-eżerċizzju ta' dritt fundamentali bħal-libertà ta' moviment u ta' residenza m'għandux jinvolvi theddida ikbar għad-dritt tat-tfal għall-ħajja tal-familja;

F.  billi t-tfal li l-ġenituri tagħhom ikunu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu għandhom id-dritt li jżommu, fuq bażi regolari, relazzjoni personali u kuntatt dirett mal-ġenituri tagħhom sakemm dan ma jmurx kontra l-interessi tat-tfal, b'konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

1.  Ifakkar li l-għadd kbir ta' petizzjonijiet li waslu dwar każijiet li jikkonċernaw it-tfal jindika li hemm problema kbira bl-implimentazzjoni tar-Regolament Brussell IIa;

2.  Iqis li s-sistemi kollha ta' protezzjoni tat-tfal għandu jkollhom fis-seħħ mekkaniżmi transnazzjonali u transkonfinali li jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-kunflitti transkonfinali;

Il-protezzjoni tat-tfal u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-UE

3.  Jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni (bi statistika soċjoekonomika rilevanti u diżaggregata skont in-nazzjonalità) fi ħdan qafas ta' koordinazzjoni għall-każijiet transkonfinali li jinvolvu t-tfal; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkoordina t-trasferiment ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri;

4.  Jitlob lill-Kunsill jirrapporta dwar l-azzjonijiet speċifiċi li qed jiġu implimentati mill-Istati Membri bl-għan li jinħolqu sinerġiji bejn it-28 sistema nazzjonali ta' protezzjoni tat-tfal;

5.  Jitlob definizzjoni ċara ta' "residenza abitwali" fir-reviżjoni tar-Regolament Brussell IIa;

6.  Jenfasizza l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali, stabbilit fir-Regolament Brussell IIa, li jirrikonoxxu u jinfurzaw sentenzi mogħtija fi Stat Membru ieħor f'każijiet li jikkonċernaw it-tfal; jitlob lill-Istati Membri jżidu u jtejbu l-kooperazzjoni tal-ġudikaturi tagħhom f'każijiet li jinvolvu t-tfal;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkofinanzjaw u jippromwovu l-istabbiliment ta' pjattaforma li tipprovdi assistenza lil ċittadini ta' pajjiżi terzi fi proċedimenti familjari, u ta' linja telefonika Ewropea unika għall-għajnuna għal każijiet ta' ħtif jew abbuż tat-tfal, kif ukoll konsulenza dwar proċedimenti ta' indukrar u adozzjoni;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi gwida ċara u faċilment aċċessibbli b'informazzjoni prattika għaċ-ċittadini tal-UE rigward l-arranġamenti istituzzjonali dwar il-protezzjoni tat-tfal, b'attenzjoni partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-adozzjoni jew it-tqegħid tat-tfal mingħajr il-kunsens tal-ġenituri u mad-drittijiet tal-ġenituri fi Stati Membri differenti;

Ir-rwol tas-servizzi soċjali fil-protezzjoni tat-tfal

9.  Jitlob lill-Istati Membri jieħdu approċċ preventiv u jiżguraw politiki xierqa u b'riżorsi tajbin biex kemm jista' jkun jevitaw li jitnedew proċedimenti ta' indukrar, fejn dan ikun possibbli, bl-introduzzjoni ta' proċeduri ta' twissija bikrija u mekkaniżmi ta' sorveljanza, u jipprovdu appoġġ adegwat lill-familji, li jirrappreżentaw is-sors ewlieni tal-indukrar, partikolarment fi ħdan komunitajiet vulnerabbli fejn l-esklużjoni soċjali hija riskju;

10.  Jenfasizza li valutazzjoni tajba ta' każijiet individwali fi kwistjonijiet relatati mal-familja m'għandhiex tkun imxekkla bi tnaqqis baġitarju b'riżultat ta' miżuri ta' awsterità, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-kwalità tas-servizzi soċjali;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ speċjalizzat u edukazzjoni lill-ħaddiema soċjali u lill-professjonisti l-oħra kollha li jittrattaw każijiet transkonfinali li jinvolvu t-tfal;

12.  Jitlob lill-awtoritajiet rilevanti ta' Stat Membru li jkun biħsiebu jibgħat ħaddiema soċjali biex jinvestigaw każ għall-adozzjoni jew it-tqegħid tat-tfal fi Stat Membru ieħor biex jinformaw lill-awtoritajiet ta' dak l-Istat Membru li tkun se ssir tali investigazzjoni;

Proċedimenti ġudizzjarji relatati mal-indukrar tat-tfal

13.  Jistieden lill-Istati Membri jaħtru awli speċjalizzati fi ħdan il-qrati tal-familja jew korpi ta' medjazzjoni transkonfinali biex jittrattaw każijiet transkonfinali relatati mat-tfal; jenfasizza li l-monitoraġġ xieraq tas-sitwazzjoni ta' wara sentenza huwa ta' importanza fundamentali, inkluż fir-rigward tal-kuntatt mal-ġenituri;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw sistematikament id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Vjenna tal-1963, u jiżguraw li l-ambaxxati jew ir-rappreżentanzi konsulari jkunu infurmati mill-bidu nett dwar il-proċedimenti kollha dwar l-indukrar tat-tfal li jinvolvu ċ-ċittadini tagħhom, u li jkollhom aċċess sħiħ għad-dokumenti rilevanti; jissuġġerixxi li l-awtoritajiet konsulari għandhom jitħallew jattendu kull stadju tal-proċedimenti;

15.  Jitlob lill-Istati Membri jiggarantixxu drittijiet għal żjarat regolari lill-ġenituri, ħlief meta dan jista' jkun ta' ħsara għall-aħjar interessi tat-tfal, u jħallu lill-ġenituri jużaw l-ilsien matern tagħhom ma' wliedhom matul iż-żjarat;

16.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu lill-ġenituri, mill-bidu nett u f'kull stadju tal-proċedimenti relatati mat-tfal, b'informazzjoni ċara u kompluta dwar il-proċedimenti u dwar il-konsegwenzi possibbli tagħhom; jitlobhom jinfurmaw lill-ġenituri dwar ir-regoli dwar l-appoġġ u l-għajnuna legali, pereżempju billi jipprovdulhom lista ta' avukati speċjalizzati bilingwi u billi joffru faċilitajiet ta' interpretazzjoni, sabiex jiġu evitati każijiet fejn il-ġenituri jagħtu l-kunsens tagħhom mingħajr ma jifhmu bis-sħiħ l-implikazzjonijiet tal-impenji tagħhom; jirrakkomanda wkoll li jingħata appoġġ adegwat lill-ġenituri b'diffikultajiet ta' litteriżmu;

17.  Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti standards minimi dwar is-smigħ tat-tfal fi proċedimenti ċivili nazzjonali, b'konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

18.  Jirrakkomanda li s-smigħ tal-ġenituri u s-smigħ tat-tfal quddiem imħallef, espert jew assistent soċjali isiru b'mod separat, biex jiġi evitat li t-tfal ikunu influwenzati jew jisfaw vittmi ta' kunflitti ta' lealtà;

19.  Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti livelli ta' limitu għad-durata ta' kull stadju tal-proċedimenti transkonfinali dwar l-indukrar tat-tfal, sabiex il-membri tal-familja estiża tat-tfal ikollhom biżżejjed żmien biex jippreżentaw ruħhom u japplikaw biex jadottaw it-tfal, jew il-ġenituri jkunu jistgħu jindirizzaw il-problemi tagħhom u jipproponu alternattivi sostenibbli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali dwar l-adozzjoni; iqis li qabel ma tiġi ddeterminata kwalunkwe soluzzjoni permanenti, bħall-adozzjoni, għandha ssir valutazzjoni mill-ġdid xierqa tas-sitwazzjoni tal-familja bijoloġika;

20.  Jitlob lill-Istati Membri jagħtu żmien raġonevoli lill-ġenituri li jbatu mill-vizzju tal-alkoħol jew tad-droga sabiex ikollhom opportunità reali biex jirkupraw qabel ma l-qorti tieħu d-deċiżjoni finali dwar l-adozzjoni ta' wliedhom;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għar-rakkomandazzjonijiet li jaslu dwar il-medjazzjoni transkonfinali mill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew;

It-tqegħid tat-tfal u l-adozzjoni

22.  Jiddikjara li m'hemm l-ebda mekkaniżmu fi ħdan l-UE li jipprovdi għar-rikonoxximent awtomatiku ta' ordnijiet ta' adozzjoni domestika maħruġa fi Stati Membri oħrajn; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jirregolaw ir-rikonoxximent ta' adozzjoni domestika, filwaqt li jqisu l-aħjar interessi tat-tfal u bir-rispett dovut għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni;

23.  Jitlob lill-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-istati mhux kontraenti biex jingħaqdu mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1993, peress li dan kieku jiggarantixxi li t-tfal kollha jibbenefikaw mill-istess standards u jgħin biex tiġi evitata sistema parallela b'inqas salvagwardji; jitlob lill-Istati Membri biex jevitaw burokrazija qawwija fl-ipproċessar tar-rikonoxximent ta' adozzjonijiet internazzjonali diġà rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor;

24.  Jenfasizza l-importanza li t-tfal fi kwalunkwe tip ta' arranġament ta' foster care jew adozzjoni jiġu offruti t-tqegħid bl-aħjar opportunitajiet biex jinżammu l-kuntatti mal-isfond kulturali tat-tfal u biex jitgħallmu u jużaw l-ilsien matern tagħhom; jitlob lill-awtoritajiet tal-Istati Membri involuti fi proċedimenti dwar l-indukrar tat-tfal biex jagħmlu l-isforzi kollha possibbli sabiex tiġi evitata s-separazzjoni tal-aħwa;

25.  Jitlob lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari u appoġġ lill-ġenituri, u b'mod partikolari lin-nisa, li jkunu sfaw vittmi ta' vjolenza domestika, bħala tfal jew adulti, sabiex ikun evitat li jkunu vittimizzati mill-ġdid bit-tneħħija awtomatika tal-kustodja ta' wliedhom;

Ħtif transkonfinali tat-tfal mill-ġenituri

26.  Jitlob lill-Kummissjoni tippubblika r-riżultati miksuba fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni transkonfinali f'każijiet ta' ħtif ta' tfal, li hija ddikjarat bħala prijorità fl-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

27.  Jitlob lill-Kunsill biex jirrapporta dwar ir-riżultati miksuba fl-istabbiliment ta' sistemi ta' allarm għall-ħtif tat-tfal b'implikazzjonijiet transkonfinali, u biex jikkonkludi l-ftehimiet ta' kooperazzjoni rilevanti li jittrattaw każijiet ta' ħtif transkonfinali abbażi tal-linji gwida tal-Kummissjoni;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 338, 23.12.2003, p. 1.

Avviż legali