MOZZJONI TA' ĊENSURA KONTRA L-KUMMISSJONI EWROPEA
PDF 496kWORD 78k
12.5.2016
PE582.639v01-00
 
B8-0621/2016

imressqa skont l-Artikolu 119 tar-Regoli ta' Proċedura


- (2016/1594(RSP))


Piernicola Pedicini, David Borrelli, Anja Hazekamp, Kateřina Konečná*, Sylvie Goddyn, Mireille D'Ornano, Isabella Adinolfi, Marco Affronte, Laura Agea, Daniela Aiuto, Marina Albiol Guzmán, Louis Aliot, Martina Anderson, Gerolf Annemans, Marie-Christine Arnautu, Nicolas Bay, Tiziana Beghin, Xabier Benito Ziluaga, Dominique Bilde, Mara Bizzotto, Mario Borghezio, Marie-Christine Boutonnet, Lynn Boylan, Steeve Briois, Gianluca Buonanno, Matt Carthy, Fabio Massimo Castaldo, Nikolaos Chountis*, Ignazio Corrao, Rosa D'Amato, Fabio De Masi*, Stefan Eck, Georgios Epitideios, Cornelia Ernst*, Eleonora Evi, Edouard Ferrand, Laura Ferrara, Luke Ming Flanagan, Lorenzo Fontana, Eleonora Forenza, Tania González Peñas*, Takis Hadjigeorgiou, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Jean-François Jalkh, Josu Juaristi Abaunz*, Janusz Korwin-Mikke, Stelios Kouloglou*, Merja Kyllönen, Marine Le Pen, Gilles Lebreton, Philippe Loiseau, Paloma López Bermejo*, Petr Mach, Curzio Maltese*, Dominique Martin, Jiří Maštálka*, Marisa Matias*, Georg Mayer, Jean-Luc Mélenchon*, Joëlle Mélin, Bernard Monot, Sophie Montel, Liadh Ní Riada, Franz Obermayr, Florian Philippot, Marcus Pretzell, Laurenţiu Rebega, Matteo Salvini, Jean-Luc Schaffhauser, Maria Lidia Senra Rodríguez, Barbara Spinelli*, Neoklis Sylikiotis*, Dario Tamburrano, Estefanía Torres Martínez, Mylène Troszczynski, Marco Valli, Harald Vilimsky, Marco Zanni, Marco Zullo, Lola Sánchez Caldentey, Rina Ronja Kari*, Bruno Gollnisch, Jean-Marie Le Pen

 

 

* Firem irtirati


Mozzjoni ta' ċensura kontra l-Kummissjoni Ewropea mill-Parlament Ewropew (2016/1594(RSP))  
B8-0621/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali(1),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2015 fil-Kawża T-521/14, L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni(2), li fiha r-Renju tal-Iżvezja, sostnut minn, inter alios, il-Parlament Ewropew, fetaħ proċedimenti kontra l-Kummissjoni talli naqset li tadotta atti delegati li jistabbilixxu kriterji xjentifiċi speċifiċi għad-determinazzjoni ta' proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 265 u 266 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17(8) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 234 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker ((2016)1416502) bid-data tat-22 ta' Marzu 2016, indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 119 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Regolament (UE) Nru 528/2012 hu bbażat fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u hu mmirat biex jiżgura li l-manifattura u t-tqegħid għad-disponibilità fis-suq ta' sustanzi attivi u prodotti bijoċidali ma jirriżultawx f'effetti ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew f'effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent;

B.  billi, skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kummissjoni kienet rikjesta li, sa mhux aktar tard mit-13 ta' Diċembru 2013, tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali ta' sustanzi attivi u prodotti bijoċidali;

C.  billi l-Kummissjoni ma adottatx l-atti delegati msemmija hawn fuq, la qabel u lanqas wara t-13 ta' Diċembru 2013;

D.  billi l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Diċembru 2015 li l-Kummissjoni kellha obbligu ċar, preċiż u mingħajr kundizzjonijiet li tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-kriterji xjentifiċi msemmija hawn fuq sa mhux aktar tard mit-13 ta' Diċembru 2013;

E.  billi l-Qorti Ġenerali rrifjutat argument legali speċifiku li ressqet il-Kummissjoni biex tiġġustifika n-nuqqas ta' azzjoni tagħha u, fil-paragrafu 74 tas-sentenza tagħha ddeċidiet mingħajr ekwivoċi li l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma tirrikjedi valutazzjoni tal-impatt tal-kriterji bbażati fuq riskji xjentifiċi;

F.  billi, waqt is-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni, irrappreżentata minn Vytenis Povilas Andriukaitis, Membru tal-Kummissjoni, ħabbret li valutazzjoni tal-impatt "taġixxi bħala għodda utli u anke essenzjali biex tiggwida d-deċiżjoni futura tagħha dwar il-kriterji" u, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tippreżenta "l-ewwel nett, regolament ta' implimentazzjoni li jinkludi l-kriterji li se jiġu applikati għas-sustanzi kimiċi li jaqgħu taħt ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti u taħt l-hekk imsejħa proċedura regolatorja bi skrutinju. It-tieni nett, att delegat li jinkludi l-kriterji applikabbli skont ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali";

G.  billi l-President Juncker ikkonferma, fl-ittra tiegħu tat-22 ta' Marzu 2016 lill-President tal-Parlament Ewropew imsemmija qabel, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li, inizjalment, titlob l-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju rigward il-valutazzjoni tal-impatt, għalkemm il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 ma tirrikjedi valutazzjoni tal-impatt tal-kriterji bbażati fuq ir-riskji xjentifiċi;

H.  billi dawk id-dikjarazzjonijiet huma konferma ta' ksur kontinwu, kostanti u ripetut tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 u tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta' Diċembru 2015;

I.  billi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 tat-TFUE jiddisponi li: "L-istituzzjoni, korp jew organu li l-att tiegħu ikun ġie iddikjarat null jew li n-nuqqas tiegħu li jaġixxi jkun ġie iddikjarat kuntrarju għat-Trattati għandu jkun marbut li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea";

J.  billi, għaldaqstant, tali nuqqas ta' konformità ripetut jirrappreżenta ksur ċar tat-Trattati;

1.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tikkonforma mal-obbligu tagħha li tadotta atti delegati kif rikjest mir-Regolament (UE) Nru 528/2012;

2.  Ifakkar li l-obbligu tal-Kummissjoni kien li tispeċifika l-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali ta' sustanzi attivi u prodotti bijoċidali, filwaqt li, skont il-Linji Gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015, ir-rwol tal-valutazzjonijiet tal-impatt hu li jiġbru evidenza biex jivvalutaw jekk l-azzjoni leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva tal-Unjoni fil-ġejjieni hix iġġustifikata u l-aħjar mod kif tista' tfassal azzjoni ta' dan it-tip biex jinkisbu l-objettivi politiċi mixtieqa;

3.  Jikkunsidra li hu inaċċettabbli li, anke wara l-kundanna mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni naqset milli tadotta l-atti delegati li jistabbilixxu l-kriterji xjentifiċi speċifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali ta' sustanzi attivi u prodotti bijoċidali;

4.  Jikkunsidra li l-alternattivi politiċi identifikati mill-valutazzjonijiet tal-impatt m'għandhom fl-ebda każ jiżvolġu rwol fl-identifikazzjoni tal-kriterji xjentifiċi dwar il-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali jew l-impatt ta' ċertu sustanzi fuq is-saħħa;

5.  Jikkundanna t-tentattivi foloz u banali tal-Kummissjoni biex iddewwem l-adozzjoni tal-atti delegati, fi ksur ta' dmirijietha skont it-Trattati, li ssubordinaw l-issodisfar ta' dawk id-dmirijiet għat-twettiq ta' valutazzjoni ta' impatt mhux rikjesta mil-leġiżlazzjoni, u li taw prijorità lill-miżuri ta' implimentazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament u l-Kunsill(3) dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti;

6.  Jevidenzja ksur ulterjuri tat-Trattati min-naħa tal-Kummissjoni, peress li l-Kummissjoni ma ħaditx il-miżuri kollha biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali;

7.  Jiċċensura l-Kummissjoni;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din il-mozzjoni ta' ċensura, kif ukoll biex jinnotifika r-riżultat tal-votazzjoni fis-seduta plenarja dwar din il-mozzjoni lill-President tal-Kunsill u lill-President tal-Kummissjoni.

 

(1)

ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta' Diċembru 2015, L-Iżvezja vs Il-Kummissjoni, T-521/14, ECLI:EU:T:2015:976.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

Avviż legali