Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0633/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0633/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI Ignazio Corrao, Laura Ferrara, Beatrix von Storch

23.5.2016 - (2016/2727(RSP))

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Ignazio Corrao, Laura Ferrara, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp EFDD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0623/2016

Proċedura : 2016/2727(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B8-0633/2016
Testi mressqa :
B8-0633/2016
Testi adottati :

B8-0633/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-flussi ta' data transatlantiċi

(2016/2727(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-qafas legali stabbilit mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 5, 6, 7, 10 u 21 tiegħu, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 1, 3, 6, 7, 8, 10, 11, 20, 21, 42, 47, 48 u 52 tagħha, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikoli 6, 8, 9, 10 u 13 tagħha, u l-ġurisprudenza tal-qrati Ewropej dwar is-sigurtà, il-privatezza u l-libertà tal-kelma,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data[1], (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)[3], kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI[4],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tas-26 ta' Lulju 2000 (id-Deċiżjoni dwar Port Salv),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-bini mill-ġdid tal-fiduċja fil-flussi tad-dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti (COM(2013)0846) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza mill-perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE (il-Komunikazzjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza) (COM(2013)0847),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner (EU:C:2015:650),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2015 dwar it-trasferiment ta' dejta personali mill-UE lejn l-Istati Uniti tal-Amerka skont id-Direttiva 95/46/KE wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-362/14 (Schrems) (COM(2015)0566),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Frar 2016 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-konsegwenzi tas-Sentenza Schrems,

–  wara li kkunsidra l-Att dwar ir-Rimedju Ġudizzjarju (Judicial Redress Act) tal-2015, li ġie ppromulgat mill-President Obama fl-24 ta' Frar 2016 (H.R.1428),

–  wara li kkunsidra l-Att dwar il-Libertà tal-Istati Uniti (USA Freedom Act) tal-2015[5],

–  wara li kkunsidra r-riformi tal-"US signals intelligence activities" stabbiliti fid-Direttiva 28 tal-Politika Presidenzjali (PPD-28)[6], il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tad-29 ta' Frar 2016 bit-titolu "Flussi ta' dejta transatlantiċi: Nirritornaw il-fiduċja permezz ta' salvagwardji qawwija" (COM(2016)0117),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 01/2016 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 tat-13 ta' April 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza UE-US,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi is-sentenza tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner,

B.  billi l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja enfasizzat dan li ġej fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-362/14:

i.  l-importanza tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, anke meta d-data tiġi ttrasferita barra mill-UE,

ii.  li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza ma kienx fiha biżżejjed sejbiet dwar il-limitazzjonijiet fir-rigward tal-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Uniti għal data trasferita skont dik id-deċiżjoni u dwar l-eżistenza ta' protezzjoni ġuridika effettiva kontra tali inġerenza,

iii.  li r-rekwiżiti tal-Istati Uniti għas-sigurtà nazzjonali, l-interess pubbliku u l-infurzar tal-liġi ngħataw prominenza fuq il-qafas tal-Isfera ta' Sikurezza, b'tali mod li l-kumpaniji tal-Istati Uniti huma marbuta li jinjoraw ir-regoli protettivi tal-Isfera ta' Sikurezza meta dawn ikunu f'kunflitt ma' dawk ir-rekwiżiti,

iv.  li aċċess ġeneralizzat għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi mill-awtoritajiet pubbliċi jikkomprometti d-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata,

v.  li l-eżistenza ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddetermina illi pajjiż terz jiżgura livell adegwat ta' protezzjoni ta' data personali trasferita ma tistax telimina jew tnaqqas is-setgħat tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali li jeżaminaw indipendentement jekk trasferimenti ta' data personali lil pajjiż terz jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data;

C.  billi, fin-nuqqas tad-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, il-kumpaniji li jittrasferixxu data mill-UE għall-Istati Uniti jaffaċċjaw inċertezza tad-dritt u l-possibbiltà ta' azzjonijiet ta' infurzar u konformità mill-Istati Membri iżda jistgħu jużaw għodod oħra biex jittrasferixxu data lejn l-Istati Uniti bħal klawżoli kuntrattwali standard (il-Kummissjoni tipprovdi mudelli ta' termini kuntrattwali għal kumpaniji li jkollhom x'jaqsmu ma' proċessuri tad-data internazzjonali) u regoli korporattivi vinkolanti (sett ta' regoli li jiddeskrivu l-politiki ta' kumpanija dwar it-trasferimenti internazzjonali ta' data personali fi ħdan l-istess grupp korporattiv);

D.  billi, filwaqt li l-ftehim dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US kien ġeneralment milqugħ minn rappreżentanti tal-komunità kummerċjali, għadu mhuwiex ċar jekk il-qafas il-ġdid se jipprovdi ċertezza tad-dritt dejjiema għan-negozji li jittrasferixxu data mill-EU lejn l-Istati Uniti;

1.  Jilqa' l-isforzi li saru mill-Kummissjoni u mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jinkiseb titjib sostanzjali fit-Tarka tal-Privatezza UE-US meta mqabbel mad-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, u jissottolinja l-importanza tal-kummerċ u l-kooperazzjoni transatlantiċi;

2.  Jenfasizza li relazzjoni b'saħħitha bejn l-UE u l-Istati Uniti tibqa' assolutament essenzjali għaż-żewġ sħab; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li jeħtieġ li tinstab soluzzjoni nnegozjata bejn l-Istati Uniti u l-UE fit-totalità tagħha, fir-rispett tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u d-dritt għall-privatezza;

3.  Jirrikonoxxi l-konsegwenzi tas-sentenza tal-QtĠ-UE C-362/14 u tar-regoli tal-UE dwar id-dritt li wieħed jintesa kif deskritt fil-qosor fis-sentenza tal-QtĠ-UE C-131/12 tat-13 ta' Mejju 2014 (Google Spain SL, Google Inc. vs AEPD) u fl-Artikolu 17 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), li se jidħol fis-seħħ fl-2018, li diġà qed jagħmlu ħsara ġuridika, ekonomika u kulturali sinifikantifi lir-relazzjonijiet bejn is-sħab kummerċjali tal-UE u l-Istati Uniti;

4.  Ifakkar li d-deċiżjoni dwar l-adegwatezza u l-annessi tagħha jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sentenza C-362/14 billi jimponu "obbligi qawwija fuq kumpanniji li jġestixxu data tal-Ewropej u infurzar robust", "salvagwardji ċari u obbligi ta' trasparenza fuq l-aċċess tal-Gvern tal-Istati Uniti", u "protezzjoni effikaċi tad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE b'diversi possibilitajiet ta' rimedju";

5.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet espressi mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 fl-Opinjoni 01/2016 tiegħu dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' adegwatezza dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US;

6.  Huwa mħasseb li l-arranġament dwar it-Tarka tal-Privatezza jista' ma jissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, u tas-sentenzi rilevanti kemm tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE kif ukoll tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni ma teċċedix is-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha billi tieħu deċiżjoni li l-arranġament dwar it-Tarka tal-Privatezza tipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni fl-Istati Uniti mingħajr ma twettaq valutazzjoni sħiħa tas-sistema tal-Istati Uniti u mingħajr ma tqis il-kwistjonijiet enfasizzati f'din ir-riżoluzzjoni;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi inkluża klawżola ta' estinzjoni ta' sentejn għall-validità tad-deċiżjoni ta' adegwatezza, u li jinbdew negozjati ġodda mal-Istati Uniti dwar qafas imtejjeb abbażi tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika.