Proċedura : 2016/2727(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0639/2016

Testi mressqa :

B8-0639/2016

Dibattiti :

PV 25/05/2016 - 18
CRE 25/05/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 26/05/2016 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0233

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 430kWORD 88k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0623/2016
23.5.2016
PE582.660v01-00
 
B8-0639/2016

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-flussi ta' data transatlantiċi (2016/2727(RSP))


Claude Moraes, Birgit Sippel, Emilian Pavel, Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-flussi ta' data transatlantiċi (2016/2727(RSP))  
B8-0639/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data")(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE(2) (minn hawn 'il quddiem "Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data"), li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Mejju 2016 u li sejjer japplika sentejn wara dik id-data,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem "il-Karta") u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta' Diċembru 2015 fil-kawża Roman Zakharov v ir-Russja,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-12 ta' Jannar 2016 fil-kawża Zsabó u Vissy v l-Ungerija,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems v Data Protection Commissioner,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Frar 2016 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mit-Tarka tal-Privatezza (Privacy Shield) UE-Stati Uniti, u l-annessi tagħha li jikkonsistu f'ittri mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti u mill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Frar 2016 dwar dan is-suġġett (COM(2016)0117), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-Funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza mill-Perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE (COM(2013)0847) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-Bini mill-Ġdid tal-Fiduċja fil-Flussi tad-Dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti (COM(2013)0846),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni (WP 238) adottata fit-13 ta' April 2016 mill-grupp ta' ħidma stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva, u l-opinjonijiet mogħtija preċedentement dwar l-istess kwistjoni (WP 12, WP 27 u WP 32),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu dwar il-proċedura ta' eżami;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2000 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Prinċipji tal-Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza (Safe Harbour) u l-Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs) maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(5), u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar isSegwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar is-sorveljanza elettronika tal-massa taċ-ċittadini tal-UE(6),

–  wara li kkunsidra l-ittra konġunta tas-16 ta' Marzu 2016 mill-organizzazzjonijiet għal-libertaijiet ċivili Amerikani u Ewropej lill-President tal-grupp ta' ħidma tal-Artikolu 29, lill-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u lill-Ambaxxatur u lir-Rappreżentant Permanenti tan-Netherlands għall-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-protezzjoni tad-data personali tfisser il-protezzjoni tal-individwi li tirrigwardahom l-informazzjoni li tkun qed tiġi pproċessata, u billi din il-protezzjoni hija waħda mid-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Unjoni (l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea);

B.  billi d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, li se tiġi ssostitwita bir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data sal-2018, tistabbilixxi drittijiet għas-suġġett tad-data u obbligi korrispondenti għal dawk li jipproċessaw id-data personali jew dawk li jeżerċitaw kontroll fuq tali pproċessar;

C.  billi l-Kummissjoni għandha l-obbligu tiżgura, f'isem iċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, li d-data tal-persunal tista' tiġi ttrasferita biss għal pajjiżi barra l-UE u ż-ŻEE fejn huwa garantit livell adegwat ta' protezzjoni;

D.  billi t-terminu "livell adegwat ta' protezzjoni" għandu jinftiehem li jirrikjedi li l-pajjiż terz jiżgura, minħabba d-dritt nazzjonali tiegħu jew l-impenji internazzjonali tiegħu, livell ta' protezzjoni ta' drittijiet u libertajiet fundamentali li huwa essenzjalment ekwivalenti għal dak garantit fi ħdan l-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data fid-dawl tal-Karta;

E.  billi, meta tkun qed teżamina l-livell ta' protezzjoni mogħtija minn pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tivvaluta l-kontenut tar-regoli applikabbli f'dak il-pajjiż li jirriżultaw mid-dritt nazzjonali jew mill-impenji internazzjonali tiegħu, kif ukoll il-prattika mfassla sabiex tiżgura konformità ma' dawk ir-regoli, peress li, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, jeħtiġilha tqis iċ-ċirkostanzi kollha madwar trasferiment tad-data personali lejn pajjiż terz;

F.  billi l-flussi transkonfinali ta' data bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa huma l-ogħla fid-dinja, u billi t-trasferiment u l-iskambju ta' data personali huwa element essenzjali li jirfed ir-rabtiet mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti f'attivitajiet kummerċjali u fis-settur tal-infurzar tal-liġi;

G.  billi, fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea invalidat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Prinċipji tal-Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza u l-Mistoqsijiet Frekwenti relatati maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti;

Introduzzjoni

1.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali, inkluż id-drittijiet għall-protezzjoni tad-data u għall-privatezza;

2.  Jenfasizza l-importanza tal-kummerċ u tal-kooperazzjoni transatlantiċi;

3.  Jissottolinja l-importanza taċ-ċertezza tad-dritt għas-soġġetti ta' data u għall-kontrolluri ta' data, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fl-Istati Uniti;

4.  Jilqa' l-isforzi li saru mill-Kummissjoni u mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti sabiex jiksbu titjib sostanzjali fit-Tarka tal-Privatezza meta mqabbla mad-deċiżjoni invalidata dwar l-Isfera ta' Sikurezza;

5.  Jilqa' l-oqsma fejn il-livell ta' protezzjoni ġie mtejjeb skont it-Tarka ta' Sikurezza, bħall-mekkaniżmu li jiżgura superviżjoni tat-Tarka ta' Sikurezza u r-rieżamijiet tal-konformità esterni jew interni li issa saru obbligatorji;

6.  Jilqa' s-salvagwardja fl-Artikolu 3 tal-abbozz tad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza, li permezz tagħha l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data Ewropej għadhom jistgħu jissospendu t-trasferimenti ta' data personali lil kontrolluri ta' data li jipparteċipaw fl-arranġament Tarka ta' Sikurezza, f'każijiet ta' ksur;

7.  Jinnota li, ladarba r-Regolament ikun applikat, il-kontrolluri ta' data tal-Istati Uniti se jkollhom jikkonformaw direttament mar-Regolament meta joffru servizzi fis-suq tal-UE jew meta jimmonitorjaw individwi fl-Unjoni;

8.  Jinnota li l-Istati Uniti ma għandhiex att orizzontali u komprensiv dwar il-protezzjoni tad-data tal-konsumatur, minkejja ċerti sforzi f'dawn l-aħħar snin;

Preokkupazzjonijiet

9.  Jinsab imħasseb li l-mekkaniżmu ta' rimedju għall-individwi skont it-Tarka ta' Privatezza hu kumpless wisq u ta' użu diffiċli, u għalhekk jagħmel lilu nnifsu ineffikaċi (ilment lill-kontrollur; soluzzjoni alternattiva għat-tilwim; ilment lid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti jew lill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti permezz ta' awtorità ta' superviżjoni Ewropea tal-protezzjoni tad-data (Bord Tarka ta' Privatezza, Qorti tal-Istati Uniti)); ifakkar li, skont id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993, soluzzjoni alternattiva għat-tilwim hija pprojbita għal-kuntratti konklużi minn konsumatur;

10.  Jirrimarka li l-unika sanzjoni għal kontrollur li jaġixxi bi ksur tal-Prinċipji tal-Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza hi t-tħassir mill-lista tat-Tarka ta' Sikurezza, li ma jistax jitqies bħala essenzjalment ekwivalenti għas-sanzjonijiet amministrattivi u pieni oħrajn previstiti mid-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, speċjalment skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

11.  Jirrimarka li la l-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, la d-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti u lanqas il-fornituri ta' soluzzjoni alternattiva għat-tilwim ma għandhom setgħat investigattivi simili għal dawk tal-awtoritajiet Ewropej tal-protezzjoni tad-data, li l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddikjarathom meħtieġa għas-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data skont id-dritt primarju tal-UE;

12.  Jinnota li l-Anness VI (ittra minn Robert S. Litt, Uffiċċju tad-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali ( (ODNI)) jikkjarifika li skont id-Direttiva ta' Politika Presidenzjali 28 (minn hawn 'il quddiem "PPD-28"), il-ġbir massiv ta' data u komunikazzjonijiet personali ta' persuni li mhumiex Amerikani għadu permess f'sitt każijiet; jirrimarka li tali ġbir massiv jeħtieġ biss li jkun "imfassal speċifikament kemm jista' jkun" u "raġonevoli", rekwiżit li ma jissodisfax il-kriterji aktar rigorużi ta' neċessità u proporzjonalità stabbiliti fil-Karta;

13.  Jilqa' l-ħatra ta' Ombudsman fid-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti bħala punt ta' kuntatt għall-awtoritajiet ta' superviżjoni tal-UE fir-rigward tas-sorveljanza mill-gvern; jinnota li l-Anness III (ittra mis-Segretarju tal-Istat John F. Kerry) jiddikjara li l-Ombudsman "la se jikkonferma u lanqas se jiċħad jekk l-individwu kienx fil-mira ta' sorveljenza" u lanqas sejjer "jikkonferma rimedju speċifiku" (paragrafu 4(e)); jinsab imħasseb ukoll li l-Ombudsman ma għandux is-setgħat suffiċjenti u l-indipendenza meħtieġa mill-eżekuttiv, peress li huwa jirrapporta lis-Segretarju tal-Istat;

14.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Istati Uniti tal-USA Freedom Act tal-2015, li jillimita s-sorveljanza tal-massa mill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti ġewwa l-Istati Uniti; jinsab imħasseb, madankollu, li s-sitwazzjoni ġuridika tas-sorveljanza tal-massa minn aġenziji tal-intelligence tal-Istati Uniti barra mill-Istati Uniti u ta' persuni mhux ċittadini tal-Istati Uniti ġewwa l-Istati Uniti, kif prevista fil-US Code (Titolu 50, §1881a ("Sezzjoni 702")), għadha ma nbidlitx;

15.  Jirrimarka li l-istatus ġuridiku tal-Prinċipji tat-Tarka ta' Sikurezza kif stabbiliti fl-Anness II, u l-garanziji u l-impenji mill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti kif stabbiliti fl-Annessi III-V, jibqgħu mhux ċari; jinsab imħasseb li dawn l-impenji u l-garanziji setgħu jiġu rtirati minn Amministrazzjoni futura tal-Istati Uniti mingħajr effett fuq il-validità tad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza;

16.  Jirrimarka li ma saret l-ebda valutazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet u l-protezzjonijiet ta' ċittadini tal-UE meta d-data personali tagħhom tiġi ttrasferita minn kontrollur tad-data tal-Istati Uniti permezz tat-Tarka tal-Privatezza lil awtorità tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti;

17.  Jinsab imħasseb li, fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq u tal-opinjonijiet adottati minn awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, akkademiċi u organizzazzjonijiet tal-protezzjoni tal-privatezza u tad-data, li jsostnu li l-arranġament dwar it-Tarka ta' Sikurezza attwali ma jissodisfax bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-Karta, tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data kif ukoll tas-sentenzi rilevanti sew tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u sew tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

Konklużjonijiet

18.  Jinsab imħasseb li l-arranġament Tarka ta' Sikurezza bħalissa, kif ukoll is-sitwazzjoni ġuridika fl-Istati Uniti ma jipprovdix titjib sostanzjali biżżejjed meta mqabbel mal-arranġament Sfera ta' Sikurezza, u għalhekk ma jiggarantixxux il-legalità tad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza;

19.  Jirrimarka li huwa probabbli ħafna li l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza, ladarba d-deċiżjoni tiġi adottata, jerġa' jiġi kkontestat quddiem il-Qorti; jenfasizza li dan joħloq sitwazzjoni ta' inċertezza tad-dritt għall-intrapriżi u għall-individwi; jinnota li esperti tal-protezzjoni tad-data u assoċjazzjonijiet tan-negozju diġà qegħdin jagħtu pariri lill-kumpaniji biex jużaw mezzi oħra ħalli jittrasferixxu data personali lejn l-Istati Uniti;

20.  Jitlob li l-Kummissjoni tqis kif xieraq l-Opinjoni 01/2016 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data rigward l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka ta' Sikurezza UE-Stati Uniti, u tinkorpora r-rakkomandazzjonijiet tagħhom b'mod sħiħ fl-abbozz tat-test;

21.  Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi klawsola ta' estinzjoni ta' sentejn għall-validità tad-deċiżjoni dwar l-adegwatezza, u tniedi negozjati ġodda mal-Istati Uniti dwar Qafas imtejjeb abbażi tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, sabiex tiżgura li l-livell ogħla ta' protezzjoni fl-UE jiġi inkorporat bis-sħiħ fl-istrument il-ġdid;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Istati Uniti u lill-Kungress tal-Istati Uniti.

(1)

ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(3)

ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(4)

ĠU C 121, 24.4.2001, p. 152.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2014)0230.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0388.

Avviż legali