Proċedura : 2016/2727(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0643/2016

Testi mressqa :

B8-0643/2016

Dibattiti :

PV 25/05/2016 - 18
CRE 25/05/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 26/05/2016 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0233

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 429kWORD 90k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0623/2016
23.5.2016
PE582.664v01-00
 
B8-0643/2016

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-flussi tad-data transatlantiċi (2016/2727(RSP))


Timothy Kirkhope, Helga Stevens, Daniel Dalton, Monica Macovei f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-flussi ta' data transatlantiċi (2016/2727(RSP))  
B8-0643/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Artikoli 6, 7, 8, 11, 16, 47 u 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(1) (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)(3), kif ukoll id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520/KE tas-26 ta' Lulju 2000 (id-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-bini mill-ġdid tal-fiduċja fil-flussi tad-dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti (COM(2013)0846),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza mill-perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE (il-komunikazzjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza) (COM(2013)0847),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner (EU:C:2015:650),

–  wara li kkunsidra l-Judicial Redress Act tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-USA Freedom Act tal-2015,

–  wara li kkunsidra r-riformi tal-Istati Uniti ta' attivitajiet ta' intelligence ta' sinjali stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Politika Presidenzjali Nru 28 (PPD-28),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 01/2016 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 tat-13 ta' April 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni dwar l-adegwatezza tat-Tarka tal-Privatezza bejn l-UE u l-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-dritt għall-privatezza u d-dritt għas-sigurtà huma t-tnejn li huma mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u billi ż-żewġ drittijiet għandhom jiġu rrispettati bi sħiħ u bbilanċjati b'mod indaqs;

B.  billi s-sigurtà nazzjonali hija kompetenza tal-Istat Membru, kif definita fit-TFUE;

C.  billi l-Istati Uniti hija sieħba essenzjali kemm għall-ekonomija kif ukoll għas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha;

D.  billi r-relazzjoni transatlantika ta' investiment hija l-ikbar waħda fid-dinja, peress li l-istokk totali li l-Istati Uniti u l-Ewropa investew f'xulxin jammonta għal madwar USD 4 triljun;

E.  billi l-flussi tad-data bejn l-Istati Uniti u l-UE huma bil-bosta l-akbar fid-dinja;

F.  billi l-flussi ta' data transfruntiera liberi bejn l-Istati Uniti u l-UE huma essenzjali għat-tkabbir futur tal-kummerċ u l-investiment tal-Istati Uniti u tal-UE, peress li l-konsumaturi miż-żewġ naħat tal-Atlantiku qegħdin dejjem aktar jużaw l-internet biex jixtru prodotti u servizzi mis-suq ta' xulxin, inkluż tranżazzjonijiet u servizzi transatlantiċi minn negozju għal negozju, fluss liberu ta' data għal skopijiet fi ħdan il-kumpaniji nfushom, u aċċess u użu tal-cloud, kif ukoll il-potenzjal li jespandi l-kummerċ u l-investiment fi ħdan id-dinja li qiegħda tiżviluppa b'użu dejjem aktar jiżdied tal-internet u tal-prodotti online.

G.  billi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jirrappreżentaw settur li għandu l-aktar tkabbir mgħaġġel fl-ekonomija tal-UE, u qegħdin isiru dejjem aktar dipendenti fuq il-fluss ta' data liberu; billi l-SMEs jirrappreżentaw 60 % tal-kumpaniji li jiddependu fuq il-ftehim tal-Isfera ta' Sikurezza, li ppermettilhom biex jibbenefikaw minn proċeduri ta' konformità li kienu simplifikati u kosteffikaċi minflok ma jiddependu fuq regoli korporattivi vinkolanti jew klawsoli kuntrattwali standard li jkunu esiġenti u li jirrikjedu ħafna żmien;

H.  billi d-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottata fl-1995, li tirregola l-protezzjoni tad-data personali fl-UE, se tiġi sostitwita fil-futur qrib mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; billi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jipprevedi li t-trasferiment ta' data personali mill-UE għal pajjiż terz jista' jseħħ biss taħt kundizzjonijiet speċifiċi bħal konstatazzjoni tal-adegwatezza, li huwa mekkaniżmu importanti li jippermetti t-trasferiment ta' data personali lil pajjiż terz jekk il-Kummissjoni ssib li l-pajjiż terz jipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni tal-privatezza;

I.  billi s'issa dawn il-pajjiżi: l-Andorra, l-Arġentina, il-Kanada, il-Gżejjer Faeroe, Guernsey, l-Isle of Man, Jersey, l-Urugwaj, l-Iżrael, l-Iżvizzera, l-Awstralja u n-New Zealand, ġew rikonoxxuti bħala li jipprovdu livelli adegwati ta' protezzjoni tad-data, u l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Kanada u l-Awstralja ġew rikonoxxuti bħala adegwati għall-finijiet ta' trasferiment ta' reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri;

J.  billi fis-26 ta' Lulju 2000 il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-Prinċipji tal-Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza u l-mistoqsijiet frekwenti (FAQs) maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti bħala li jipprovdu protezzjoni adegwata għall-iskopijiet ta' trasferimenti ta' data personali mill-UE u billi din id-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza tippermetti t-trasferiment ta' informazzjoni personali mill-UE għal kumpaniji fl-Istati Uniti li jaderixxu mal-prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza;

K.  billi fil-kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li fil-qafas tal-Isfera ta' Sikurezza l-Istati Uniti tipprovdi livell adegwat ta' protezzjoni ta' informazzjoni personali tal-UE hija invalida, u dan wassal għall-ħtieġa urġenti li jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali dwar kif id-data personali għandha tiġi ttrasferita mill-UE lejn l-Istati Uniti;

L.  billi, wara d-deċiżjoni Schrems, il-Kummissjoni reġgħet fetħet in-negozjati mal-Istati Uniti għal qafas ġdid bil-ħsieb li tindirizza t-tħassib espress mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u billi fit-2 ta' Frar 2016 il-Kummissjoni u l-Istati Uniti qablu dwar qafas ġdid għall-flussi ta' data transatlantiċi, 'il hekk imsejħa "Tarka tal-Privatezza UE-US";

M.  billi fl-Opinjoni tiegħu Nru 01/2016 il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 laqa' t-titjib sinifikanti li ġabet magħha t-Tarka tal-Privatezza meta mqabbla mal-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza;

N.  billi l-Judicial Redress Act tal-Istati Uniti, li jagħti liċ-ċittadini Ewropej u liċ-ċittadini ta' alleati oħra tal-Istati Uniti d-dritt li jirrevedu u jikkoreġu informazzjoni mhux preċiża dwarhom miżmuma mill-aġenziji federali Amerikani skont il-Privacy Act tal-Istati Uniti, ġie adottat mill-Kamra tar-Rappreżentanti fl-20 ta' Ottubru 2015, għadda mill-Kumitat Ġudizzjarju tas-Senat fit-28 ta' Jannar 2016 u ġie ffirmat mill-President tal-Istati Uniti Barack Obama fl-24 ta' Frar 2016;

O.  billi l-adozzjoni tal-Judicial Redress Act kienet il-prerekwiżit ewlieni li wassal lill-Parlament Ewropew biex jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti, u huwa aspett importanti tan-negozjati dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US;

1.  Jenfasizza li l-Istati Uniti hija waħda mis-sħab l-aktar importanti għall-UE f'termini ta' sigurtà, ekonomija u valuri kondiviżi;

2.  Jenfasizza li qafas legali li jkun hemm qbil dwaru, bħat-Tarka tal-Privatezza u l-Ftehim Komprensiv UE-Stati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data, huwa essenzjali sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali u l-privatezza taċ-ċittadini u biex tiġi żgurata l-fiduċja taċ-ċittadnin fil-kooperazzjoni transatlantika fl-oqsma tas-sigurtà u l-ekonomija bejn l-UE u l-Istati Uniti;

3.  Jinnota li l-UE u l-Istati Uniti diġà kkonkludew arranġamenti ta' importanza kruċjali fir-rigward ta' flussi ta' data b'rabta mas-sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, jiġifieri l-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu UE-Stati Uniti, il-Ftehim UE-Stati Uniti dwar ir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri; jinnota li dawn il-ftehimiet kienu essenzjali fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali u fl-iżgurar tas-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u tal-Istati Uniti;

4.  Jilqa' l-konklużjoni tan-negozjati bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-Tarka tal-Privatezza wara aktar minn sentejn ta' negozjati bejn il-Kummissjoni u d-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti; jenfasizza li huwa assolutament meħtieġ li tidħol fis-seħħ it-Tarka tal-Privatezza l-ġdida u mtejba sabiex jiġu stabbiliti qafas ġuridiku ċar, iċ-ċarezza ġuridika u sett definit ta' regoli u drittijiet applikabbli; jirrimarka li dan huwa pass partikolarment importanti għal kumpaniji żgħar u ta' daqs medju u għal konsumaturi;

5.  Jenfasizza li d-dritt tal-privatezza huwa dritt rikonoxxut fis-sistemi ġuridiċi kemm tal-Istati Uniti kif ukoll tal-UE, permezz tal-Kostituzzjoni Amerikana u l-Bill of Rights u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea rispettivament; jenfasizza li huwa essenzjali li tiġi rispettata l-kompatibbiltà ta' dawn iż-żewġ sistemi differenti iżda mhux li tintalab ekwivalenza totali;

6.  Jilqa' l-fatt li l-UE u l-Istati Uniti nnegozjaw t-Tarka tal-Privatezza l-ġdida u l-Ftehim Komprensiv dwar il-Protezzjoni tad-Data bejn l-UE u l-Istati Uniti f'dawn l-aħħar 12-il xahar, li t-tnejn li huma jirrappreżentaw l-ogħla livelli ta' privatezza tad-data u protezzjoni diġitali u ġuridika li qatt ġew offruti liċ-ċittadini tal-UE;

7.  Jirrikonoxxi li t-Tarka tal-Privatezza UE-US hija differenti ħafna mill-qafas tal-Isfera ta' Sikurezza, u tipprevedi dokumentazzjoni ferm aktar dettaljata li timponi obbligi aktar speċifiċi fuq il-kumpaniji li jixtiequ jissieħbu fil-qafas, inkluża sistema ta' kontrokontrolli li tiżgura li d-drittijiet tas-suġġetti tad-data tal-UE jkunu jistgħu jiġu eżerċitati meta d-data tagħhom tiġi pproċessata fl-Istati Uniti;

8.  Jilqa' l-fatt li l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 irrikonoxxa t-titjib sinifikanti li ġabet magħha t-Tarka tal-Privatezza meta mqabbla mal-qafas tal-Isfera ta' Sikurezza;

9.  Jieħu nota tat-tħassib imqajjem mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 u l-approċċ kostruttiv tiegħu, u jenfasizza wkoll li l-prinċipju ta' limitazzjoni għaż-żamma tad-data, kif imsemmi fl-opinjoni, għandu l-ewwel jiġi ċċarat fl-Unjoni Ewropea, peress li s-sitwazzjoni u l-istandards fl-UE għadhom inċerti wara d-deċiżjoni tal-2014 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

10.  Jilqa' l-adozzjoni tal-Judicial Redress Act min-naħa tal-Kungress tal-Istati Uniti, u jfakkar li ilu żmien twil jitlob għal liġi bħal din bħala prerekwiżit essenzjali għall-finalizzazzjoni tal-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-konklużjoni tan-negozjati dwar it-Tarka tal-Privatezza;

11.  Jenfasizza l-importanza tat-Tarka tal-Privatezza l-ġdida u tal-Ftehim Komprensiv dwar il-Protezzjoni tad-Data bejn l-UE u l-Istati Uniti l-ġdid, li jagħtu qafas legali ċar lill-konsumaturi, lin-negozji u liċ-ċittadini li jistgħu joperaw fi ħdanhom u jipprovdu sett ċar ta' drittijiet u mekkaniżmi ta' rimedju;

12.  Jinnota li filwaqt li l-qafas tal-Isfera ta' Sikurezza ma kienx jirreferi għal kwalunkwe restrizzjoni speċifika għall-aċċess min-naħa tal-Gvern Amerikan għad-data ttrasferita lejn l-Istati Uniti, id-dokumentazzjoni ta' qafas tat-Tarka tal-Privatezza issa tinkludi impenji vinkolanti min-naħa tal-Gvern Amerikan fl-għamla ta' ittri mingħand id-Direttur tal-Intelligence Nazzjonali, is-Segretarju tal-Istat u d-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti;

13.  Jenfasizza li mill-2013 'il hawn il-Kungress u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti għaddew aktar minn għoxrin riforma ta' liġijiet u programmi ta' sorveljanza, inkluż il-USA Freedom Act, li jipprojbixxi l-ġbir massiv ta' data, id-Direttiva dwar il-Politika Presidenzjali 28, li tagħmel il-protezzjoni tad-drittijiet tal-privatezza u l-libertajiet ċivili taċ-ċittadini barra mill-Istati Uniti parti integrali mill-politika ta' sorveljanza tal-Istati Uniti, l-emendi għall-Foreign Intelligence Act, u l-Judicial Redress Act, li jestendi l-miżuri tal-protezzjoni tad-data għaċ-ċittadini tal-UE; jenfasizza li dawn ir-riformi żiedu d-drittijiet u l-privatezza taċ-ċittadini tal-Istati Uniti u tal-UE, sabiex jintlaħqu l-istandards ta' adegwatezza rikjesti mill-UE;

14.  Jilqa' l-inizjattivi reċenti ħafna meħuda mill-Amministrazzjoni u mill-Kungress tal-Istati Uniti, bħall-Email Privacy Bill, li ġie approvat unanimament mill-Kamra tar-Rappreżentanti f'April 2016 u li jemenda l-Electronic Communications Privacy Act (ECPA) tal-1986, kif ukoll l-adozzjoni tal-Freedom of Information Improvement Act (FOIA) mill-Kamra tar-Rappreżentanti f'Jannar 2016 u mis-Senat f'Marzu 2016;

15.  Jilqa' l-ħolqien tal-mekkaniżmu tal-Ombudsman fi ħdan id-Dipartiment tal-Istat, li se jkun indipendenti mis-servizzi tas-sigurtà nazzjonali u se jgħin biex jiġu żgurati r-rimedju individwali u s-sorveljanza indipendenti;

16.  Jilqa' l-fatt li skont il-qafas il-ġdid tat-Tarka tal-Privatezza, is-suġġetti tad-data tal-UE huma offruti diversi possibilitajiet ta' rimedju ġuridiku għall-użu tad-data tagħhom;

17.  Jenfasizza li m'għandhiex tinħoloq lakuna legali oħra bħal dik li seħħet wara s-sentenza Schrems, u jenfasizza, għalhekk, li hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li twettaq rieżami bir-reqqa tal-aspetti kollha tal-arranġament legali, b'mod partikolari l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali u l-privatezza;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Kungress u lill-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti.

(1)

ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)

ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60.

(3)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(4)

ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.

Avviż legali