Proċedura : 2016/2727(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0644/2016

Testi mressqa :

B8-0644/2016

Dibattiti :

PV 25/05/2016 - 18
CRE 25/05/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 26/05/2016 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0233

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 522kWORD 101k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0623/2016
23.5.2016
PE582.665v01-00
 
B8-0644/2016

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar il-flussi ta' data transatlantiċi (2016/2727(RSP))


Sophia in ‘t Veld f'isem il-Grupp ALDE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-flussi ta' data transatlantiċi (2016/2727(RSP))  
B8-0644/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari l-Artikoli 7, 8, 47 u 52 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva Nru 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (minn hawn 'il quddiem "id-Direttiva")(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data"), li daħal fis-seħħ fl-24 ta' Mejju 2016 u li se jibda japplika sentejn wara dik id-data,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-4 ta' Diċembru 2015 fil-kawża Roman Zakharov vs ir-Russja,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-12 ta' Jannar 2016 fil-kawża Zsabó u Vissy vs. l-Ungerija,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14 Maximillian Schrems vs Data Protection Commissioner,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Frar 2016 dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mit-Tarka tal-Privatezza UE-US, u l-annessi tagħha li jikkonsistu f'ittri mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti u mill-Kummissjoni Federali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Frar 2016 dwar dan is-suġġett (COM(2016)0117), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-funzjonament tal-Isfera ta' Sikurezza mill-perspettiva taċ-ċittadini tal-UE u tal-kumpaniji stabbiliti fl-UE (COM(2013)0847) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-bini mill-ġdid tal-fiduċja fil-flussi tad-dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti (COM(2013)0846),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni (WP 238) adottata fit-13 ta' April 2016 mill-grupp ta' ħidma stabbilit skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva, u l-opinjonijiet mogħtija preċedentement dwar l-istess kwistjoni (WP 12, WP 27 u WP 32),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu dwar il-proċedura ta' eżami;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2000 dwar l-Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta mill-Prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza u l-mistoqsijiet frekwenti (FAQs) maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern(4), u r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar is-Segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar is-sorveljanza elettronika tal-massa taċ-ċittadini tal-UE(5),

–  wara li kkunsidra l-ftehim inizjalat bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, li l-Kummissjoni pproponiet li l-Kunsill għandu jiffirma,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni ġuridika tas-servizz ġuridiku tiegħu dwar il-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE u fl-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Preliminari tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet li saru lill-Kummissjoni mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fid-9 ta' Marzu 2016 dwar il-Ftehim Komprensiv, u t-tweġibiet tal-Kummissjoni għalihom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja invalidat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-adegwatezza tal-protezzjoni mogħtija mill-Prinċipji ta' Privatezza tal-Isfera ta' Sikurezza u l-Mistoqsijiet Frekwenti relatati maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Ottubru 2015, filwaqt li enfasizzat b'mod partikolari l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti dwar is-sigurtà nazzjonali u l-infurzar tal-liġi ma kinitx limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ fejn hija tawtorizza, fuq bażi ġenerali, il-ħżin u l-ipproċessar tad-data personali kollha tal-persuni kollha li d-data tagħhom hija trasferita mill-UE għall-Istati Uniti;

B.  billi l-protezzjoni tad-data personali tfisser il-protezzjoni tal-individwi li tirrigwardahom l-informazzjoni li tkun qed tiġi pproċessata, u billi din il-protezzjoni hija wieħed mid-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Unjoni (l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 16 tat-TFUE);

C.  billi d-Direttiva 95/46/KE, li se tiġi sostitwita bir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-2018, tistabbilixxi drittijiet għas-suġġett tad-data u l-obbligi korrispondenti għal dawk li jipproċessaw id-data jew dawk li jeżerċitaw kontroll fuq tali proċessar;

D.  billi l-Kummissjoni trid tiżgura, f'isem iċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, li d-data personali tista' tiġi trasferita biss lejn pajjiżi barra l-UE u ż-ŻEE fejn huwa garantit livell adegwat ta' protezzjoni;

E.  billi t-terminu "livell adegwat ta' protezzjoni" għandu jinftiehem bħala wieħed li jirrikjedi lit-tielet pajjiż jiżgura, minħabba l-liġi domestika tiegħu jew l-impenji internazzjonali tiegħu, livell ta' protezzjoni ta' drittijiet fundamentali u libertajiet li huwa essenzjalment ekwivalenti għal dak garantit fi ħdan l-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 95/46 fid-dawl tal-Karta;

F.  billi, meta tkun qed teżamina l-livell ta' protezzjoni mogħtija minn pajjiż terz, il-Kummissjoni hija obbligata li tivvaluta l-kontenut tar-regoli applikabbli f'dak il-pajjiż li jirriżultaw mil-liġi domestika jew mill-impenji internazzjonali tiegħu, kif ukoll il-prattika mfassla sabiex tiżgura konformità ma' dawk ir-regoli, peress li, skont l-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46, hija teħtieġ tqis iċ-ċirkostanzi kollha madwar trasferiment tad-data personali lejn pajjiż terz; billi din il-valutazzjoni trid tirreferi mhux biss għal-leġiżlazzjoni u l-prattiki relatati mal-protezzjoni tad-data personali għal skopijiet kummerċjali u privati, iżda trid tkopri wkoll l-aspetti kollha tal-qafas applikabbli għal dak il-pajjiż jew settur, b'mod partikolari, iżda mhux biss, l-infurzar tal-liġi, is-sigurtà nazzjonali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali,

G.  billi l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 (WP 29) dwar il-Protezzjoni tad-Data vvaluta l-konsegwenzi tas-sentenza Schrems fuq it-trasferimenti kollha tad-data għall-Istati Uniti, permezz ta' inventarju u analiżi tal-ġurisprudenza tal-QtĠ-UE relatata mal-Artikoli 7, 8 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (minn hawn 'il quddiem: il-Karta) u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (minn hawn 'il quddiem: QEDB) relatata mal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (minn hawn 'il quddiem: KEDB) li tittratta kwistjonijiet ta' sorveljanza fi Stati li huma parti mill-KEDB; billi dan wassal biex il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data identifika erba' "Garanziji Ewropej Essenzjali", jiġifieri li l-ipproċessar għandu jkun ibbażat fuq regoli ċari, preċiżi u aċċessibbli; għandhom jintwerew in-neċessità u l-proporzjonalità fir-rigward tal-objettivi leġittimi li jridu jintlaħqu; għandu jeżisti mekkaniżmu indipendenti ta' sorveljanza; u jeħtieġ li jkunu disponibbli rimedji effikaċi għall-individwu;

H.  billi l-flussi ta' data transfruntieri bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa huma l-ogħla fid-dinja – 50 % ogħla mill-flussi ta' data bejn l-Istati Uniti u l-Asja u kważi d-doppju tal-flussi ta' data bejn l-Istati Uniti u l-Amerika Latina – u billi t-trasferiment u l-iskambju ta' data personali huma element essenzjali li jsejjes ir-rabtiet mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti kemm fil-qasam kummerċjali kif ukoll fis-settur tal-infurzar tal-liġi;

I.  billi dimensjoni importanti tar-relazzjoni transatlantika hija l-kapaċità tal-UE, l-Istati Membri u l-Istati Uniti li jirrispondu b'mod effikaċi għal theddid u sfidi komuni rigward is-sigurtà b'mod kooperattiv u koordinat, billi jiddependu prinċipalment fuq l-abbiltà li jiskambjaw data personali fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali, u għaldaqstant jinħtieġ qafas komprensiv u legalment konformi sabiex tkun żgurata l-legalità ta' tali trasferiment;

J.  billi fis-sajf tal-2015 l-UE u l-Istati Uniti ffinalizzaw in-negozjati tagħhom dwar ftehim internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, il-"Ftehim Komprensiv dwar il-Protezzjoni tad-Data" bejn l-UE u l-Istati Uniti ffirmat fit-8 ta' Settembru 2015 fil-Lussemburgu, u billi l-Att dwar ir-Rimedju Ġudizzjarju tal-Istati Uniti, li jipprevedi t-trattament ugwali taċ-ċittadini tal-UE u ċ-ċittadini tal-Istati Uniti skont l-Att dwar il-Privatezza tal-Istati Uniti tal-1974, ġie approvat mill-Kungress fl-10 ta' Frar 2016 u ġie ffirmat fl-24 ta' Frar 2016;

1.  Jilqa' l-isforzi li saru mill-Kummissjoni u l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex jinkiseb titjib sostanzjali fit-Tarka tal-Privatezza meta mqabbel mad-deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza, b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' definizzjonijiet essenzjali bħal "data personali", "ipproċessar" u "kontrollur", il-mekkaniżmi stabbiliti biex tkun żgurata sorveljanza tal-lista tat-Tarka tal-Privatezza u r-rieżamijiet tal-konformità esterni jew interni li issa saru mandatorji;

2.  Jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex tipprovdi stampa aktar ċara tal-qafas legali rigward l-inġerenza f'data personali trasferita skont it-Tarka tal-Privatezza UE-US għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, inklużi l-limitazzjonijiet u s-salvagwardji applikabbli;

3.  Jinnota b'sodisfazzjon li, skont l-Artikolu 3 tal-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet superviżorji tal-UE għall-protezzjoni tad-data xorta waħda jistgħu jissospendu t-trasferimenti ta' data personali lil kontrolluri ta' data li jipparteċipaw fl-arranġament dwar it-Tarka tal-Privatezza; jirrimarka li dan huwa f'konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/497/KE dwar klawżoli standard kuntrattwali għat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi;

4.  Jirrikonoxxi u jilqa' l-progress li sar lejn aċċess akbar għal rimedji ġudizzjarji għaċ-ċittadini tal-UE fl-Istati Uniti bl-adozzjoni mill-Kungress tal-Att dwar ir-Rimedju Ġudizzjarju tal-Istati Uniti, ipprommulgat fl-24 ta' Frar 2016;

L-iżgurar ta' strument legali u sostenibbli għal flussi ta' data transatlantiċi

5.  Jinsisti li ċ-ċertezza tad-dritt għat-trasferiment ta' data personali bejn l-UE u l-Istati Uniti hija element essenzjali għall-fiduċja tal-konsumatur, l-iżvilupp tal-kummerċ transatlantiku u l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, u b'hekk huwa essenzjali għall-effikaċja u l-implimentazzjoni fit-tul tagħhom li l-istrumenti li jippermettu tali trasferimenti jikkonformaw kemm mad-dritt primarju kif ukoll ma' dak sekondarju tal-UE;

6.  Jinsisti li l-arranġament dwar it-Tarka tal-Privatezza għandu jkun konformi mad-dritt primarju u sekondarju tal-UE, kif ukoll mas-sentenzi rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tadatta l-arranġament u l-abbozz ta' deċiżjoni tiegħu kif xieraq;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni titlob kjarifika sħiħa dwar l-istatus legali tal-"Assigurazzjonijiet bil-miktub" pprovduti mill-Istati Uniti;

Kunsiderazzjonijiet dwar is-settur privat

8.  Jinsisti li l-Prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza (Anness II) jipprovdu sett ta' prinċipji sostanzjalment ekwivalenti, inkluż il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data, li jippermettu l-ipproċessar ta' data personali biss għal finijiet kompatibbli mal-iskop li għalih tkun inġabret id-data; ikun preokkupat jekk jiġi permess ċertu pproċessar ta' data personali mingħajr il-ħtieġa tal-kunsens tas-suġġett tad-data jew id-dritt sħiħ tiegħu li joġġezzjona;

9.  Ifakkar li l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' adegwatezza tagħti aċċess privileġġat għas-suq tal-UE lill-kontrolluri tad-data mill-pajjiż terz ikkonċernat; huwa preokkupat li jekk jirriżulta li r-rekwiżiti tal-Prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza jkunu inqas minn dawk previsti mid-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, il-kontrolluri u l-proċessuri bbażati fl-Istati Uniti jistgħu jingħataw vantaġġ kompetittiv fuq dawk stabbiliti fl-Unjoni;

Sorveljanza mill-gvern, aċċess għall-infurzar tal-liġi u eżenzjoni tas-sigurtà nazzjonali

10.  Ifakkar li biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' inġerenza fid-dritt fundamentali tar-rispett tal-ħajja privata, ma jimpurtax jekk l-informazzjoni inkwistjoni li tirrigwarda l-ħajja privata hijiex sensittiva jew jekk il-persuni kkonċernati ġarrbux xi konsegwenzi negattivi minħabba dik l-inġerenza (sentenza Digital Rights Ireland u Oħrajn, C-293/12 u C-594/12, EU:C:2014:238, paragrafu 33);

11.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-Anness VI (ittra minn Robert S. Litt, ODNI) jikkjarifika li skont id-Direttiva 28 tal-Politika Presidenzjali (minn hawn 'il quddiem "PPD-28"), il-ġbir massiv tad-data u l-komunikazzjonijiet personali ta' persuni li mhumiex Amerikani miġbura f'massa għadu permess f'sitt każijiet; jenfasizza li filwaqt li timponi regoli ġodda li jillimitaw l-użu u t-tixrid ta' data u komunikazzjonijiet personali ta' persuni li mhumiex Amerikani, il-PPD-28 ma tillimitax il-ġbir massiv tagħhom; jinnota li l-"ġbir massiv" fil-fehma tal-amministrazzjoni tal-Istati Uniti ma jinkludix is-sorveljanza tal-massa ta', u l-aċċess għal, data jew komunikazzjonijiet personali, iżda biss il-ħażna massiva ta' tali data jew komunikazzjonijiet, u dan potenzjalment jikkontradixxi s-sentenza Schrems tal-QtĠ-UE li tgħid li leġiżlazzjoni li tippermetti "aċċess b'mod ġeneralizzat għall-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandu jitqies bħala li jikkawża preġudizzju għall-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata";

12.  Jiddispjaċih li l-eċċezzjoni ġenerali rigward is-sigurtà nazzjonali fil-punt 5 tal-Anness II tal-Prinċipji tat-Tarka tal-Privatezza hija kkupjata verbatim mill-Prinċipji tal-Isfera ta' Sikurezza u mhijiex limitata ulterjorment;

13.  Jirrimarka li ma saret l-ebda valutazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet u l-protezzjonijiet ta' ċittadini tal-UE meta d-data personali tagħhom tiġi ttrasferita minn kontrollur tad-data tal-Istati Uniti permezz tat-Tarka tal-Privatezza lil awtorità tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti; jirrimarka li l-Anness VII (ittra minn Bruce C. Swartz, Dipartiment tal-Ġustizzja) dwar l-aċċess tal-infurzar tal-liġi għal data jirreferi biss għal aċċess għal data miżmuma minn kumpaniji, iżda ma jindirizzax is-suġġett tad-data u d-drittijiet ta' rimedju ġudizzjarju ta' individwi li d-data tagħhom qiegħda tiġi aċċessata;

Mekkaniżmi ta' rimedju

14.  Huwa preokkupat dwar il-kumplessità u n-nuqqas ta' ċarezza tal-arkitettura ġenerali tal-mekkaniżmu għall-eżerċizzju tad-dritt ta' rimedju ta' individwi tal-UE, li jista' jkollhom impatt negattiv fuq l-applikazzjoni effikaċi tiegħu;

15.  Jilqa' l-istabbiliment mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti ta' Ombudsman bħala mekkaniżmu ta' rimedju ġdid, iżda jqis li din l-istituzzjoni l-ġdida mhijiex indipendenti biżżejjed, ma tingħatax setgħat adegwati biex taqdi u tinforza dmirha b'mod effikaċi u għalhekk ma tiggarantix li rimedju sodisfaċenti f'każ ta' nuqqas ta' qbil; jiddispjaċih li ma jingħata l-ebda rimedju ġudizzjarju lil suġġetti ta' data tal-UE kontra deċiżjoni tal-Ombudsman, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-QEDB;

Rakkomandazzjonijiet

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont debitu ta', u tirrispondi għal, kunsiderazzjonijiet magħmula f'din ir-riżoluzzjoni, kif ukoll fl-Opinjoni 01/2016 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' adegwatezza dwar it-Tarka tal-Privatezza UE-US, qabel ma tadotta d-deċiżjoni ta' adegwatezza tagħha stess, b'rigward partikolari għal dawn l-erba' garanziji essenzjali li ġejjin: l-ipproċessar għandu jkun ibbażat fuq regoli ċari, preċiżi u aċċessibbli; għandhom jintwerew in-neċessità u l-proporzjonalità fir-rigward tal-objettivi leġittimi li jridu jintlaħqu; għandu jeżisti mekkaniżmu indipendenti ta' sorveljanza; u jeħtieġ li jkunu disponibbli rimedji effikaċi għall-individwu;

17.  Iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Kummissjoni biex tindirizza l-preokkupazzjonijiet espressi mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-opinjoni relatata tagħha, jiġifieri li t-termini użati fl-abbozz ta' deċiżjoni ta' adegwatezza ma jobbligawx lil organizzazzjonijiet iħassru d-data jekk ma tibqax meħtieġa, li l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti ma teskludix għalkollox l-issuktar tal-ġbir ta' data massiv u indiskriminat anke jekk tali ġbir ta' data jikkostitwixxi inġerenza mhux ġustifikata fid-drittijiet fundamentali tal-individwi, u li s-setgħat u l-pożizzjoni tal-Ombudsman jeħtieġ li jkunu ċċarati sabiex juru li r-rwol huwa verament indipendenti u jista' joffri rimedju effikaċi għal ipproċessar ta' data mhux konformi;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tapplika d-deċiżjoni ta' adegwatezza temporanjament biss sakemm isir magħruf l-eżitu ta' negozjati ġodda mal-Istati Uniti dwar qafas imtejjeb abbażi tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-suġġetti tad-data tal-UE jibbenefikaw minn rimedji amministrattivi u ġudizzjarji effikaċi meta d-data personali tagħhom ittrasferita fi ħdan it-Tarka tal-Privatezza tkun aċċessata u pproċessata ulterjorment mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Uniti għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-Karta;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-preokkupazzjonijiet espressi, billi inkella l-Kummissjoni tista' teċċedi s-setgħa ta' implimentazzjoni tagħha billi tiddeċiedi li l-arranġament dwar it-Tarka tal-Privatezza jipprevedi livell adegwat ta' protezzjoni fl-Istati Uniti mingħajr ma titwettaq valutazzjoni sħiħa tas-sistema tal-Istati Uniti;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Kungress tal-Istati Uniti.

(1)

ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(2)

ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(3)

ĠU C 121, 24.4.2001, p. 152.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0230.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2015)0388.

Avviż legali