Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0678/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0678/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar l-allokazzjoni ta' fondi supplementari għall-appoġġ ta' għaqdiet mingħajr skop ta' profitt fl-Ewropa li jgħinu vittmi ta' abbużi ta' poter u vjolenza

6.5.2016

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Aldo Patriciello

B8-0678/2016

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-allokazzjoni ta' fondi supplementari għall-appoġġ ta' għaqdiet mingħajr skop ta' profitt fl-Ewropa li jgħinu vittmi ta' abbużi ta' poter u vjolenza

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-qerda tat-tortura fid-dinja,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 5 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'ħafna pajjiżi tal-Afrika u tan-nofsinhar tal-Asja teżisti prattika ta' tortura li għadha mifruxa sew għad-dannu ta' persuni fqar u vulnerabbli;

B.  billi ħafna drabi huma l-awtoritajiet politiċi u militari li huma prinċipalment responsabbli għal każijiet ta' persekuzzjoni bħal din;

C.  billi f'bosta każijiet, sabiex jaħarbu minn abbuż ta' poter bħal dan, il-persuni jiġu fl-Ewropa u jitolbu asil;

D.  billi skont xi studji li saru, il-persuni vittmi ta' abbuż ta' poter isofru minn disturbi post-trawmatiċi, u billi, fost dan il-mard, l-aktar komuni huma l-problemi ta' rqad u ta' memorja, depressjoni, ħsibijiet ta' suwiċidju u alluċinazzjonijiet;

E.  billi jeżistu għaqdiet mingħajr skop ta' profitt li joffru appoġġ psikoloġiku lil tali persuni, li jaslu fl-Ewropa, bil-għan li jfejqu l-ġrieħi mentali u fiżiċi;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka fondi supplementari bil-għan li jiġu appoġġjati l-għaqdiet li jaħdmu biex itaffu t-tbatija tal-persuni vulnerabbli milqutin minn sofferenzi atroċi.