Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0683/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0683/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar ir-responsabilitajiet Ewropej tal-parlamenti nazzjonali

30.5.2016

imressqa skont l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura

Morten Messerschmidt

B8-0683/2016

Mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-responsabilitajiet Ewropej tal-parlamenti nazzjonali

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-nuqqas ta' skrutinju demokratiku jdgħajjef il-leġittimità u l-fiduċja fil-proġett Ewropew;

B.  billi l-parlamenti nazzjonali huma assemblej b'sovranità sħiħa li jistgħu jaġixxu flimkien biex jeżerċitaw, f'isem il-popli differenti tagħhom, grad għoli ta' kontroll fuq l-attivitajiet tal-Unjoni;

1.  Jitlob l-introduzzjoni, permezz ta' ftehim interistituzzjonali, ta' pilastru interparlamentari biex jorganizza n-netwerk tal-parlamenti nazzjonali, li jippermettilhom li:

–  jiskrutinizzaw is-sussidjarjetà, li minn issa 'l quddiem għandha tinftiehem bħala li tippermetti lill-Unjoni taġixxi taħt żewġ kundizzjonijiet kumulattivi: (1) li l-objettivi tal-azzjoni maħsuba ma jkunux jistgħu jinġiebu fis-seħħ b'mod sodisfaċenti fil-livell nazzjonali; u (2) li l-kontroll demokratiku ma jitnaqqasx minħabba tali azzjoni;

–  jekk ikunu jixtiequ, jintervjenu fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, billi jeżerċitaw dritt ta' veto jew dritt ta' nonparteċipazzjoni;

–  jeżerċitaw monitoraġġ kemm preliminari u kif ukoll ta' segwitu tal-laqgħat kollha tal-Kunsill tal-Ministri fil-livell tal-UE permezz ta' ragruppamenti interparlamentari speċjalizzati tal-membri tagħhom;

–  jieħdu deċiżjonijiet ta' natura Ewropea li jkunu immedjatament applikabbli fl-Istati Membri rispettivi tagħhom;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.