Proċedura : 2016/2747(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0737/2016

Testi mressqa :

B8-0737/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/06/2016 - 12.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 413kWORD 73k
1.6.2016
PE596.903v01-00
 
B8-0737/2016

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura


dwar l-interferenti endokrinali: is-sitwazzjoni attwali wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2015 (2016/2747(RSP))


Jens Gieseke f'isem il-Grupp PPE
Julie Girling f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-interferenti endokrinali: is-sitwazzjoni attwali wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Diċembru 2015 (2016/2747(RSP))  
B8-0737/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali,(1)

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Diċembru 2015 fil-kawża T-521/14 (kawża mressqa mill-Iżvezja kontra l-Kummissjoni, l-Iżvezja appoġġata mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, mid-Danimarka, mil-Finlandja, minn Franza u min-Netherlands),(2)

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-ittra tat-22 ta' Marzu 2016 mill-President Jean-Claude Juncker lill-President tal-Parlament Ewropew ((2016)1416502),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' konsensus tal-Istitut Federali Ġermaniż għall-Valutazzjoni tar-Riskju (BfR) dwar il-prinċipji xjentifiċi għall-identifikazzjoni ta' interferenti kimiċi endokrinali,(3)

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, is-sustanzi attivi li jitqiesu li għandhom proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali li jistgħu jikkawżaw effetti negattivi fuq il-bnedmin, jew abbażi ta' kriterji xjentifiċi li jiġu speċifikati jew, sa meta jiġu adottati dawk il-kriterji, abbażi ta' kriterji interim, m'għandhomx jiġu approvati, ħlief jekk waħda mid-derogi msemmija fl-Artikolu 5(2) hija applikabbli;

B.  billi, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mit-13 ta' Diċembru 2013, tadotta atti delegati li jispeċifikaw il-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali ta' sustanzi attivi u prodotti bijoċidali;

C.  billi l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea ddikjarat fis-sentenza tagħha tas-16 ta' Diċembru 2015 fil-Kawża T-521/14 li l-Kummissjoni kisret il-liġi tal-UE meta naqqset milli tadotta sa Diċembru 2013 atti delegati li jispeċifikaw kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali;

D.  billi, skont l-Artikolu 266 tat-TFUE, l-istituzzjoni li n-nuqqas tagħha li taġixxi jkun ġie iddikjarat kuntrarju għat-Trattati għandha tkun marbuta li tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea; billi l-Artikolu 266 tat-TFUE ma jippreskrivi l-ebda limitu ta' żmien għall-adozzjoni ta' miżuri li jikkonformaw mas-sentenza, iżda mill-ġurisprudenza jirriżulta li "żmien raġonevoli" għandu jiġi mogħti lill-istituzzjoni għal dak l-għan;

E.  billi l-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker ikkonferma fl-ittra tiegħu tat-22 ta' Marzu 2016 lill-President tal-Parlament, Martin Schulz, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta żewġ atti separati sal-aħħar ta' Ġunju; billi l-Kummissarju Andriukaitis informa lill-Parlament fit-2 ta' Frar 2016 dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta' interferenti endokrinali qabel is-sajf;

1.  Jenfasizza li l-Kummissjoni kellha obbligu ċar, preċiż u mingħajr kundizzjonijiet li tadotta atti delegati fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tal-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta' interferenti endokrinali sat-13 ta' Diċembru 2013;

2.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni pposponiet il-bidu tal-analiżi tal-impatt, li konsegwentement wassal għad-dewmien li għaddej fl-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa biex tikkonforma mar-Regolament (UE) Nru 528/2012; jirrikonoxxi, madankollu, id-diffikultà biex jintlaħaq konsensus xjentifiku dwar kif tali kriterji għandhom jiġu stabbiliti;

3.  Jaqbel mal-Qorti Ġenerali li l-analiżi tal-impatt ma teżonerax lill-Kummissjoni milli tikkonforma mal-iskadenza stabbilita għall-adozzjoni ta' atti delegati; jaqbel, madankollu, mal-prinċipji tal-Kummissjoni dwar regolamentazzjoni aħjar, li jistipulaw li l-analiżijiet tal-impatt huma element ewlieni biex tevalwa l-proposti għal miżuri leġiżlattivi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 266 tat-TFUE biex tadotta kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet ta' interferenti endokrinali li huma xjentifikament robusti u xierqa għal finijiet regolatorji;

5.  Jirrikonoxxi li l-Kummissjoni ħadet inkonsiderazzjoni s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja billi pubblikament impenjat ruħha li tipproponi żewġ miżuri sal-aħħar ta' Ġunju: regolament ta' implimentazzjoni li jinkludi l-kriterji li se jiġu applikati għas-sustanzi kimiċi li jaqgħu taħt ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti, u att delegat li jinkludi l-kriterji applikabbli skont ir-Regolament dwar il-Prodotti Bijoċidali;

6.  Jirrikonoxxi li huwa l-għan primarju tal-Parlament li kriterji xjentifiċi robusti li huma xierqa għal finijiet regolatorji jiġu adottati malajr kemm jista' jkun; iqis li l-effetti ġuridiċi ta' rikors ġdid potenzjali minħabba n-nuqqas li tittieħed azzjoni jistgħu jkunu limitati, minħabba li huwa ferm probabbli li jkun hemm l-adozzjoni tal-att delegat matul il-proċedura quddiem il-Qorti;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din il-mozzjoni għal riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill u lill-President tal-Kummissjoni.

 

(1)

ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)

https://webgate.ec.testa.eu/docfinder/extern/aHR0cDovLw==/ZXVyLWxleC5ldXJvcGEuZXU=/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:62014TA0521&rid=2

(3)

http://www.bfr.bund.de/cm/349/scientific-principles-for-the-identification-of-endocrine-disrupting-chemicals-a-consensus-statement.pdf

Avviż legali